Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 83

Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies

Ġesù jitmaʼ lil eluf taʼ nies

Eżatt qabel il-​festa tal-​Qbiż tas-​sena 32, l-​appostli ġew lura wara ħafna sigħat jippritkaw. Kienu għajjenin, u allura Ġesù qalilhom biex imorru miegħu bid-​dgħajsa lejn Betsajda ħalli jistrieħu. Imma xħin waslu qrib ix-​xatt, Ġesù ra li kien hemm eluf taʼ nies li kienu segwewh. Għalkemm Ġesù xtaq li jkun waħdu mal-​appostli, hu laqaʼ lin-​nies b’qalb tajba. Hu fejjaq lill-​morda u beda jgħallimhom. Ġesù dam il-​ġurnata kollha jgħallimhom dwar is-​Saltna t’Alla. Meta sar filgħaxija, ġew l-​appostli ħdejh u qalulu: ‘In-​nies żgur li qabadhom il-​ġuħ. Ibgħathom ħalli jmorru jixtru xi ħaġa x’jieklu.’

Ġesù qalilhom: ‘M’għandhomx għalfejn jitilqu. Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu hawnhekk.’ L-​appostli staqsewh: ‘Tridna mmorru nixtrulhom il-​ħobż?’ Filippu, wieħed mill-​appostli, qal: ‘Anke kieku kellna ħafna flus, ma nistgħux nixtru biżżejjed ħobż għal din il-​folla kbira.’

Ġesù staqsiehom: ‘Kemm għandna ikel?’ Indrì qal: ‘Għandna ħames ħobżiet u żewġ ħutiet żgħar. Dan mhux biżżejjed għal dawn in-​nies kollha.’ Ġesù qal: ‘Ġibuli l-​ħobż u l-​ħut.’ Hu qal lin-​nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-​ħaxix fi gruppi taʼ 50 u 100. Ġesù ħa l-​ħobż u l-​ħut, ħares ’il fuq lejn is-​sema, u talab. Imbagħad ta l-​ikel lill-​appostli u huma qassmuh lin-​nies. Il-​5,000 raġel u wkoll nisa u tfal, kollha kielu sakemm xebgħu. Wara, l-​appostli ġabru dak li kien baqaʼ, biex ma jinħela xejn. Imlew  12-​il qoffa mimlija! Dan kien miraklu tal-​għaġeb, hux vera?

In-​nies tant stagħġbu b’dan li riedu jagħmlu lil Ġesù s-​sultan tagħhom. Imma Ġesù kien jaf li għal Ġeħova kien għadu ma wasalx il-​waqt għalih li jkun sultan. Għalhekk bagħat lill-​folol, u qal lill-​appostli biex imorru fuq in-​naħa l-​oħra tal-​baħar tal-​Galilija. Huma rikbu fuq id-​dgħajsa, u Ġesù telaʼ fuq il-​muntanja waħdu. Għala? Għax xtaq li jkollu ħin biex jitlob lil Missieru. Għalkemm kien ikollu ħafna x’jagħmel, Ġesù dejjem għamel il-​ħin biex jitlob.

“Taħdmux għall-​ikel li jintemm [jew, jispiċċa] imma għall-​ikel li jibqaʼ għall-​ħajja taʼ dejjem, li jagħtikom Bin il-​bniedem.”—Ġwanni 6:27