Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 82

Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu

Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu

Dak kollu li kienu jagħmlu l-​Fariżej kien biex jiġbdu l-​attenzjoni tan-​nies. Meta kienu jagħmlu xi ħaġa tajba maʼ xi ħadd, kienu jagħmluha biex in-​nies jinnotawhom. Kienu jitolbu f’postijiet pubbliċi biex jarawhom in-​nies. Il-​Fariżej kienu jitgħallmu bl-​amment talb twil u jirripetuh fis-​sinagogi u fil-​kantunieri tat-​toroq biex oħrajn jisimgħuhom. Allura n-​nies baqgħu sorpriżi meta Ġesù qalilhom: ‘Titolbux bħall-​Fariżej. Huma jaħsbu li Alla se jogħġbu t-​talb tagħhom għax jużaw ħafna kliem, imma mhux veru. It-​talb hu bejnkom u bejn Ġeħova. Toqogħdux tirripetu l-​istess ħaġa. Ġeħova jridkom tgħidulu kif tħossukom verament minn ġewwa.

 ‘Hekk għandkom titolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”’ Ġesù qalilhom ukoll biex jitolbu ħalli jkollhom l-​ikel għal dik il-​ġurnata, ħalli jinħafrulhom dnubiethom, u jitolbu fuq affarijiet persunali oħrajn.

Ġesù qal: ‘Qatt tieqfu titolbu. Ibqgħu itolbu lil Missierkom, Ġeħova, għal affarijiet tajbin. Kull ġenitur jixtieq jagħti affarijiet tajbin lit-​tifel tiegħu. Jekk ibnek jitolbok il-​ħobż se tagħtih ġebla? Jekk jistaqsik biex ittih ħuta se tagħtih serp?’

Imbagħad Ġesù spjega x’kienet it-​tagħlima: ‘Jekk intom tafu tagħtu rigali sbieħ lit-​tfal tagħkom, mela kemm iktar Missierkom, Ġeħova, se jagħti l-​ispirtu qaddis lilkom! Kulma għandkom tagħmlu hu li tistaqsu.’ Inti tagħmel dak li qalilna nagħmlu Ġesù? Fuq xiex titlob int?

“Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.”—Mattew 7:7