Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 85

Ġesù jfejjaq fis-Sabat

Ġesù jfejjaq fis-Sabat

Il-​Fariżej kienu jobogħduh lil Ġesù, u allura bdew jipprovaw isibu xi ħaġa fih biex biha jkunu jistgħu jarrestawh. Huma qalu li hu m’għandux ifejjaq lin-​nies morda fis-​Sabat għax din kienet ġurnata li fiha kienu jistrieħu. Imma darba waħda, fis-​Sabat, Ġesù ltaqaʼ maʼ raġel li kien twieled agħmi, jittallab fit-​triq. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: ‘Araw kif il-​qawwa t’Alla se tgħin lil dan ir-​raġel.’ Wara li qal hekk, Ġesù ħallat ftit bżieq minn tiegħu mat-​trab tal-​art u għamel taħlita, u poġġieha fuq għajnejn ir-​raġel. Ġesù mbagħad qallu: ‘Mur u aħsel għajnejk fl-​għadira taʼ Silogħam.’ Ir-​raġel hekk għamel, u mbagħad għall-​ewwel darba f’ħajtu setaʼ jara.

In-​nies baqgħu mistagħġbin. Huma qalu: ‘Dan hu l-​istess raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab, jew xi ħadd li jixbhu?’ Ir-​raġel qalilhom: ‘Jien hu.’ In-​nies staqsewh: ‘Issa kif qed tara?’ Meta qalilhom x’kien ġara, huma ħaduh għand il-​Fariżej.

Ir-​raġel qal lill-​Fariżej: ‘Ġesù poġġieli taħlita fuq għajnejja u qalli biex immur naħsilhom. Jien hekk għamilt, u issa nistaʼ nara.’ Il-​Fariżej qalu: ‘Jekk Ġesù qed ifejjaq fis-​Sabat, mela ma jistax ikun li l-​qawwa tiegħu ġejja minn Alla.’ Imma oħrajn qalu: ‘Li kieku l-​qawwa tiegħu mhux ġejja mingħand Alla, kieku żgur li ma kienx ikun jistaʼ jfejjaq lin-​nies.’

Il-​Fariżej qalu lill-​ġenituri tar-​raġel biex jiġu għandhom, u staqsewhom: ‘Tistgħu  tgħidulna kif it-​tifel tagħkom issa qed jara?’ Il-​ġenituri bdew jibżgħu għax il-​Fariżej kienu qalu li kull min kien se jpoġġi fidi f’Ġesù kien se jiġi mkeċċi mis-​sinagoga. Allura huma wieġbu: ‘Ma nafux. Staqsu lilu.’ Għalhekk, il-​Fariżej staqsewh iktar mistoqsijiet sakemm hu qalilhom: ‘Għedtilkom dak kollu li naf. Għala se tibqgħu tistaqsuni?’ Huma rrabjaw ħafna, u keċċewh ’il barra.

Ġesù mar ifittex lir-​raġel u staqsieh: ‘Inti għandek fidi fil-​Messija?’ Ir-​raġel wieġbu: ‘Kieku naf min hu, kont inpoġġi fidi fih.’ Ġesù qallu: ‘Jien hu l-​Messija.’ Kemm wera qalb tajba Ġesù maʼ dan ir-​raġel, hux veru? Hu mhux biss fejqu imma għenu jpoġġi fidi fih bħala l-​Messija.

“Għandkom żball, għax la tafu l-​Iskrittura u lanqas il-​qawwa t’Alla.”—Mattew 22:29