Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 79

Ġesù jagħmel ħafna mirakli

Ġesù jagħmel ħafna mirakli

Ġesù ġie fid-​dinja biex jgħid lin-​nies dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Biex juri x’kien se jagħmel Ġesù bħala Sultan, Ġeħova tah l-​ispirtu qaddis biex jagħmel il-​mirakli. Hu setaʼ jfejjaq kull tip taʼ mard. Kull fejn kien imur, in-​nies morda kienu jmorru għandu għall-​għajnuna, u hu fejjaqhom kollha. Dawk li ma kinux jaraw bdew jaraw, dawk li ma kinux jisimgħu bdew jisimgħu, dawk li kellhom paralisi bdew jimxu, u dawk li kienu maħkumin mid-​demonji nħelsu minnhom. Anke jekk kienu biss imissulu t-​tarf tal-​ħwejjeġ tiegħu, kienu jfiqu. In-​nies kienu jmorru wara Ġesù kull fejn kien imur. Anke meta xtaq li jkun waħdu, Ġesù qatt ma keċċa lil ħadd.

Darba, in-​nies ġabu raġel li kellu ġismu paralizzat fid-​dar fejn kien qed joqgħod Ġesù. Imma tant kien hemm nies fid-​dar li ma setgħux jidħlu. Allura, għamlu toqba fis-​saqaf u niżżlu lir-​raġel ħdejn Ġesù. Imbagħad Ġesù qal lir-​raġel: ‘Qum u imxi.’ Meta għamel hekk, in-​nies baqgħu mistagħġbin.

Darba oħra, hekk kif Ġesù daħal ġo raħal, għaxart irġiel bil-​marda tal-​ġdiem waqfu ’l bogħod u qalulu b’leħen għoli: ‘Ġesù, għinna!’ Dak iż-​żmien, dawk li kellhom il-​ġdiem ma kinux jitħallew jersqu qrib nies oħrajn. Ġesù qal lill-​irġiel biex imorru fit-​tempju, għax hekk kienet tgħid il-​Liġi taʼ Ġeħova li kellhom jagħmlu dawk li jkunu fiequ mill-​ġdiem. Xħin kienu fi triqithom  lejn it-​tempju, huma fiequ. Meta wieħed minnhom induna li kien fieq, mar lura biex jirringrazzja lil Ġesù u jfaħħar lil Alla. Minn dawk l-​għaxra, dan ir-​raġel biss mar jirringrazzja lil Ġesù.

Mara li kienet ilha marida 12-​il sena, kienet lesta tagħmel kollox biex tfiq. Hi marret ġol-​folla minn wara Ġesù, u messitlu t-​tarf tal-​libsa. Hi fieqet mill-​ewwel. F’dak il-​mument, Ġesù staqsa: “Min messni?” Il-​mara bdiet tibżaʼ ħafna imma resqet quddiemu u qaltlu l-​verità. Imma hu serrħilha moħħha billi qalilha: ‘Binti, mur fil-​paċi.’

Kap tas-​sinagoga jismu Ġajru talab bil-​ħerqa lil Ġesù: ‘Ejja d-​dar tiegħi. It-​tifla tiegħi marida ħafna.’ Imma qabel ma Ġesù laħaq wasal id-​dar taʼ Ġajru, it-​tifla mietet. Meta wasal, ra li ħafna nies kienu ġew biex juru n-​niket tagħhom u jibku mal-​familja. Ġesù qalilhom: ‘Tibkux; hi rieqda.’ Imbagħad qabad id it-​tifla u qalilha: “Tifla, qum!” Hi qamet mill-​ewwel, u Ġesù qal lill-​ġenituri tagħha biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol. Min jaf x’ferħ ħassew il-​ġenituri tagħha!

“Alla dilek bl-​ispirtu qaddis u bil-​qawwa lil Ġesù, . . . u dan dar il-​pajjiż kollu jagħmel il-​ġid u jfejjaq lil dawk kollha maħqurin mix-​Xitan, għax Alla kien miegħu.”—Atti 10:38