Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 71

Ġeħova pproteġa lil Ġesù

Ġeħova pproteġa lil Ġesù

F’art li kienet tinsab fil-​Lvant taʼ Iżrael, kien hemm nies li kienu jemmnu li l-​istilel setgħu jgħinuhom f’ħajjithom. Darba waħda bil-​lejl, xi rġiel mil-​Lvant raw xi ħaġa miexja fis-​sema qisha stilla tiddi, u huma mxew warajha. L-​“istilla” ħadithom Ġerusalemm. L-​irġiel bdew jistaqsu lin-​nies: ‘Fejn hu t-​tifel li se jkun is-​sultan tal-​Lhud? Aħna ġejna biex immilu quddiemu.’

Meta Erodi, is-​sultan taʼ Ġerusalemm, semaʼ dwar sultan ġdid, beda jinkwieta ħafna. Hu staqsa lill-​qassisin ewlenin: ‘Dan is-​sultan fejn kellu jitwieled?’ Huma qalulu: ‘Il-​profeti qalu li kellu jitwieled f’Betlem.’ Allura Erodi bagħat għall-​irġiel mil-​Lvant u qalilhom: ‘Morru Betlem u sibu lil dan it-​tifel. Imbagħad ejjew lura u għiduli fejn qiegħed. Jien ukoll irrid immil quddiemu.’ Imma din kienet gidba.

L-​“istilla” reġgħet bdiet miexja u l-​irġiel reġgħu bdew jimxu warajha sakemm waslu Betlem. L-​“istilla” waqfet fuq dar u l-​irġiel daħlu ġewwa. Huma sabu lil Ġesù m’ommu, Marija. Mielu quddiemu u tawh rigali tad-​deheb, inċens, u mirra. Veru li kien Ġeħova li bagħat lil dawn l-​irġiel biex isibu lil Ġesù? Le.

Dak il-​lejl, Ġeħova qal lil Ġużeppi f’ħolma: ‘Erodi jrid joqtol lil Ġesù. Ħu lill-​mara tiegħek u lit-​tifel u aħarbu lejn l-​Eġittu. Ibqgħu hemmhekk sakemm ngħidilkom jien li m’għadx baqaʼ periklu f’Betlem.’ Mill-​ewwel, Ġużeppi u l-​familja tiegħu telqu lejn l-​Eġittu.

Ġeħova qal lill-​irġiel li kienu mil-​Lvant biex ma jmorrux lura għand Erodi. Meta Erodi induna li ma kinux ġejjin, irrabja ħafna. Peress li ma setax isib lil Ġesù, hu ordna li jinqatlu t-​tfal subien kollha f’Betlem li kienu daqs Ġesù. Imma Ġesù kien qiegħed l-​Eġittu, ’il bogħod mill-​periklu.

Maż-​żmien, Erodi miet. Ġeħova qal lil Ġużeppi: ‘Issa m’għadx hemm periklu, u għalhekk tistgħu  tmorru lura.’ Ġużeppi, Marija, u Ġesù marru lura f’Iżrael, u għexu fil-​belt taʼ Nazaret.

“Kelmti li toħroġ minn fommi . . .  żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.”—Isaija 55:11