Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 73

Ġwanni jipprietka li ġej il-Messija

Ġwanni jipprietka li ġej il-Messija

Ġwanni, it-​tifel taʼ Żakkarija u Eliżabetta, meta kiber sar profeta. Ġeħova uża lil Ġwanni biex jgħallem lin-​nies dwar li kien ġej il-​Messija. Imma minflok ma qagħad jgħallem fis-​sinagogi jew fl-​irħula, Ġwanni pprietka fid-​deżert. In-​nies ġew minn Ġerusalemm u mil-​Lhudija kollha biex jitgħallmu mingħandu. Hu għallimhom li biex jogħġbu lil Alla jridu jieqfu jagħmlu affarijiet ħżiena. Wara li semgħu lil Ġwanni, ħafna ddispjaċiehom għad-​dnubiet li għamlu, u Ġwanni għammidhom fix-​Xmara Ġordan.

Ġwanni għex ħajja sempliċi. Hu kien jilbes ħwejjeġ magħmulin mix-​xagħar tal-​ġemel u kien jiekol il-​ġurati u l-​għasel salvaġġ. In-​nies kienu kurjużi dwar Ġwanni. Anki l-​Fariżej u s-​Sadduċej ġew biex jaraw min kien. Hu qalilhom: ‘Intom għandkom tibdlu ħajjitkom u tindmu. Ara ma taħsbux li intom speċjali għax tgħidu li intom ulied Abraham. Għax dan ma jfissirx li intom ulied Alla.’

Ħafna ġew għand Ġwanni u staqsewh: ‘Xi rridu nagħmlu biex nogħġbu lil Alla?’ Ġwanni qal lil dawn il-​Lhud: ‘Jekk għandkom żewġ ilbiesi, agħtu waħda lil min m’għandux.’ Taf għala wiġibhom hekk? Hu riedhom ikunu jafu li biex jogħġbu lil Alla jridu jħobbu lin-​nies.

Ġwanni qal lill-​kolletturi tat-​taxxa: ‘Kunu onesti u tqarrqu b’ħadd.’ U lis-​suldati qalilhom: ‘Taċċettawx flus biex tagħmlu xi pjaċir lil xi ħadd jew tgħidu l-​gideb.’

 Anki xi qassisin u Leviti ġew għand Ġwanni, u staqsewh: ‘Int min int? Għax kulħadd irid ikun jaf.’ Ġwanni qalilhom: ‘Jien leħen taʼ xi ħadd li qed jgħajjat fid-​deżert li qed jiggwida lin-​nies lejn Ġeħova, bħalma kien bassar Isaija.’

In-​nies kienu jieħdu pjaċir b’dak li kien jgħallimhom Ġwanni. Ħafna bdew jitħassbu jekk hu kienx il-​Messija. Imma hu qalilhom: ‘Ġej xi ħadd li hu aqwa minni. Lanqas biss jistħoqqli li nħoll is-​sandli tiegħu. Jien ngħammed bl-​ilma, imma hu se jgħammed bl-​ispirtu qaddis.’

“Dan ġie biex jagħti xiehda, sabiex jixhed dwar id-​dawl, biex kull xorta taʼ nies jemmnu permezz tiegħu.”—Ġwanni 1:7