Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 59

Erbaʼ subien li obdew lil Ġeħova

Erbaʼ subien li obdew lil Ġeħova

Meta Nebukadnessar ħa lill-​prinċpijiet taʼ Ġuda lejn Babilonja, hu qabbad uffiċjal tal-​palazz jismu Asfenaż biex jieħu ħsiebhom. Nebukadnessar qallu biex minn fosthom isib l-​iktar subien f’saħħithom u intelliġenti. Dawn is-​subien kienu se jiġu mgħallmin għal tliet snin. Dan it-​tagħlim kien se jippreparahom biex isiru uffiċjali importanti f’Babilonja. Dawn kellhom jitgħallmu jaqraw, jiktbu, u jitkellmu l-​lingwa taʼ Babilonja. Ukoll kien mistenni minnhom li jieklu l-​istess tip taʼ ikel li s-​sultan u dawk tal-​palazz tiegħu kienu jieklu. Erbgħa minn dawn is-​subien kienu Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija. Asfenaż tahom ismijiet Babiloniżi: Beltesassar, Sidrak, Mesak, u Għabednego. Kien dan it-​tagħlim se jwaqqafhom milli jaqdu lil Ġeħova?

 Dawn l-​erbaʼ subien kienu lesti li, jiġri x’jiġri, jibqgħu jobdu lil Ġeħova. Huma kienu jafu li ma kellhomx jieklu mill-​stess ikel tas-​sultan għax il-​Liġi taʼ Ġeħova ma kinitx tippermetti li jittieklu ċerti annimali. Għalhekk huma qalu lil Asfenaż: ‘Jekk jogħġbok, iġġegħelniex nieklu mill-​ikel tas-​sultan.’ Hu wiġibhom: ‘Jekk ma tiklux, u s-​sultan ma jarakomx f’saħħitkom, hu żgur joqtolni!’

Danjel ġietu idea f’moħħu. Hu qal lil dak li kien jieħu ħsiebhom: ‘Jekk jogħġbok, agħtina ħaxix u ilma biss għal għaxart ijiem. Imbagħad ara min jidher l-​aħjar, jekk hux aħna jew l-​oħrajn li jieklu mill-​ikel tas-​sultan.’ Hu aċċetta li jagħmel hekk.

Wara li għaddew l-​għaxart ijiem, Danjel u sħabu dehru f’saħħithom iktar mis-​subien l-​oħrajn kollha. Ġeħova kien ferħan li huma kienu obdew Lilu. Hu anki ta lil Danjel l-​għerf biex jifhem viżjonijiet u ħolm.

Meta spiċċaw it-​tliet snin taʼ tagħlim, Asfenaż ġab lis-​subien quddiem Nebukadnessar. Wara li s-​sultan tkellem magħhom, hu ra li Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija kienu intelliġenti u kapaċi jifhmu iktar mis-​subien l-​oħrajn kollha. Għalhekk, hu għażilhom biex jaħdmu fil-​palazz irjali tiegħu. Is-​sultan spiss kien jitlobhom għal parir dwar affarijiet importanti. L-​għerf li kien tahom Ġeħova kien għamilhom aqwa mill-​irġiel għorrief tas-​sultan u minn dawk li kienu jipprattikaw il-​maġija.

Avolja Danjel, Ħananija, Misael, u Għażarija kienu f’pajjiż ieħor, huma ma nsewx li kienu jagħmlu parti mill-​poplu taʼ Ġeħova. U xi ngħidu għalik? Se tiftakar dejjem f’Ġeħova, anki meta l-​ġenituri ma jkunux ħdejk?

“Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek. Għall-​kuntrarju, kun t’eżempju għall-​uħud leali, fil-​kliem, fil-​kondotta, fl-​imħabba, fil-​fidi, fis-​safa.”—1 Timotju 4:12