Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 61

Huma ma ridux imilu

Huma ma ridux imilu

Xi żmien wara li s-​Sultan Nebukadnessar kellu l-​ħolma dwar ix-​xbieha, hu għamel statwa tad-​deheb kbira ħafna. Hu poġġieha fl-​art wiesaʼ u ċatta taʼ Dura u sejjaħ lill-​iktar nies importanti tal-​pajjiż biex jinġabru quddiemha. Magħhom kien hemm Sidrak, Mesak, u Għabednego. Is-​sultan ikkmanda: ‘Xħin tisimgħu l-​ħoss tat-​trumbetti, tal-​arpi, u tal-​istrumenti l-​oħra, tridu tmilu quddiem l-​istatwa! Kull min ma jmilx se jiġi mitfugħ ġo forn tan-​nar.’ Kienu t-​tliet Ebrej se jmilu quddiem l-​istatwa, jew kienu se jqimu biss lil Ġeħova?

Imbagħad, is-​sultan ikkmanda biex tindaqq il-​mużika. Xħin semgħu dan, kulħadd niżel u miel quddiem l-​istatwa minbarra Sidrak, Mesak, u Għabednego. Xi wħud mill-​irġiel indunaw u qalu lis-​sultan: ‘Dawk it-​tliet Ebrej ma jridux iqimu l-​istatwa.’ Nebukadnessar bagħat għalihom u qalilhom: ‘Ħa nagħtikom ċans ieħor biex tqimu l-​istatwa. Jekk ma tagħmlux hekk, se nitfagħkom fil-​forn tan-​nar. Ma hemm l-​ebda alla li se jkun jistaʼ jsalvakom minni.’ Huma wiġbuh: ‘Aħna m’għandniex bżonn ċans ieħor. Alla tagħna jistaʼ jsalvana. Imma anki jekk ma jsalvaniex, O sultan, m’aħniex se nqimu l-​istatwa.’

Nebukadnessar irrabja ħafna. Hu qal lill-​irġiel tiegħu: ‘Agħmlu n-​nar tal-​forn sebaʼ darbiet iktar jaħraq milli jkun is-​soltu!’ Imbagħad ikkmanda lis-​suldati: ‘Orbtuhom u itfgħuhom fil-​forn!’ Il-​forn tan-​nar tant kien jaħraq li xħin is-​suldati resqu lejh  mill-​ewwel mietu. It-​tliet Ebrej spiċċaw fin-​nar. Imma meta Nebukadnessar ħares ġewwa, hu ra li kien hemm erbat irġiel mexjin u mhux tlieta. Hu beżaʼ u staqsa lill-​uffiċjali tiegħu: ‘Aħna mhux tlett irġiel tfajna fin-​nar? Jien qed nara erbgħa, u wieħed minnhom qisu anġlu!’

Nebukadnessar resaq eqreb lejn il-​forn u għajjat: ‘Oħorġu, intom l-​qaddejja tal-​Alla l-​Iktar Għoli!’ Kulħadd baqaʼ ċċassat xħin ra lil Sidrak, Mesak, u Għabednego ħerġin mill-​forn bla ma ġralhom xejn. Il-​ġilda tagħhom, xagħarhom, u ħwejjiġhom ma kinux inħarqu, u lanqas riħa taʼ ħruq ma kellhom.

Nebukadnessar imbagħad qal: ‘L-​Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego hu kbir. Hu bagħat l-​anġlu tiegħu u salvahom. M’hemmx alla ieħor bħalu.’

Lest int li, jiġri x’jiġri, tibqaʼ leali lejn Ġeħova bħalma għamlu dawn it-​tliet Ebrej?

“Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.”—Mattew 4:10