Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 LEZZJONI 62

Ħolma dwar siġra kbira

Ħolma dwar siġra kbira

Darba waħda billejl, Nebukadnessar ħolom ħolma tal-​biżaʼ. Hu sejjaħ għandu lill-​irġiel għorrief tiegħu biex dawn jgħidulu x’kienet tfisser. Imma ħadd ma kien kapaċi jgħidlu xi tfisser il-​ħolma. Fl-​aħħar, is-​sultan kellem lil Danjel.

Nebukadnessar qal lil Danjel: ‘Fil-​ħolma tiegħi rajt siġra. Din tant kibret li għoliet sas-​smewwiet u kienet tidher minn kullimkien. Kellha weraq sbieħ u ħafna frott. L-​annimali kienu jmorru jistrieħu għad-​dell tagħha, u l-​għasafar kienu jagħmlu l-​bejtiet tagħhom fuq il-​friegħi tagħha. Imbagħad, anġlu niżel mis-​sema u b’leħen għoli qal: “Qaċċtu s-​siġra, u aqtgħu l-​friegħi tagħha. Imma ħallu z-​zokk tagħha bl-​għeruq fl-​art, u madwaru agħmlu ħoloq tal-​ħadid u tar-​ram aħmar. Il-​qalb tas-​siġra se tinbidel minn qalb taʼ bniedem għal dik t’annimal, u se tibqaʼ hekk għal sebaʼ żminijiet. In-​nies kollha se jkunu jafu li Alla hu l-​Mexxej u li jistaʼ jagħti t-​tmexxija lil min irid hu.”’

Ġeħova wera lil Danjel x’kienet tfisser il-​ħolma. Meta Danjel fehem il-​ħolma beda jibżaʼ. Hu qal: ‘O sultan, nixtieq li din il-​ħolma kienet dwar l-​għedewwa tiegħek, imma din hi dwarek. Is-​siġra kbira li ġiet imqaċċta hi int. Int se titlef it-​tmexxija tiegħek, u se tiekol il-​ħaxix bħal annimal tar-​rabaʼ. Imma peress li l-​anġlu qal biex jitħalla z-​zokk tas-​siġra bl-​għeruq, dan ifisser li int se terġaʼ ssir sultan.’

Sena wara, Nebukadnessar kien miexi fuq il-​bejt tal-​palazz tiegħu, iħares u jitgħaxxaq b’Babilonja. Hu qal: ‘Ara x’belt tal-​għaġeb irnexxieli nibni jien. Ara kemm jien b’saħħti!’ Dak il-​ħin stess, instemaʼ leħen mis-​sema li qal: ‘Nebukadnessar! Int għadek kif tlift it-​tmexxija.’

F’dak il-​mument, Nebukadnessar tilef moħħu u sar bħal annimal tar-​rabaʼ. Hu ġie mkeċċi mill-​palazz tiegħu u spiċċa jgħix fl-​għelieqi mal-​annimali l-​oħra. Xagħru twal daqs ir-​rix  tal-​ajkli, u difrejh saru bħad-​dwiefer tal-​għasafar.

Wara li għaddew sebaʼ snin, Nebukadnessar reġaʼ beda jaġixxi normali u Ġeħova għamlu sultan taʼ Babilonja. Imbagħad, Nebukadnessar qal: ‘Jien infaħħar lil Ġeħova, is-​Sultan tas-​smewwiet. Issa naf li Ġeħova hu l-​Wieħed li jmexxi. Hu jumilja lin-​nies kburin, u jagħti t-​tmexxija lil min irid hu.’

“Qabel tisbita jkun hemm il-​kburija, u qabel it-​tfixkil ikun hemm spirtu supperv.”—Proverbji 16:18