Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 22

Is-Saltna twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art

Is-Saltna twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art

KAPITLU DWAR

Kif is-​Saltna twettaq il-​wegħdi kollha t’Alla dwar l-​umanità u l-​art

1, 2. (a) Kultant, għala jistaʼ jkun diffiċli għalina li naraw il-​Ġenna tal-​art bħala xi ħaġa reali? (b) X’jistaʼ jgħinna nsaħħu l-​fidi tagħna fil-​wegħdi t’Alla?

ĦU LEALI jasal għal-​laqgħa għajjien mejjet wara ġurnata mimlija stress. Ġie ttrattat ħażin minn imgħallem li jippretendi wisq minnu, ħassu stressat minħabba l-​isfidi biex imantni l-​familja, u ġarrab l-​ansjetà minħabba marda li qed tifni lil martu. Hekk kif tibda l-​mużika tal-​għanja tal-​ftuħ, jieħu nifs taʼ serħan, u jħossu ferħan li qiegħed fis-​Sala tas-​Saltna maʼ ħutu rġiel u nisa. L-​għanja hi dwar it-​tama taʼ ħajja fil-​Ġenna tal-​art, u tħeġġu jġib quddiem għajnejh din it-​tama u jimmaġina li qiegħed hemm. Minn dejjem kien iħobb din l-​għanja, u hu u jkantaha flimkien maʼ familtu, it-​tama għall-​futur tqawwilu qalbu.

2 Ġieli ħassejtek bħal dan il-​ħu? Il-​maġġoranza minna żgur li nwieġbu iva. Bla dubju taʼ xejn, il-​ħajja f’din is-​sistema qadima tistaʼ tagħmilhielna diffiċli biex inħarsu lejn il-​Ġenna tal-​art li ġejja bħala xi ħaġa reali. Qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u d-​dinja xejn ma tixbah ġenna tal-​art. (2 Tim. 3:1) X’jistaʼ jgħinna nħarsu lejn it-​tama tagħna bħala xi ħaġa reali? Kif tassew nafu li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se taħkem fuq l-​umanità kollha? Ejja nikkunsidraw ftit mill-​profeziji taʼ Ġeħova li n-​nies tiegħu rawhom jitwettqu fl-​imgħoddi. Imbagħad se nirrivedu kif dawn il-​profeziji u oħrajn simili qed jitwettqu b’mod eċċitanti issa stess. Fl-​aħħar, bil-​fidi tagħna msaħħa, se niffokaw fuq kif dawn il-​profeziji se jitwettqu fil-​futur.

Kif Ġeħova wettaq il-​wegħdi tiegħu żmien twil ilu

3. Liema wegħda farrġet lil-​Lhud li kienu fl-​eżilju f’Babilonja?

3 Immaġina kif kienet il-​ħajja tal-​Lhud li kienu qed jgħixu fl-​eżilju f’Babilonja lura fis-​sitt seklu QEK. Ħafna trabbew bħala eżiljati, bħall-​ġenituri tagħhom, u l-​ħajja kienet iebsa. Il-​Babiloniżi kienu jgħadduhom biż-​żmien minħabba l-​fidi tagħhom f’Ġeħova. (Salm 137:1-​3) Imma għal għaxriet taʼ snin, il-​Lhud leali żammew sod maʼ din it-​tama sabiħa: Ġeħova kien wiegħed li jiġbor lil niesu lura f’Iżrael.  Ġeħova kien qal li se jgawdu ħajja mill-​isbaħ hemmhekk. Saħansitra qal li l-​art taʼ Ġuda kienet se ssir bħall-​ġnien tal-​Għeden—ġenna! (Aqra Isaija 51:3.) Jidher ċar li dawn il-​wegħdi ntqalu biex iserrħu moħħ in-​nies t’Alla u biex itaffu l-​ansjetà li setgħet kienet qed tkiddhom. Kif? Ikkunsidra xi profeziji speċifiċi.

4. Ġeħova kif assigura lil-​Lhud dwar is-​sigurtà f’​Ġuda?

4 Sigurtà. Dawn l-​eżiljati ma kinux se jirritornaw għal ġenna letterali, imma għal art imbiegħda li kien ilha diżabitata 70 sena, pajjiż li ħafna minnhom qatt ma kienu rawh. Fil-​pajjiżi tal-​Bibbja f’dak iż-​żmien l-​iljuni kienu komuni, bħalma kienu l-​ilpup, il-​leopardi, u annimali salvaġġi oħrajn. Raġel tal-​familja għandu mnejn ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Kif nistaʼ nieħu ħsieb lil marti u lit-​tfal? Xi ngħidu għan-​nagħaġ u l-​imrieħel—kif nistaʼ nipproteġihom?ʼ Hu naturali li jitħasseb b’dan il-​mod. Allura, aħseb dwar il-​wegħda t’Alla mniżżla f’​Isaija 11:6-​9, u immaġina kemm kienet sors taʼ faraġ. (Aqra.) B’dan il-​kliem poetiku mill-​isbaħ, Ġeħova assigura lill-​eżiljati li kemm huma u kemm l-​annimali tagħhom kienu se jkunu protetti. L-​iljun kien se jiekol it-​tiben fis-​sens li ma kienx se jiekol l-​imrieħel tal-​Lhud. Uħud leali ma kellhomx għalfejn jibżgħu minħabba dawn l-​annimali salvaġġi. Ġeħova wiegħed li n-​nies tiegħu kienu se jgħixu fis-​sigurtà fl-​art taʼ Ġuda, anke fl-​art xagħrija u fil-​foresti.—Eżek. 34:25.

5. Liema profeziji għenu lill-​eżiljati jkunu fiduċjużi li Ġeħova kien se jipprovdi għall-​bżonnijiet tagħhom bl-​abbundanza?

5 Abbundanza. Setaʼ kien hemm affarijiet oħra li inkwetaw lin-​nies. ‘Se nkun nistaʼ mmantni l-​familja tiegħi f’​Ġuda? Fejn se ngħixu? Se jkun hemm xogħol għalija? Jekk iva, se jkun aħjar mill-​ħajja tedjanti li kellna fl-​eżilju taħt idejn il-​Babiloniżi?’ Permezz taʼ profeziji mnebbħin, Ġeħova b’qalb tajba wieġeb dawn il-​mistoqsijiet ukoll. Ġeħova wiegħed li se jagħti x-​xita lin-​nies ubbidjenti tiegħu; u b’hekk, l-​art kienet se tipproduċi ħobż “bnin u rikk.” (Is. 30:23) Rigward post fejn jgħixu u xogħol sodisfaċenti, Ġeħova wiegħed hekk dwar in-​nies tiegħu: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor.” (Is. 65:21, 22) Tabilħaqq, b’ħafna modi, il-​ħajja kienet se tkun mill-​isbaħ meta mqabbla mal-​eżilju tagħhom f’Babilonja li kienet pagana. Imma xi ngħidu għall-​iktar problemi serji tagħhom—dawk li wassluhom biex spiċċaw fl-​eżilju?

6. In-​nies t’Alla kienu ilhom ibatu minn liema problemi taʼ saħħa, u Ġeħova dwar xiex serrħilhom moħħhom?

6 Saħħa spiritwali. Ħafna qabel ma ġew eżiljati, in-​nies t’Alla kienu marru l-​baħar spiritwalment. Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova qal hekk dwar il-​poplu tiegħu: “Ir-​ras kollha hi f’qagħda marida, u l-​qalb kollha hi dgħajfa.” (Is. 1:5) Kienu għomja u torox spiritwalment, għax baqgħu  jsoddu widnejhom għall-​pariri taʼ Ġeħova u jagħlqu għajnejhom għat-​tagħlim li ta. (Is. 6:10; Ġer. 5:21; Eżek. 12:2) Li kieku l-​istess problemi kellhom jifnu lill-​eżiljati, x’sigurtà setaʼ jkollhom? Ma kinux huma jerġgħu jitilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova? Min jaf kemm serrħitilhom moħħhom lill-​Iżraelin din il-​wegħda taʼ Ġeħova: “Dakinhar it-​torox jisimgħu kliem il-​ktieb, u mis-​swidija u mid-​dlam għajnejn l-​għomja jaraw.” (Is. 29:18) Iva, Ġeħova kien se jġib fejqan spiritwali lin-​nies tiegħu li kien iddispjaċiehom u li nidmu. Sakemm baqgħu ubbidjenti u wieġbu b’mod pożittiv, hu kien se jipprovdi l-​gwida u t-​tagħlim vitali.

7. Kif twettqu l-​wegħdi li Alla għamel mal-​poplu eżiljat tiegħu, u dan it-​twettiq għala għandu jsaħħilna l-​fidi?

7 Wettaq Ġeħova l-​wegħdi tiegħu? Iva, bħalma turi l-​istorja. Il-​Lhud li marru lura Ġuda tbierku b’sigurtà, b’abbundanza, u b’saħħa spiritwali. Pereżempju, Ġeħova pproteġiehom mill-​ġnus taʼ madwarhom li kienu iktar b’saħħithom u iktar numerużi minnhom. L-​annimali salvaġġi ma qerdux l-​annimali tal-​Lhud. Veru, dawn il-​Lhud raw biss twettiq limitat tal-​profeziji dwar il-​ġenna tal-​art li kitbu rġiel bħal Isaija, Ġeremija, u Eżekjel—imma t-​twettiq li raw in-​nies t’Alla kien eċċitanti u eżatt dak li kellhom bżonn f’dak iż-​żmien. Hekk kif nimmeditaw fuq dak li għamel Ġeħova għan-​nies tiegħu lura f’dak iż-​żmien, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ. Jekk l-​ewwel twettiq taʼ dawn il-​profeziji kien eċċitanti, tistaʼ timmaġina kif se jkun it-​twettiq akbar? Ikkunsidra dak li Ġeħova għamel għalina llum il-​ġurnata.

Kif Ġeħova beda jwettaq il-​wegħdi tiegħu fi żmienna stess

8. In-​nies t’Alla llum liema tip taʼ “art” igawdu?

8 In-​nies taʼ Ġeħova issa ma jifformawx ġens letterali, lanqas ma jgħixu kollha fl-​istess pajjiż. Minflok, il-​Kristjani midlukin jifformaw ġens spiritwali, “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 6:16) L-​imseħbin tagħhom, in-​“nagħaġ oħrajn,” jingħaqdu magħhom f’“art” spiritwali fejn jaqdu lil Alla Ġeħova f’unità. Din il-​qima hija l-​mod tal-​ħajja tagħhom. (Ġw. 10:16; Is. 66:8) U x’tip taʼ “art” tana Ġeħova? Tana ġenna spiritwali. F’din l-​“art,” il-​wegħdi t’Alla dwar kundizzjonijiet bħal tal-​ġnien tal-​Għeden qed ikollhom twettiq spiritwali meraviljuż. Ikkunsidra xi eżempji.

9, 10. (a) Il-​profezija t’Isaija 11:6-​9 kif qed titwettaq illum? (b) Xi prova għandna li hemm il-​paċi fost in-​nies t’Alla?

9 Sigurtà. Fil-​profezija mniżżla f’​Isaija 11:6-​9, insibu deskrizzjoni mill-​isbaħ tal-​armonija u l-​paċi—bejn l-​annimali salvaġġi u bejn il-​bnedmin u l-​annimali domestiċi tagħhom. Din id-​deskrizzjoni għandha twettiq spiritwali fi żmienna? Iva! F’vers 9, insiru nafu għala dawn l-​annimali ma se jagħmlu l-​ebda ħsara jew ħerba: “Għax l-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova bħalma l-​ilmijiet jiksu l-​baħar.” Ibiddel “l-​għarfien taʼ Ġeħova” l-​imġiba tal-​annimali? Le, huma n-​nies li jinbidlu meta jsiru jafu lil Alla  l-​Iktar Għoli u meta jitgħallmu kif jimitaw l-​azzjonijiet paċifiċi tiegħu. Hu għalhekk li fil-​ġenna spiritwali tagħna llum nistgħu naraw twettiq li jqawwi l-​qalb taʼ din il-​profezija. Taħt il-​ħakma tas-​Saltna, is-​segwaċi taʼ Kristu qed jitgħallmu kif iħallu warajhom il-​kwalitajiet feroċi u annimalistiċi tagħhom u jgħixu fil-​paċi u fl-​armonija maʼ ħuthom spiritwali.

10 Pereżempju, f’dan il-​ktieb iddiskutejna l-​kwistjoni tan-​newtralità Kristjana—kemm il-​bażi Skritturali għall-​waqfa newtrali tagħna kif ukoll il-​persekuzzjoni li n-​nies t’Alla ħabbtu wiċċhom magħha minħabba din il-​waqfa. Ma taqbilx li hu rimarkevoli li f’din id-​dinja vjolenti hemm “ġens” imdaqqas taʼ nies li jirrifjutaw li jieħdu sehem f’xi tip taʼ vjolenza, anke meta jkun hemm ħajjithom stess fin-​nofs? Din tassew hi prova rimarkevoli li s-​sudditi tas-​Sultan Messjaniku tassew qed igawdu l-​paċi bħal dik deskritta minn Isaija! Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu kienu se jkunu magħrufin mill-​imħabba li għandhom bejniethom. (Ġw. 13:34, 35) Fil-​kongregazzjoni, Kristu bil-​paċenzja qed juża “l-​ilsir leali u għaqli” biex jgħallem lis-​segwaċi veri kollha biex ikunu paċifiċi, u juru l-​imħabba u l-​ġentilezza.—Mt. 24:45-​47.

11, 12. X’tip taʼ ġuħ qed jifni d-​dinja llum, iżda Ġeħova kif ipprovda bl-​abbundanza għall-​poplu tiegħu?

 11 Abbundanza. Id-​dinja mġewħa spiritwalment. Il-​Bibbja wissiet: “‘Ara! Ġej żmien,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova, ‘meta se nibgħat ġuħ fuq l-​art, ġuħ, mhux għall-​ħobż, u għatx, mhux għall-​ilma, imma għas-​smigħ tal-​kliem taʼ Ġeħova.’” (Għam. 8:11) Iċ-​ċittadini tas-​Saltna t’Alla, ibatu l-​ġuħ ukoll? Ġeħova bassar li kien se jkun hemm dan il-​kuntrast bejn il-​poplu u l-​għedewwa tiegħu: “Il-​qaddejja tiegħi se jieklu, imma intom tkunu bil-​ġuħ. Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jixorbu, imma intom tkunu bil-​għatx. Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jifirħu, imma intom issofru l-​mistħija.” (Is. 65:13) Rajt int b’għajnejk stess it-​twettiq taʼ dan il-​kliem?

12 Il-​provvedimenti spiritwali jaslu għandna bħal xmara li dejjem qed titwessaʼ u ssir iktar fonda. Il-​pubblikazzjonijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja—kif ukoll rekordings u vidjows, laqgħat u konvenzjonijiet, u l-​informazzjoni ppubblikata fuq il-​Websajt tagħna—flimkien huma bħal dulluvju t’ikel spiritwali f’din id-​dinja li hi mejta bil-​ġuħ f’sens spiritwali. (Eżek. 47:1-​12; Ġoel 3:18) Ma titgħaxxaqx meta fil-​ħajja tiegħek taʼ kuljum tara t-​twettiq tal-​wegħdi taʼ Ġeħova dwar li jkollna bl-​abbundanza? Tagħmel ċert int li tiekol regolarment mill-​mejda taʼ Ġeħova?

Il-kongregazzjonijiet tagħna jgħinuna nkunu mitmugħin, fis-sigurtà, u b’saħħitna f’sens spiritwali

13. Kif rajt it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġeħova dwar meta l-​għomja jibdew jaraw u t-​torox jibdew jisimgħu?

13 Saħħa spiritwali. Illum, kull fejn tħares tara nies għomja u torox spiritwalment. (2 Kor. 4:4) Imma Kristu qed ifejjaq il-​mard madwar id-​dinja. Rajt int l-​għomja jibdew jaraw u t-​torox jibdew jisimgħu? Jekk rajt lil nies jaslu għall-​għarfien eżatt tal-​verità tal-​Kelma t’Alla, iħallu warajhom il-​gideb reliġjuż li qabel kien għalqilhom widnejhom u għajnejhom għall-​verità, mela int rajt it-​twettiq taʼ din il-​wegħda: “Dakinhar it-​torox jisimgħu kliem il-​ktieb, u mis-​swidija u mid-​dlam għajnejn l-​għomja jaraw.” (Is. 29:18) Madwar id-​dinja, kull sena mijiet t’eluf taʼ nies qed isibu fejqan spiritwali bħal dan. Kull persuna li titlaq minn Babilonja l-​Kbira u tingħaqad magħna biex tqim fil-​ġenna spiritwali tagħna, hi prova ċara daqs il-​kristall li l-​wegħdi taʼ Ġeħova twettqu!

14. Liema evidenza se ssaħħilna l-​fidi?

14 Kull kapitlu f’dan il-​ktieb fih evidenza ċara li Kristu daħħal lis-​segwaċi tiegħu f’ġenna spiritwali ġenwina f’dan iż-​żmien tat-​tmiem. Ejja nibqgħu nimmeditaw fuq il-​ħafna modi kif qed nitbierku f’din il-​ġenna llum. Hekk kif nagħmlu dan, il-​fidi tagħna fil-​wegħdi taʼ Ġeħova għall-​futur se tkompli tissaħħaħ.

“Ħa tiġi Saltnatek”

15. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​art se ssir ġenna?

15 Ġeħova ilu żmien twil bl-​iskop li jbiddel l-​art f’ġenna globali. Hu poġġa lil Adam u Eva fil-​ġnien tal-​Għeden, u tahom il-​kmand biex jimlew l-​art b’nisilhom u jieħdu ħsieb il-​ħlejjaq ħajjin kollha. (Ġen. 1:28) Minflok, Adam u Eva  ngħaqdu maʼ Satana u rribellaw kontra Alla, u minħabba fihom nisilhom kollu bata mill-​imperfezzjoni, id-​dnub, u l-​mewt. Però, l-​iskop t’Alla qatt ma nbidel. Ladarba jkun tkellem, kliemu dejjem jitwettaq bis-​sħiħ. (Aqra Isaija 55:10, 11.) Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li d-​dixxendenti t’Adam u Eva se jimlew din l-​art u jrażżnuha billi bi mħabba jieħdu ħsieb il-​ħolqien taʼ Ġeħova f’ġenna globali. F’dak iż-​żmien, il-​profeziji li oriġinalment ingħataw lil-​Lhud eżiljati dwar il-​ħajja f’kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna se jitwettqu bis-​sħiħ. Ikkunsidra l-​eżempji li ġejjin.

16. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi s-​sigurtà li se ngawdu fil-​Ġenna tal-​art?

16 Sigurtà. Sa fl-​aħħar, id-​deskrizzjoni li tqawwi l-​qalb f’​Isaija 11:6-​9 se titwettaq bis-​sħiħ anke f’sens letterali. Irġiel, nisa, u tfal se jkunu protetti u fis-​sigurtà jmorru fejn imorru fid-​dinja. L-​ebda bniedem u l-​ebda annimal ma se jkun taʼ theddida. Immaġina żmien meta se tħares lejn din il-​pjaneta kollha bħala d-​dar tiegħek, meta tistaʼ tgħum fix-​xmajjar, l-​għadajjar, u l-​ibħra; taqsam il-​muntanji; u tesplora l-​widien bla biżaʼ taʼ xejn. U meta jidlam, m’intix se tħabbel rasek. Il-​kliem t’Eżekjel 34:25 se jitwettaq, biex saħansitra jkun possibbli li n-​nies t’Alla “jgħammru fix-​xagħri fis-​sigurtà u jorqdu fil-​foresti.”

17. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jipprovdi bl-​abbundanza għall-​bżonnijiet tagħna meta s-​Saltna taħkem fuq l-​art kollha?

17 Abbundanza. Ġib quddiem għajnejk żmien meta affarijiet bħall-​faqar, il-​ġuħ, jew il-​benefiċċji soċjali mhux se jeżistu. L-​abbundanza spiritwali li n-​nies t’Alla jgawdu llum hi garanzija li s-​Sultan Messjaniku se jitmaʼ lis-​sudditi tiegħu b’kull mod. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu wera fuq skala żgħira li jistaʼ jwettaq dawn il-​wegħdi, għax temaʼ lil eluf taʼ nies bil-​ġuħ bi ftit ħobż u ħut. (Mt. 14:17, 18; 15:34-​36; Mk. 8:19, 20) Meta s-​Saltna t’Alla tkun qed taħkem fuq l-​art kollha, profeziji bħal din se jkollhom twettiq letterali: “Se jagħti x-​xita għaż-​żerriegħa li tiżraʼ l-​art biha, u bħala l-​prodott taʼ l-​art il-​ħobż, li jrid ikun bnin u rikk. Dakinhar il-​bhejjem tiegħek se jirgħu f’mergħa spazjuża.”—Is. 30:23.

18, 19. (a) Il-​profezija mniżżla f’​Isaija 65:20-​22, xi tfisser għalik? (b) F’liema sens jiemna se jkunu “bħall-​jiem taʼ siġra”?

18 Illum ħafna nies bilkemm jistgħu jimmaġinaw lilhom infushom bid-​dar komda tagħhom jew b’xi xogħol sodisfaċenti li jġibilhom benefiċċji. F’din is-​sistema korrotta, ħafna wħud iħossu li jaħdmu daqs kelb, imma ftit li xejn jibbenefikaw huma u l-​familja tagħhom, filwaqt li l-​għonja u r-​rgħiba jiksbu l-​benefiċċji kollha. Immaġina kif se tkun il-​ħajja meta din il-​profezija titwettaq mad-​dinja kollha: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor. Għax jiem in-​nies tiegħi jkunu bħall-​jiem taʼ siġra; u l-​magħżulin tiegħi se jużaw xogħol idejhom bis-​sħiħ.”—Is. 65:20-​22.

 19 Xi tfisser il-​frażi li jiemna se jkunu “bħall-​jiem taʼ siġra”? Meta toqgħod ħdejn siġra kbira b’zokk daqsiex, tħoss int sens taʼ stagħġib li jħallik b’ħalqek miftuħ hekk kif taħseb dwar kemm ilha hemm dik is-​siġra—forsi ħafna qabel ma twieldu l-​bużnanniet tiegħek? Forsi taħseb li jekk tibqaʼ fl-​istat imperfett tiegħek, din is-​siġra abbli tibqaʼ ħajja fil-​paċi għal ħafna snin wara li tmut—wara li tkun ilek li ntesejt. Kemm hu qalbu tajba Ġeħova għax jassigurana li fil-​Ġenna tal-​art li ġejja, jiemna stess se jkunu twal u paċifiċi! (Salm 37:11, 29) Se jasal il-​jum meta anke siġar li jdumu jgħixu ħafna se jkunu għomorhom qasir bħall-​ħaxix—illum hawn u għada le—meta mqabbel mal-​ħajja eterna tagħna!

20. Is-​sudditi leali tas-​Saltna kif se jgawdu saħħa perfetta?

20 Saħħa perfetta. Illum, il-​mard u l-​mewt jiġu fuq kulħadd. Sa ċertu punt, aħna lkoll morda—bil-​marda terminali tad-​dnub. L-​unika kura hi s-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Rum. 3:23; 6:23) Matul ir-​Renju Millennjali, Ġesù u l-​ħakkiema sħabu se jgħinu lin-​nies jibbenefikaw bis-​sħiħ minn dak is-​sagrifiċċju, u b’hekk bil-​mod il-​mod jeqirdu għalkollox kull traċċa tad-​dnub mill-​bnedmin leali. Il-​profezija t’Isaija se titwettaq f’kull sens tagħha: “Ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’ In-​nies li jgħixu fl-​art se jkun inħafrilhom l-​iżball tagħhom.” (Is. 33:24) Immaġina żmien meta ħadd mhu se jkun agħmi, trux, jew zopp. (Aqra Isaija 35:5, 6.) M’hemm l-​ebda marda li mhux se jkun kapaċi jfejjaqha Ġesù—kemm jekk mard fiżiku, mentali, jew emozzjonali. Is-​sudditi leali tas-​Saltna se jgawdu saħħa perfetta!

21. X’se jiġrilha l-​mewt, u għala tfarrġek din il-​wegħda?

21 Iżda xi ngħidu għar-​riżultat komuni tal-​mard, ir-​riżultat li ma tistax tiskansah tad-​dnub—il-​mewt? Din hi “l-​aħħar għadu” tagħna, l-​għadu li xi darba jew oħra kull bniedem imperfett ikollu jiffaċċja. (1 Kor. 15:26) Imma se jaqtaʼ qalbu Ġeħova minn dan l-​għadu? Innota x’bassar Isaija: “Hu jiblaʼ l-​mewt għal dejjem, u l-​Mulej Sovran Ġeħova se jimsaħ id-​dmugħ mill-​uċuħ kollha.” (Is. 25:8) Tistaʼ ġġib quddiem għajnejk dan iż-​żmien? Daqshekk ikun hawn funerali, ċimiterji, u biki taʼ mrar! Pjuttost se jkun hawn biki taʼ ferħ hekk kif Ġeħova jwettaq il-​wegħda eċċitanti tiegħu li jirxoxta l-​mejtin! (Aqra Isaija 26:19.) Fl-​aħħar, il-​ħafna ġrieħi li ġabet magħha l-​mewt se jfiqu.

22. X’se jiġri wara li s-​Saltna Messjanika tkun wettqet għalkollox ir-​rieda t’Alla fuq l-​art?

22 Sal-​aħħar tal-​Millennju, is-​Saltna se tkun wettqet għalkollox ir-​rieda t’Alla fuq l-​art, u Kristu se jagħti l-​ħakma lil Missieru. (1 Kor. 15:25-​28) Il-​bnedmin perfetti se jkunu lesti biex jiffaċċjaw l-​aħħar prova meta Satana jinħeles mill-​abbiss taʼ inattività. Wara dan, Kristu fl-​aħħar se jeqred lil  dan is-​serp vili u dawk kollha li jappoġġawh. (Ġen. 3:15; Riv. 20:3, 7-​10) Imma dawk kollha li b’lealtà jħobbu lil Ġeħova għandhom tama mill-​isbaħ quddiemhom. Forsi l-​aħjar deskrizzjoni taʼ kif se nħossuna nsibuha fil-​wegħda tal-​Bibbja li tgħid li dawk leali se jkollhom “il-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rum. 8:21.

Is-Saltna se twettaq il-wegħdi kollha taʼ Ġeħova dwar il-bnedmin u l-art

23, 24. (a) Għala ninsabu ċerti mija fil-​mija li l-​wegħdi t’Alla se jitwettqu? (b) X’int determinat li tagħmel?

23 Dawn il-​wegħdi mhumiex ibbażati sempliċement fuq tamiet, xewqat, jew ħolm. Ninsabu ċerti mija fil-​mija li l-​wegħdi taʼ Ġeħova se jitwettqu! Għala? Ftakar fil-​kliem taʼ Ġesù li ddiskutejna fl-​ewwel kapitlu taʼ dan il-​kiteb. Hu għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu hekk lil Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mt. 6:9, 10) Is-​Saltna t’Alla mhix xi ħaġa li ġiet mill-​immaġinazzjoni taʼ xi bniedem. Hi realtà! Qed taħkem fis-​sema issa stess! Issa ilha seklu sħiħ twettaq il-​wegħdi taʼ Ġeħova b’modi li jidhru biċ-​ċar fil-​kongregazzjoni Kristjana. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li l-​wegħdi kollha taʼ Ġeħova se jitwettqu meta s-​Saltna t’Alla tiġi biex turi l-​qawwa kollha tagħha fuq l-​art!

24 Aħna nafu li s-​Saltna t’Alla se tiġi. Nafu li kull wegħda taʼ Ġeħova se titwettaq. Għala? Għax IS-​SALTNA T’ALLA QED TAĦKEM! Dak li kull wieħed u waħda minna għandu jsaqsi lilu nnifsu hu, ‘Inħalli s-​Saltna taħkem, jew tiggwida, lili?’ Jalla nagħmlu kulma nistgħu biex ngħixu bħala ċittadini leali tas-​Saltna issa, ħalli nibbenefikaw mill-​ħakma ġusta u perfetta tagħha għal dejjem!