Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 21

Is-Saltna t’Alla teqred l-għedewwa tagħha

Is-Saltna t’Alla teqred l-għedewwa tagħha

KAPITLU DWAR

Il-​ġrajjiet li jwasslu għall-​gwerra t’Armageddon

1, 2. (a) Xi prova għandna li s-​Sultan tagħna ilu jaħkem sa mill-​1914? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

TASSEW saħħaħna l-​fidi wara din ir-​reviżjoni taʼ dak li s-​Saltna t’Alla wettqet f’nofs l-​għedewwa tagħha! (Salm 110:2) Is-​Sultan tagħna għandu armata taʼ predikaturi li jaqdu minn rajhom. Hu naddaf u rfina lis-​segwaċi tiegħu b’mod spiritwali u morali. U minkejja l-​isforzi kollha tal-​għedewwa tas-​Saltna biex jifirduna, illum, aħna ngawdu unità madwar id-​dinja kollha. Dan kollu u l-​ħafna affarijiet oħra li wettqet is-​Saltna u li kkunsidrajna f’dan il-​ktieb jagħtuna prova bl-​abbundanza li sa mill-​1914, is-​Sultan tagħna kien u għadu qed jaħkem f’nofs l-​għedewwa tas-​Saltna.

2 Is-​Saltna se tagħmel affarijiet meraviljużi oħra fil-​futur qarib. Se “tiġi” biex “tfarrak u ttemm” l-​għedewwa tagħha. (Mt. 6:10; Dan. 2:44) Imma qabel ma jasal dan iż-​żmien, se jseħħu xi ġrajjiet sinifikanti oħra. X’inhuma? Diversi profeziji tal-​Bibbja jwieġbu din il-​mistoqsija. Ejja neżaminaw xi ftit minn dawn il-​profeziji ħalli naraw x’hemm lest għalina fil-​futur.

Dak li se jiġri eżatt qabel il-​“qerda f’daqqa”

3. X’inhi l-​ewwel ġrajja li qed nistennew?

3 Id-​dikjarazzjoni tal-​paċi. Meta kiteb lit-​Tessalonikin, l-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​ewwel ġrajja li qed nistennew. (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:2, 3.) F’din l-​ittra, Pawlu jsemmi “jum Ġeħova,” li se jibda bl-​attakk kontra “Babilonja l-​Kbira.” (Riv. 17:5) Iżda, eżatt qabel ma jibda jum Ġeħova, il-​ġnus se jkunu qed jgħidu, “Paċi u sigurtà!” Din l-​espressjoni tistaʼ tirreferi għal dikjarazzjoni waħda jew għal serje taʼ stqarrijiet li jispikkaw. Se jkunu involuti l-​mexxejja reliġjużi? Ladarba huma parti mid-​dinja, jistaʼ jagħti l-​każ li jingħaqdu mal-​ġnus f’li jgħidu, “Hemm il-​paċi!” (Ġer. 6:14; 23:16, 17; Riv. 17:1, 2) Din id-​dikjarazzjoni taʼ paċi u sigurtà se turi li jum Ġeħova wasal biex jibda. L-​għedewwa tas-​Saltna t’Alla “żgur ma jeħilsuhiex.”

4. Kif nibbenefikaw meta nifhmu l-​importanza tal-​profezija taʼ Pawlu dwar id-​dikjarazzjoni taʼ paċi u sigurtà?

 4 Kif nibbenefikaw meta nifhmu l-​importanza taʼ din il-​profezija? Pawlu jgħid: “M’intomx fid-​dlam, biex dak il-​jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-​ħallelin.” (1 Tess. 5:3, 4) Kuntrarju għan-​nies inġenerali, aħna nafu kif se jiżvolġu l-​ġrajjiet kurrenti. Din il-​profezija dwar paċi u sigurtà, b’liema mod se titwettaq eżattament? Ikollna nistennew biex naraw x’se jiġri. Għalhekk, “ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—1 Tess. 5:6; Sof. 3:8.

Tfaqqaʼ t-​tribulazzjoni l-​kbira

5. X’se jagħti bidu għat-​‘tribulazzjoni l-​kbira’?

5 L-​attakk fuq ir-​reliġjonijiet. Ftakar li Pawlu kiteb: “Meta jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa.” Nafu li meta naraw sajjetta ftit wara se nisimgħu r-​ragħad. Bl-​istess mod, meta jkun hemm id-​dikjarazzjoni “Paċi u sigurtà!” eżatt warajha se tiġi l-​“qerda f’daqqa.” X’se jinqered? L-​ewwel ħaġa li se tinqered hi “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, magħrufa wkoll bħala “l-​prostituta.” (Riv. 17:5, 6, 15) Din il-​qerda tal-​Kristjaneżmu u tar-​reliġjonijiet l-​oħra kollha se tagħti bidu għat-​‘tribulazzjoni l-​kbira.’ (Mt. 24:21; 2 Tess. 2:8) Din il-​ġrajja se taqbad lil ħafna nies fuq sieq waħda. Għala? Għax qabel ma jiġri dan, il-​prostituta se tqis lilha nfisha bħala “sultana” li ‘qatt ma se tara niket.’ Imma malajr se tara kemm kienet sejra żmerċ. Se tinqered f’ħakka t’għajn, bħallikieku “f’jum wieħed.”—Riv. 18:7, 8.

6. Min se jmexxi jew x’se jmexxi l-​attakk kontra “Babilonja l-​Kbira”?

6 Min se jmexxi jew x’se jmexxi l-​attakk kontra “Babilonja l-​Kbira”? “Bhima salvaġġa” b’“għaxart iqrun.” Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jagħti x’jifhem li din il-​bhima salvaġġa tirreferi għall-​Ġnus Magħquda (ĠM). L-​għaxart iqrun jirrappreżentaw il-​qawwiet politiċi kollha preżenti li jappoġġaw din il-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat.” (Riv. 17:3, 5, 11, 12) Kemm se jkun devastanti dan l-​attakk? In-​nazzjonijiet tal-​ĠM se jneżżgħu l-​ġid tal-​prostituta, “jiklulha laħamha u jaħarquha għalkollox bin-​nar.”—Aqra Rivelazzjoni 17:16. *

7. (a) Kliem Ġesù f’​Mattew 24:21, 22, kif twettaq fl-​ewwel seklu EK? (b) Kif se jitwettaq fil-​futur?

7 Jitqassru l-​jiem. Is-​Sultan tagħna rrivela x’se jiġri f’dan il-​waqt tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Ġesù qal: “Minħabba l-​magħżulin dawk il-​jiem jitqassru.” (Aqra Mattew 24:21, 22.) Kliem Ġesù twettaq fuq skala żgħira fis-​sena 66 EK, meta Ġeħova “qassar” l-​attakk tal-​armata Rumana kontra Ġerusalemm. (Mk. 13:20) Dan ta ċans lill-​Kristjani f’Ġerusalemm u l-​Lhudija biex jinħelsu. Allura, x’se jiġri fuq skala globali matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja? Ġeħova, permezz tas-​Sultan tagħna, se ‘jqassar’ l-​attakk  tal-​Ġnus Magħquda kontra r-​reliġjonijiet ħalli r-​reliġjon vera ma tinqeridx maʼ dik falza. B’hekk, waqt li r-​reliġjonijiet foloz kollha se jinqerdu, ir-​reliġjon vera se ssalva. (Salm 96:5) Issa ejja nikkunsidraw liema ġrajjiet se jseħħu wara li din il-​parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira tkun għaddiet.

Ġrajjiet li jwasslu għal Armageddon

8, 9. Għal liema meravilji setaʼ rrefera Ġesù, u n-​nies kif se jirreaġixxu għal dak li jaraw?

8 Il-​profezija taʼ Ġesù dwar l-​aħħar jiem turi li diversi ġrajjiet sinifikanti se jseħħu fiż-​żmien li jwassal għal Armageddon. L-​ewwel żewġ ġrajjiet li se nikkunsidraw huma t-​tnejn imsemmijin fl-​Evanġelji taʼ Mattew, Marku, u Luqa.—Aqra Mattew 24:29-​31; Mk. 13:23-​27; Lq. 21:25-​28.

9 Meravilji fis-​sema. Ġesù bassar: “Ix-​xemx tiddallam, u l-​qamar ma jagħtix dawl, u l-​kwiekeb jaqgħu mis-​sema.” Żgur li n-​nies mhux se jibqgħu jduru lejn il-​mexxejja reliġjużi għad-​“dawl,” jew għall-​gwida. Kien Ġesù qed jirreferi wkoll għal xi dehra sopranaturali fis-​sema? Jistaʼ jkun. (Is. 13:9-​11; Ġoel 2:1, 30, 31) In-​nies kif se jirreaġixxu għal dak li jaraw? Dawn se jħossu “diqa” għax “ma jafux x’jaqbdu jagħmlu.” (Lq. 21:25; Sof. 1:17) Iva, l-​għedewwa tas-​Saltna t’Alla—minn ‘sultan’ sa “lsir”—se “jħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ dak li jkun ġej” u jipprovaw jinħbew. Però, mhu se jsibu l-​ebda post taʼ kenn li hu sigur biżżejjed biex jiskansaw il-​korla tas-​Sultan tagħna.—Lq. 21:26; 23:30; Riv. 6:15-​17.

10. (a) Ġesù liema kundanna se jaqtaʼ? (b) Dawk li jappoġġaw is-​Saltna t’Alla u dawk li jopponuha, kif se jirreaġixxu għall-​kundanna?

10 Jinfirdu n-​nagħaġ mill-​mogħoż. L-​għedewwa kollha tas-​Saltna t’Alla mbagħad se jkollhom jaraw ġrajja li se żżidilhom id-​diqa. Ġesù stqarr: “Jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fis-​sħab b’qawwa u glorja kbira.” (Mk. 13:26) Din it-​turija sopranaturali tal-​qawwa se turi li Ġesù ġie biex jaqtaʼ l-​kundanna. F’parti oħra tal-​istess profezija dwar l-​aħħar jiem, Ġesù jagħti iktar dettalji dwar il-​kundanna li se tinqataʼ f’dak iż-​żmien. Insibu din l-​informazzjoni fit-​tixbiha dwar in-​nagħaġ u l-​mogħoż. (Aqra Mattew 25:31-​33, 46.) Dawk li b’lealtà jappoġġaw is-​Saltna t’Alla se jiġu ġudikati bħala “nagħaġ” u se ‘jgħollu rashom ’il fuq,’ għax jirrealizzaw li ‘qorob il-​ħelsien tagħhom.’ (Lq. 21:28) Madanakollu, dawk li jopponu s-​Saltna se jiġu ġudikati bħala “mogħoż” u se “jibku u jħabbtu fuq sidirhom,” għax jirrealizzaw li se “jmorru fil-​qtugħ taʼ dejjem.”—Mt. 24:30; Riv. 1:7.

11. X’għandna niftakru hekk kif nikkunsidraw ġrajjiet li għad iridu jseħħu?

11 Wara li Ġesù jaqtaʼ l-​kundanna kontra “l-​ġnus kollha,” diversi ġrajjiet sinifikanti jkunu għad iridu jseħħu qabel ma tfaqqaʼ l-​gwerra t’Armageddon. (Mt. 25:32) Se nikkunsidraw  tnejn minn dawn il-​ġrajjiet: l-​attakk taʼ Gog u l-​ġbir tal-​midlukin. Hekk kif neżaminaw dawn iż-​żewġ ġrajjiet, irridu niftakru li l-​Kelma t’Alla ma tgħidilniex iż-​żmien eżatt taʼ meta se jseħħu. Infatti, jidher li l-​ewwel ġrajja se tkun għadha għaddejja meta tibda t-​tieni ġrajja.

12. Fiex jikkonsisti l-​attakk sfrenat taʼ Satana kontra s-​Saltna?

12 Attakk sfrenat. Gog taʼ Magog se jattakka l-​fdal tal-​midlukin u n-​nagħaġ l-​oħra li jissieħbu magħhom. (Aqra Eżekjel 38:2, 11.) L-​attakk kontra l-​ħakma tas-​Saltna stabbilita se jkun l-​aħħar battalja taʼ Satana fi gwerra li ilu jiggwerra kontra l-​fdal midluk sa minn meta tkeċċa mis-​smewwiet. (Riv. 12:7-​9, 17) Speċjalment minn mindu l-​midlukin bdew jinġabru fil-​kongregazzjoni Kristjana mnaddfa, Satana pprova jeqred il-​ġenna spiritwali tagħhom—imma kollu għalxejn. (Mt. 13:30) Iżda, fiż-​żmien meta r-​reliġjonijiet foloz kollha se jkunu nqerdu u n-​nies t’Alla jkunu jidhru li qed jgħixu ‘mingħajr swar, staneg, u bibien,’ Satana se jara opportunità tad-​deheb. Se jxewwex lill-​ġnus fuq l-​art taħt il-​kontroll tiegħu biex jagħmlu attakk sfrenat fuq dawk li jappoġġaw is-​Saltna.

13. Ġeħova kif se jidħol għall-​qaddejja tiegħu?

13 Eżekjel jiddeskrivi dak li se jiġri. Rigward Gog, il-​profezija tgħid: “Int żgur li se tiġi minn postok, mill-​iktar partijiet imbegħdin tat-​tramuntana, int u ħafna popli miegħek, ilkoll kemm huma rekbin iż-​żwiemel, ġemgħa kbira, iva, qawwa militari numeruża. U int se jkollok titlaʼ kontra l-​poplu tiegħi Israel, bħal sħab li jiksi l-​pajjiż.” (Eżek. 38:15, 16) Ġeħova kif se jirreaġixxi meta jiġri dan l-​attakk li jidher li ħadd ma jistaʼ jwaqqfu? “Il-​korla tiegħi titlaʼ fi mnieħri,” jiddikjara Ġeħova. “Se nsejjaħ sejf.” (Eżek. 38:18, 21; aqra Żakkarija 2:8.) Ġeħova se jidħol għall-​qaddejja tiegħu fuq l-​art biex jiddefendihom. Meta jagħmel dan, se tibda l-​gwerra t’Armageddon.

14, 15. Liema ġrajja oħra se sseħħ f’xi ħin wara l-​bidu tal-​attakk sfrenat taʼ Satana?

14 Qabel ma nikkunsidraw kif Ġeħova se jiddefendi lin-​nies tiegħu matul il-​gwerra t’Armageddon, ejja nieqfu ftit u neżaminaw ġrajja oħra sinifikanti. Din il-​ġrajja se tiġri xi żmien wara l-​bidu tal-​attakk sfrenat taʼ Satana, imma qabel il-​bidu t’Armageddon permezz taʼ Ġeħova. Bħalma rajna f’paragrafu 11, din it-​tieni ġrajja hi l-​ġbir tal-​fdal midluk.

15 Jinġabru l-​midlukin. Kemm Mattew u kemm Marku niżżlu bil-​miktub l-​istqarrija taʼ Ġesù dwar “il-​magħżulin”—il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu—bħala parti minn serje taʼ ġrajjiet li se jseħħu qabel ma tfaqqaʼ Armageddon. (Ara paragrafu 7.) Waqt li jitkellem dwaru nnifsu bħala Sultan, Ġesù jipprofetizza: “Imbagħad jibgħat lill-​anġli u jiġbor  flimkien lill-​magħżulin tiegħu mill-​erbat irjieħ, minn tarf l-​art sa tarf is-​sema.” (Mk. 13:27; Mt. 24:31) Hawnhekk Ġesù għal liema ġbir qed jirreferi? Mhux qed jitkellem dwar l-​aħħar immarkar bis-​siġill tal-​fdal midluk, li se jsir eżatt qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. (Riv. 7:1-​3) Minflok, Ġesù qed jirreferi għal ġrajja li se sseħħ matul it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja. Għalhekk, jidher li f’xi ħin wara li jibda l-​attakk sfrenat taʼ Satana kontra n-​nies t’Alla, il-​fdal midluk se jinġabar fis-​sema.

16. Il-​midlukin irxoxtati x’sehem ħa jkollhom fil-​gwerra t’Armageddon?

16 Dan il-​ġbir tal-​fdal midluk, x’għandu x’jaqsam mal-​ġrajja li se sseħħ wara, jiġifieri, Armageddon? Il-​fatt li l-​midlukin se jinġabru matul it-​tribulazzjoni l-​kbira jagħti x’jifhem li l-​midlukin kollha se jkunu fis-​sema qabel ma tfaqqaʼ Armageddon, il-​gwerra t’Alla. Fis-​sema, il-​144,000 ħakkiem bi sħab maʼ Kristu se jirċievu l-​awtorità biex, flimkien maʼ Ġesù, jużaw “xettru tal-​ħadid” biex jeqirdu l-​għedewwa kollha tas-​Saltna t’Alla. (Riv. 2:26, 27) Imbagħad, mal-​anġli setgħanin, il-​midlukin irxoxtati se jsegwu lil Kristu, is-​Sultan-​Gwerrier, hekk kif joħroġ jiggwerra kontra l-​“qawwa militari numeruża” li qed tlesti biex tattakka n-​nies taʼ Ġeħova. (Eżek. 38:15) Meta dawn iż-​żewġ armati jiltaqgħu, se tibda l-​gwerra t’Armageddon!—Riv. 16:16.

It-​tmiem grandjuż tat-​tribulazzjoni l-​kbira

Tfaqqaʼ l-gwerra t’Armageddon!

17. X’se jiġri lill-​“mogħoż” matul Armageddon?

17 Jitwettaq il-​ġudizzju. Il-​gwerra t’Armageddon se tkun it-​tmiem tat-​tribulazzjoni l-​kbira. F’dak iż-​żmien, Ġesù se jkollu kariga ġdida. Minbarra li hu l-​Imħallef tal-​“ġnus kollha,” se jsir ukoll l-​Esekutur tal-​ġnus—jiġifieri, tan-​nies kollha li qabel iġġudikahom bħala “mogħoż.” (Mt. 25:32, 33) B’“xabla twila li taqtaʼ,” is-​Sultan tagħna se “jidrob lill-​ġnus.” Dawk kollha li huma bħal mogħoż—minn “slaten” sa “lsiera”—se “jmorru fil-​qtugħ taʼ dejjem.”—Riv. 19:15, 18; Mt. 25:46.

18. (a) Kif se tinqaleb il-​folja għan-​“nagħaġ”? (b) Ġesù kif se jtemm ir-​rebħa tiegħu?

18 Kif se tinqaleb il-​folja għal dawk li Ġesù ġġudikahom bħala “nagħaġ”! Minflok ma kważi tgħaffġet taħt saqajn l-​armata kbira taʼ Satana li hi rrappreżentata mill-​“mogħoż”, “folla kbira” taʼ “nagħaġ,” li tidher li hi bla difiża, se ssalva mill-​attakk tal-​għadu u se toħroġ “mit-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:9, 14) Imbagħad, wara li Ġesù jkun qered u neħħa l-​għedewwa umani kollha tas-​Saltna t’Alla, se jixħet lil Satana u d-​demonji tiegħu fl-​abbiss. Hemmhekk se jitħallew fi stat inattiv, bħallikieku huma mejta, għal elf sena.—Aqra Rivelazzjoni 6:2; 20:1-3.

 Kif inħejju lilna nfusna

19, 20. Kif nistgħu napplikaw il-​lezzjoni li hemm fil-​kliem t’Isaija 26:20 u 30:21?

19 Kif nistgħu nħejju lilna nfusna għall-​ġrajjiet xokkanti li ġejjin? It-​Torri tal-​Għassa xi snin ilu qal: “Is-​salvazzjoni tagħna se tkun tiddependi mill-​ubbidjenza.” Għala? It-​tweġiba nsibuha fit-​twissija li Ġeħova ta lill-​eżiljati Lhud li kienu f’Babilonja tal-​qedem. Ġeħova bassar li Babilonja kienet se tintrebaħ, imma n-​nies t’Alla x’kellhom jagħmlu biex iħejju ruħhom għal din il-​ġrajja? Ġeħova qal: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-​kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-​bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-​kundanna.” (Is. 26:20) Innota l-​verbi f’dan il-​vers: “mur,” “idħol,” “agħlaq,” “inħeba”—huma lkoll fl-​imperattiv, jiġifieri, kmandi. Il-​Lhud li semgħu minn dawn il-​kmandi kienu se jibqgħu f’darhom, ’il bogħod mis-​suldati fit-​toroq. Għaldaqstant, is-​salvazzjoni tagħhom kienet tiddependi milli jobdu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. *

20 X’lezzjoni nisiltu minn dan? Bħal fil-​każ taʼ dawn il-​qaddejja t’Alla fl-​imgħoddi, is-​salvazzjoni tagħna mill-​ġrajjiet li ġejjin se tiddependi milli nobdu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġeħova. (Is. 30:21) Dawn l-​istruzzjonijiet jaslu għandna permezz tal-​kongregazzjoni. Għalhekk, irridu niżviluppaw ubbidjenza mill-​qalb għall-​gwida li qed nirċievu. (1 Ġw. 5:3) Jekk nagħmlu hekk illum, se nkunu iktar lesti li nobdu minn jeddna fil-​futur, u b’hekk ingawdu l-​protezzjoni taʼ Missierna, Ġeħova, u tas-​Sultan tagħna, Ġesù. (Sof. 2:3) Din il-​protezzjoni divina se tippermettilna naraw b’għajnejna stess kif is-​Saltna t’Alla se teqred għalkollox l-​għedewwa tagħha. Xi ġrajja li ma tintesa qatt se tkun din!

^ par. 6 Jidher raġunevoli li l-​qerda taʼ “Babilonja l-​kbira” tirreferi l-​aktar għall-​qerda taʼ organizzazzjonijiet reliġjużi, u ma tirreferix għall-​qatla tan-​nies reliġjużi kollha. Għalhekk, ħafna minn dawk li qabel kienu aduraturi taʼ Babilonja se jibqgħu ħajjin wara l-​qerda tagħha, u mbagħad għall-​inqas għal għajn in-​nies, x’aktarx se jipprovaw ibiegħdu lilhom infushom mir-​reliġjon, bħalma jagħti x’jifhem Żakkarija 13:4-​6.

^ par. 19 Għal iktar informazzjoni, ara l-​ktieb Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha I, paġni 282-​283.