Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 4

Isem Ġeħova jiġi mfaħħar

Isem Ġeħova jiġi mfaħħar

KAPITLU DWAR

Kif in-​nies t’Alla jagħtu importanza mistħoqqa lil isem Alla

1, 2. It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida kif tfaħħar l-​isem t’Alla?

NHAR it-​Tlieta, 2 taʼ Diċembru 1947, f’għodwa friska imma bnazzi, grupp żgħir t’aħwa rġiel midlukin mill-​Betel taʼ Brooklyn, New York, bdew biċċa xogħol iebsa. Ix-​xogħol kien jirrikjedi ħafna sforz. Minkejja dan, baqgħu għaddejjin bih għal 12-​il sena. Sa fl-​aħħar, nhar il-​Ħadd, 13 taʼ Marzu 1960, lestew it-​traduzzjoni taʼ Bibbja ġdida. Tliet xhur wara, fit-​18 taʼ Ġunju 1960, Ħuna Nathan Knorr ħareġ l-​aħħar volum tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa sħiħa f’konvenzjoni f’Manchester, l-​Ingilterra. Il-​kelliemi esprima b’mod tajjeb is-​sentimenti tal-​udjenza eċċitata meta qal: ‘Illum, hu jum biex ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fid-​dinja kollha jifirħu!’ Aspett li spikka f’din it-​traduzzjoni ġdida u li b’mod speċjali ġab ħafna ferħ kien il-​fatt li spiss intuża l-​isem persunali t’Alla.

It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana bl-Ingliż ħarġet fl-Assemblea tal-1950 “Żieda tat-Teokrazija” (Xellug: Yankee Stadium, il-belt taʼ New York; lemin: Il-Gana)

2 Ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja jħallu barra l-​isem t’Alla. Imma l-​qaddejja midlukin taʼ Ġeħova ħadu waqfa soda kontra l-​pjan taʼ Satana li jnessi l-​isem t’Alla minn moħħ il-​bnedmin. L-​introduzzjoni tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tgħid: “Fattur primarju taʼ din it-​traduzzjoni huwa li l-​isem divin t’Alla reġaʼ tpoġġa fil-​post xieraq tiegħu.” Tabilħaqq, it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida tuża l-​isem persunali t’Alla, Ġeħova, iktar minn 7,000 darba. Kemm faħħret bil-​kbir din it-​traduzzjoni l-​isem taʼ Missierna tas-​sema—Ġeħova!

3. (a) Ħutna x’fehmu dwar it-​tifsir taʼ isem Alla? (b) Kif għandna nifhmu Eżodu 3:13, 14? (Ara l-​kaxxa “ Dak li jfisser l-​isem t’Alla.”)

3 L-​Istudenti tal-​Bibbja fil-​bidu ħasbu li isem Alla kien ifisser “Jien li jien.” (Eżo. 3:14, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Għalhekk, It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar 1926, qal: “L-​isem taʼ Ġeħova jfisser li hu ma jiddependi minn ħadd biex jeżisti . . . hu l-​Wieħed li la kellu bidu u lanqas tmiem.” Però, sakemm wasal iż-​żmien biex it-​tradutturi jibdew ix-​xogħol fuq it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida, Ġeħova kien għen lin-​nies tiegħu jifhmu li ismu ma jfissirx  sempliċement li ma jiddependi minn ħadd biex jeżisti, imma jfisser iktar li hu Alla taʼ skop u t’attività. Tgħallmu li l-​isem taʼ Ġeħova letteralment ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Iva, hu ġiegħel, jew ikkaġuna, li jinħalqu l-​univers u l-​ħlejjaq intelliġenti, u jkompli jagħmel ċert li r-​rieda u l-​iskop tiegħu jseħħu. Imma għala hu tant importanti li isem Alla jiġi mfaħħar, u kif jistaʼ jkollna sehem f’li nfaħħruh?

It-​taqdis taʼ isem Alla

4, 5. (a) Għal xiex inkunu qed nitolbu meta ngħidu “Ħa jitqaddes ismek”? (b) Alla meta u kif se jqaddes ismu?

4 Ġeħova jrid li ismu jiġi mfaħħar. Infatti, l-​iskop primarju tiegħu hu li jqaddes lil ismu, bħalma turi biċ-​ċar l-​ewwel ħaġa li Ġesù talab għaliha fit-​talba mudell: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Għal xiex inkunu qed nitolbu meta ngħidu “Ħa jitqaddes ismek”?

5 Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 1 taʼ din il-​pubblikazzjoni, it-​talba “Ħa jitqaddes ismek” hi waħda mit-​tliet affarijiet fit-​talba mudell taʼ Ġesù li għandhom x’jaqsmu mal-​iskop taʼ Ġeħova. It-​tnejn l-​oħra huma: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int.” (Mt. 6:10) Għaldaqstant, l-​istess bħalma nitolbu lil Ġeħova biex jaġixxi ħalli tiġi Saltnatu u ssir ir-​rieda tiegħu, hekk ukoll nitolbu lil Ġeħova biex jaġixxi ħalli jqaddes lil ismu. Fi kliem ieħor, nitolbu lil Ġeħova biex jaġixxi ħalli jnaddaf ismu mit-​tmaqdir li sofra mir-​ribelljoni fl-​Għeden ’l hawn. Ġeħova kif se jwieġeb għal talba bħal din? Hu jistqarr: “Se nqaddes ismi l-​kbir, li kien qed jiġi mkasbar fost il-​ġnus.” (Eżek. 36:23; 38:23) F’Armageddon, meta jneħħi l-​ħażen, Ġeħova se jqaddes lil ismu quddiem għajnejn kull maħluq.

6. Kif nistgħu nieħdu sehem f’li nqaddsu lil isem Alla?

6 Matul l-​istorja, Ġeħova ħalla lill-​qaddejja tiegħu jieħdu sehem f’li jqaddsu lil ismu. Naturalment, ma nistgħux nagħmlu l-​isem t’Alla iktar qaddis. Diġà hu qaddis, jew sagru, fil-​veru sens tal-​kelma. Allura, kif nistgħu nqaddsuh? Isaija jistqarr: “Huwa lil Ġeħova taʼ l-​armati li għandkom tittrattaw bħala qaddis.” U Ġeħova nnifsu qal hekk dwar il-​poplu tiegħu: “Se jqaddsu lil ismi . . . , u l-​Alla taʼ Israel se jqisuh b’rispett profond.” (Is. 8:13; 29:23) B’hekk, inqaddsu lil isem Alla billi nqisuh bħala separat u ħafna iktar glorjuż minn kull isem ieħor, billi nirrispettaw dak li jirrappreżenta, u billi ngħinu lil oħrajn jittrattawh bħala qaddis. Speċjalment nuru r-​rispett profond tagħna għall-​isem t’Alla meta nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-​Ħakkiem tagħna u nobduh b’qalbna kollha.—Prov. 3:1; Riv. 4:11.

 Imħejjijin biex jissejħu b’isem Alla u jfaħħruh

7, 8. (a) Għala kellu jgħaddi xi żmien qabel ma n-​nies t’Alla setgħu jissejħu b’ismu? (b) Issa x’se nikkunsidraw?

7 Il-​qaddejja t’Alla fi żminijiet moderni ilhom jużaw isem Alla fil-​pubblikazzjonijiet tagħhom sa mis-​snin 70 tas-​seklu 19. Pereżempju, It-​Torri tal-​Għassa t’Awwissu tal-​1879 u Songs of the Bride, ktieb tal-​għanjiet ippubblikat fl-​istess sena, isemmu l-​isem taʼ Ġeħova. Xorta waħda, jidher li qabel ma Ġeħova ħalla lin-​nies tiegħu jsejħu lilhom infushom pubblikament b’ismu qaddis, l-​ewwel għamel ċert li laħqu dak li kien mistenni minnhom biex ikollhom dan il-​privileġġ grandjuż. Ġeħova kif ħejja lill-​Istudenti tal-​Bibbja tal-​bidu ħalli jissejħu b’ismu?

8 Meta nħarsu lura lejn l-​aħħar tas-​seklu 19 u l-​bidu tas-​seklu 20, naraw kif Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu jifhmu aħjar xi veritajiet importanti li għandhom x’jaqsmu maʼ ismu. Ejja nikkunsidraw tlieta minn dawn il-​veritajiet.

9, 10. (a) Artikli fit-​Torri tal-​Għassa tal-​bidu għala ffokaw fuq Ġesù? (b) X’bidla seħħet mill-​1919 ’il quddiem, u b’liema riżultati? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Kif It-​Torri tal-​Għassa faħħar l-​isem t’Alla.”)

9 L-​ewwel, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kisbu l-​ħarsa xierqa tal-​importanza tal-​isem t’Alla. L-​istudenti tal-​Bibbja leali tal-​bidu qiesu l-​arranġament tal-​fidwa bħala t-​tagħlim ewlieni tal-​Bibbja. Dan jispjega għala t-​Torri tal-​Għassa spiss iffoka fuq Ġesù. Pereżempju, fl-​ewwel sena li ġiet pubblikata, ir-​rivista semmiet l-​isem taʼ Ġesù għaxar darbiet iktar mill-​isem taʼ Ġeħova. Rigward is-​snin tal-​bidu tal-​Istudenti tal-​Bibbja, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu 1976, qal li kienu taw “importanza mhix xierqa” lil Ġesù. Imma, maż-​żmien, Ġeħova għenhom jaraw l-​importanza li l-​Bibbja tagħti lill-​isem persunali t’Alla. Dan kif effettwa lill-​Istudenti tal-​Bibbja? Speċjalment mill-​1919 ’il quddiem, “bdew juru iktar apprezzament għal Ġeħova, il-​Missier tas-​sema tal-​Messija,” jgħid l-​istess artiklu fit-​Torri tal-​Għassa. Fil-​fatt, bejn l-​1920 u l-​1929, It-​Torri tal-​Għassa semma l-​isem t’Alla iktar minn 6,500 darba!

10 Billi taw l-​isem taʼ Ġeħova l-​attenzjoni li jistħoqqlu, ħutna wrew imħabbithom għall-​isem t’Alla. Bħal Mosè, bdew ‘jiddikjaraw l-​isem taʼ Ġeħova.’ (Dt. 32:3; Salm 34:3) Min-​naħa tiegħu, bħalma hu mwiegħed fl-​Iskrittura, Ġeħova nnota mħabbithom għal ismu u wriehom l-​approvazzjoni tiegħu.—Salm 119:132; Ebr. 6:10.

11, 12. (a) Il-​pubblikazzjonijiet tagħna b’liema mod inbiddlu ftit wara l-​1919? (b) Ġeħova lejn xiex kien qed jiġbed l-​attenzjoni tal-​qaddejja tiegħu, u għala?

11 It-​tieni, il-​Kristjani veri kisbu l-​fehma t-​tajba tax-​xogħol li inkarigahom bih Alla. Ftit wara l-​1919, l-​aħwa midlukin li kienu qed jieħdu t-​tmexxija tqanqlu mill-​ispirtu taʼ Ġeħova biex jeżaminaw il-​profezija taʼ Isaija. Wara dan, l-​artikli fil-​pubblikazzjonijiet tagħna bdew jiffokaw fuq l-​ippritkar. Dan l-​aġġustament kif wera li kien “ikel fiż-​żmien xieraq”?—Mt. 24:45.

 12 Qabel l-​1919, It-​Torri tal-​Għassa qatt ma kien iddiskuta bid-​dettall l-​istqarrija taʼ Isaija: “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘iva, il-​qaddej tiegħi li jien għażilt.’” (Aqra Isaija 43:10-​12.) Imma ftit wara l-​1919, il-​pubblikazzjonijiet tagħna bdew jagħtu iktar attenzjoni lil din is-​silta mill-​Bibbja u jinkuraġġixxu lill-​midlukin kollha biex jieħdu sehem fix-​xogħol li inkarigahom bih Ġeħova—li jagħtu xhieda dwaru. Biss biss, bejn l-​1925 u l-​1931, Isaija kapitlu 43 ġie kunsidrat f’57 ħarġa differenti tat-​Torri tal-​Għassa, u kull ħarġa applikat kliem Isaija għall-​Kristjani veri. Jidher ċar li matul dawk is-​snin, Ġeħova kien qed jiġbed l-​attenzjoni tal-​qaddejja tiegħu lejn ix-​xogħol li kellhom jagħmlu. Għala? Biex l-​ewwel ikunu jistgħu “jgħaddu minn prova jekk jistħoqqilhomx.” (1 Tim. 3:10) Qabel ma setgħu bi dritt jissejħu bl-​isem t’Alla, l-​Istudenti tal-​Bibbja kellhom juru b’mod ċar lil Ġeħova permezz tal-​għemejjel tagħhom li verament kienu x-​xhieda tiegħu.—Lq. 24:47, 48.

13. Il-​Kelma t’Alla kif tikxef l-​iktar kwistjoni importanti li trid tiġi rranġata?

13 It-​tielet, in-​nies taʼ Ġeħova bdew jifhmu l-​importanza tat-​taqdis tal-​isem t’Alla. Matul is-​snin 20 tas-​seklu 20, huma fehmu li t-​taqdis taʼ isem Alla hu l-​iktar kwistjoni importanti li trid tiġi rranġata. Il-​Kelma t’Alla kif tikxef din il-​verità sinifikanti? Ikkunsidra żewġ eżempji. X’kienet ir-​raġuni prinċipali għala Alla ħeles lill-​Iżraelin mill-​Eġittu? Ġeħova qal: “Biex ismi jixxandar fl-​art kollha.” (Eżo. 9:16) U Ġeħova għala wera ħniena maʼ Iżrael meta rribellaw kontrih? Għal darb’oħra, Ġeħova qal: “Aġixxejt minħabba ismi sabiex ma jkunx imkasbar f’għajnejn il-​ġnus.” (Eżek. 20:8-​10) L-​Istudenti tal-​Bibbja x’tgħallmu minn dawn ir-​rakkonti Bibliċi u oħrajn?

14. (a) Sal-​aħħar tas-​snin 20, in-​nies t’Alla x’fehmu? (b) Il-​fehma iktar ċara li kisbu l-​Istudenti tal-​Bibbja, x’effett kellha fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Raġuni tajba biex nippritkaw.”)

14 Sal-​aħħar tas-​snin 20, in-​nies t’Alla fehmu s-​sinifikat taʼ dak li Isaija stqarr xi 2,700 sena qabel. Dwar Ġeħova qal: “Mexxejt lill-​poplu tiegħek sabiex tagħmel isem sabiħ għalik innifsek.” (Is. 63:14) L-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu li l-​kwistjoni primarja ma kinitx is-​salvazzjoni persunali, imma t-​taqdis tal-​isem t’Alla. (Is. 37:20; Eżek. 38:23) Fl-​1929, il-​ktieb Prophecy ġabar fil-​qosor din il-​verità billi qal: “Isem Ġeħova hu l-​iktar kwistjoni vitali fil-​ħolqien kollu.” Din il-​fehma aġġornata qanqlet iktar lill-​qaddejja t’Alla biex jagħtu xhieda dwar Ġeħova u biex inaddfu lil ismu mill-​malafama.

15. (a) Sal-​bidu tas-​snin 30, ħutna x’kienu kisbu? (b) Ġeħova x’unur ta lill-​qaddejja tiegħu?

15 Sal-​bidu tas-​snin 30, ħutna kienu kisbu ħarsa xierqa tal-​importanza tal-​isem t’Alla, fehma iktar ċara tax-​xogħol li Alla kien inkarigahom bih, u fehma aħjar tal-​kwistjoni primarja li għad trid tiġi rranġata. Issa, kien wasal il-​waqt taʼ Ġeħova biex jagħti lill-​qaddejja tiegħu l-​unur li  pubblikament jissejħu b’ismu. Biex naraw kif dan żvolġa, ejja nikkunsidraw xi ġrajjiet tal-​imgħoddi.

Ġeħova jieħu “poplu għal ismu”

16. (a) Ġeħova b’liema mod li jispikka jfaħħar lil ismu? (b) Fl-​imgħoddi, min l-​ewwel qeda bħala poplu għall-​isem t’Alla?

16 Mod li jispikka kif isem Ġeħova jiġi mfaħħar hu billi jkollu poplu fuq l-​art li jissejjaħ b’ismu. Mill-​1513 QEK ’l quddiem, il-​ġens taʼ Iżrael irrappreżenta lil Ġeħova bħala l-​poplu tiegħu. (Is. 43:12) Però, l-​Iżraelin m’obdewx lil Alla, u b’hekk kisru l-​patt li kellhom miegħu, u fis-​sena 33 EK, tilfu r-​relazzjoni speċjali li kellhom miegħu. Ftit wara dan, Ġeħova “dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Dan il-​poplu  magħżul sar magħruf bħala “l-​Israel t’Alla,” li jikkonsisti minn segwaċi midlukin taʼ Kristu minn diversi ġnus.—Gal. 6:16.

17. Satana liema pjan irnexxielu jwettaq?

17 Madwar is-​sena 44 EK, id-​dixxipli taʼ Kristu “bid-​direzzjoni divina, bdew jissejħu Kristjani.” (Atti 11:26) Għall-​ewwel, dan l-​isem kien uniku, għax irrefera biss għall-​Kristjani veri. (1 Pt. 4:16) Madanakollu, bħalma tat x’tifhem it-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​qamħ u s-​sikrana, Satana rnexxielu bil-​pjan li jagħmel l-​isem uniku Kristjan jgħodd għall-​Kristjani foloz kollha. Għalhekk, għal ħafna sekli, il-​Kristjani veri ma spikkawx b’mod ċar mill-​Kristjani foloz. Imma dan beda jinbidel matul “żmien il-​ħsad,” li beda fl-​1914. Għala? Għax l-​anġli bdew jifirdu l-​Kristjani foloz mill-​Kristjani ġenwini.—Mt. 13:30, 39-41.

18. X’għen lil ħutna jaraw li kellhom bżonn isem ġdid?

18 Wara li nħatar l-​ilsir leali fl-​1919, Ġeħova għen lin-​nies tiegħu biex jifhmu x-​xogħol li inkarigahom biex jagħmlu. Malajr raw li l-​ippritkar minn dar għal dar għamilhom jispikkaw mill-​Kristjani foloz kollha. Malli rrealizzaw dan, ma damux ma fehmu li l-​isem “l-​Istudenti tal-​Bibbja” ma kienx uniku biżżejjed. L-​iskop ewlieni fil-​ħajja ma kienx sempliċement li jistudjaw il-​Bibbja imma li jagħtu xhieda dwar Alla u li jonoraw u jfaħħru lil ismu. Allura, liema isem kien ikun adattat għax-​xogħol li kienu qed jagħmlu? Din il-​mistoqsija twieġbet fl-​1931.

Programm tal-konvenzjoni, 1931

19, 20. (a) Liema riżoluzzjoni eċċitanti saret f’konvenzjoni fl-​1931? (b) L-​aħwa kif irreaġixxew għall-​isem ġdid?

19 F’Lulju tal-​1931, xi 15,000 Student tal-​Bibbja waslu għal konvenzjoni f’Columbus, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Fuq il-​qoxra taʼ quddiem tal-​programm tal-​konvenzjoni raw żewġ ittri kbar—J u W. L-​aħwa kienu kurjużi u bdew jipprovaw jaqtgħu xi jfissru dawn l-​ittri. Imbagħad, nhar il-​Ħadd, 26 taʼ Lulju, Ħuna Joseph Rutherford ippreżenta riżoluzzjoni li kien fiha din l-​istqarrija sinifikanti: “Nixtiequ nkunu magħrufin u msejħin b’dan l-​isem, jiġifieri, Xhieda taʼ Ġeħova.” Malli qal hekk, dawk kollha fl-​udjenza fehmu x’kienu jfissru dawk iż-​żewġ ittri li tant ħawduhom—kienu jfissru Xhieda taʼ Ġeħova (bl-​Ingliż Jehovah’s Witnesses), isem Skritturali bbażat fuq Isaija 43:10.

20 L-​udjenza wieġbet għal dik ir-​riżoluzzjoni b’għajta kbira u b’ċapċipa fit-​tul. Permezz tar-​radju, dik ir-​reazzjoni entużjastika f’Columbus instemgħet in-​naħa l-​oħra tad-​dinja! Ernest u Naomi Barber fl-​Awstralja ftakru: “Meta bdew iċapċpu fl-​Amerika, l-​aħwa f’Melbourne b’entużjażmu qamu bilwieqfa u baqgħu jċapċpu. Xi ħaġa li qatt ma se ninsew!” *

 Isem Alla qed jiġi mfaħħar mad-​dinja kollha

21. L-​isem ġdid kif qanqalhom iktar lill-​aħwa fl-​ippritkar?

21 Issa li kellhom l-​isem Skritturali Xhieda taʼ Ġeħova, il-​qaddejja t’Alla kellhom iktar kuraġġ biex jieħdu sehem fl-​ippritkar. Edward u Jessie Grimes, koppja pijunieri, fl-​Istati Uniti, li attendew il-​konvenzjoni tal-​1931 f’Columbus, qalu: “Tlaqna mid-​dar bħala Studenti tal-​Bibbja, imma ġejna lura bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Konna ferħanin li issa kellna isem li għenna nigglorifikaw isem Alla tagħna.” Wara dik il-​konvenzjoni, xi Xhieda użaw metodu ġdid biex jagħmlu preċiż hekk. Introduċew lilhom infushom mal-​inkwilini billi tawhom kard bil-​messaġġ: “Wieħed mix-​xhieda taʼ ĠEĦOVA li qed ixandar is-​Saltna taʼ ĠEĦOVA Alla tagħna.” Iva, in-​nies t’Alla kienu kburin li qed jissejħu bl-​isem taʼ Ġeħova, u kienu lesti biex ixandru s-​sinifikat tiegħu maʼ kullimkien.—Is. 12:4.

“Tlaqna mid-​dar bħala Studenti tal-​Bibbja, imma ġejna lura bħala Xhieda taʼ Ġeħova”

22. X’juri li n-​nies taʼ Ġeħova għandhom identità unika?

22 Għaddew ħafna snin mindu Ġeħova qanqal lill-​aħwa midlukin biex jaċċettaw l-​isem uniku tagħhom. Mill-​1931 ’l hawn, irnexxielu Satana jaħbi l-​identità tan-​nies t’Alla? Irnexxielu jagħmilha diffiċli għan-​nies biex jagħrfuna minn reliġjonijiet oħra? Lanqas xejn! Anzi, l-​identità unika tagħna bħala xhieda t’Alla tispikka iktar minn qatt qabel. (Aqra Mikea 4:5; Malakija 3:18.) Infatti, in-​nies tant saru jassoċjawna maʼ isem Alla li kull min juża dan l-​isem malajr jiġi identifikat bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ir-​reliġjonijiet foloz huma bħal grupp taʼ muntanji għoljin. Dawn il-​muntanji ma ħbewx il-​qima vera taʼ Ġeħova. Mhux talli hekk imma talli din il-​qima hi “stabbilita fis-​sod ’il fuq mill-​quċċata tal-​muntanji.” (Is. 2:2) Illum, il-​qima taʼ Ġeħova hi ferm superjuri għal kull qima oħra, u ismu qaddis tassew hu mfaħħar bil-​kbir.

23. Skont Salm 121:5, liema verità importanti dwar Ġeħova ssaħħaħna ferm?

23 Ġeħova se jħarisna mill-​attakki preżenti u futuri taʼ Satana. Kemm isaħħaħna dan il-​ħsieb! (Salm 121:5) Għandna kull raġun inħossuna bħas-​salmista li kiteb: “Hieni l-​ġens li Alla tiegħu hu Ġeħova, il-​poplu li għażel bħala wirtu.”—Salm 33:12.

^ par. 20 Ara Kapitlu 7, paġni 72-74, għal dettalji dwar l-​użu tar-​radju.