Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 3

Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu

Ġeħova jikxef l-iskop tiegħu

KAPITLU DWAR

Kif Ġeħova bil-​mod il-​mod jikxef fehma aħjar tal-​iskop tiegħu, imma biss lil dawk li jibżgħu minnu

1, 2. Ġeħova kif kixef l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin?

ĠENITURI li jimpurtahom minn uliedhom jinkluduhom f’diskussjonijiet dwar il-​familja. Imma joqogħdu attenti mill-​ammont taʼ informazzjoni li jaqsmu maʼ wliedhom. Huma jikxfu biss dawk id-​dettalji li jħossu li wliedhom huma maturi biżżejjed biex jifhmu.

2 Bl-​istess mod, Ġeħova bil-​mod il-​mod kixef l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin. Iżda dan għamlu biss meta kien jaf li ż-​żmien kien xieraq. Ikkunsidra ħarsa fuq fuq taʼ kif Ġeħova kixef veritajiet dwar is-​Saltna matul l-​istorja.

Għala hemm bżonn is-​Saltna?

3, 4. Ġeħova għamel predestinazzjoni tal-​mod kif kienu se jaġixxu l-​bnedmin? Spjega.

3 Oriġinalment, is-​Saltna Messjanika ma kinitx parti mill-​iskop taʼ Ġeħova. Għala? Għax Ġeħova m’għamilx predestinazzjoni tal-​mod kif kienu se jaġixxu l-​bnedmin; wara kollox, hu ħalaqhom bil-​libertà tal-​għażla. B’hekk, qal lil Adam u Eva l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin, billi qal: “Nisslu u oktru u imlew l-​art u rażżnuha.” (Ġen. 1:28) Barra minn hekk, Ġeħova stenna li jirrispettaw il-​livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġen. 2:16, 17) Adam u Eva setgħu għażlu li jibqgħu leali. Li kieku huma u d-​dixxendenti tagħhom għamlu hekk, ma kienx ikollna bżonn is-​Saltna maħkuma minn Kristu biex twettaq l-​iskop t’Alla. Kieku, issa stess, id-​dinja kienet tkun mimlija b’nies perfetti li lkoll iqimu lil Ġeħova.

4 Ġeħova m’abbandunax l-​iskop tiegħu biex jimla l-​art b’familja umana perfetta meta rribellaw Satana, Adam, u Eva. Minflok, Ġeħova addatta l-​metodu tiegħu biex iwettaq l-​iskop. L-​iskop tiegħu mhuwiex bħal ferrovija li bilfors trid iżżomm maʼ rotta speċifika biex tasal sad-​destinazzjoni tagħha u li tistaʼ tiġi mfixkla jew imwaqqfa bl-​azzjonijiet taʼ ħaddieħor. Ladarba Ġeħova jgħid x’inhu l-​iskop tiegħu, xejn u ħadd fl-​univers kollu ma jistaʼ jwaqqfu milli  jwettqu. (Aqra Isaija 55:11.) Jekk ċerta sfida tagħlaq rotta minnhom, Ġeħova sempliċement juża rotta oħra. * (Eżo. 3:14, 15) Meta jara li jkun xieraq, hu jgħid lill-​qaddejja leali tiegħu bil-​metodu l-​ġdid li se juża biex iwettaq l-​iskop tiegħu.

5. Ġeħova kif irreaġixxa għar-​ribelljoni fl-​Għeden?

5 Ġeħova rreaġixxa għar-​ribelljoni fl-​Għeden billi għamel is-​Saltna parti mill-​iskop tiegħu. (Mt. 25:34) F’dak il-​perijodu ikrah fl-​istorja umana, Ġeħova beda jikxef x’mezz kien se juża biex jerġaʼ jibni relazzjoni mal-​umanità. U dan il-​mezz kien se jużah ukoll biex ireġġaʼ lura l-​ħsara kaġunata minn Satana meta bla suċċess ipprova jaħtaf il-​poter. (Ġen. 3:14-​19) Xorta waħda, Ġeħova ma tax id-​dettalji kollha dwar is-​Saltna f’daqqa.

Ġeħova jibda jikxef veritajiet dwar is-​Saltna

6. Ġeħova x’wiegħed, imma x’ma kixifx?

6 Fl-​ewwel profezija, Ġeħova wiegħed li ċertu ‘nisel’ kien se jisħaq lis-​serp. (Aqra Ġenesi 3:15.) Madanakollu, dak iż-​żmien Ġeħova ma kixifx l-​identità taʼ dan in-​nisel u l-​identità tan-​nisel tas-​serp. Infatti, Ġeħova ma rrivelax iktar dettalji dwar dan għal xi 2,000 sena. *

7. Għala ntgħażel Abraham, u liema lezzjoni importanti nitgħallmu minn dan?

7 Eventwalment, Ġeħova għażel lil Abraham bħala l-​wieħed li permezz tiegħu kien se jiġi n-​nisel imwiegħed. Abraham intgħażel għax ‘semaʼ minn kliem Ġeħova.’ (Ġen. 22:18) Nitgħallmu lezzjoni importanti minn dan—Ġeħova jikxef l-​iskop tiegħu biss lil dawk li għandhom biżaʼ bnin minnu.—Aqra Salm 25:14.

8, 9. Ġeħova liema dettalji dwar in-​nisel imwiegħed kixef lil Abraham u Ġakobb?

8 Meta kien qed jitkellem mal-​ħabib tiegħu Abraham permezz t’anġlu, Ġeħova għall-​ewwel darba kixef dan id-​dettall vitali dwar in-​nisel imwiegħed: Kien se jkun bniedem. (Ġen. 22:15-​17; Ġak. 2:23) Imma dan il-​bniedem kif kien se jisħaq lis-​serp? Min kien is-​serp? Iktar ’il quddiem, Alla kien se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

9 Ġeħova ddeċieda li n-​nisel imwiegħed kien se jiġi permezz taʼ Ġakobb, it-​tifel tat-​tifel t’Abraham. Ġakobb kien raġel li wera fidi kbira f’Alla. (Ġen. 28:13-​22) Permezz taʼ Ġakobb, Ġeħova qal li l-​Wieħed Imwiegħed kellu jkun dixxendent taʼ bin Ġakobb, Ġuda. Ġakobb ipprofetizza li dan id-​dixxendent taʼ Ġuda kien se jirċievi “xettru,” li jissimbolizza awtorità rjali, u li “l-​popli se jobdu” lil dan in-​nisel. (Ġen. 49:1, 10) B’din id-​dikjarazzjoni, Ġeħova ta x’jifhem li l-​Wieħed Imwiegħed kien se jsir ħakkiem, jew sultan.

10, 11. Ġeħova għala kixef l-​iskop tiegħu lil David u Danjel?

10 Xi 650 sena wara żmien Ġuda, Ġeħova kixef iktar dettalji dwar l-​iskop tiegħu lis-​Sultan David, dixxendent taʼ Ġuda. Ġeħova ddeskriva lil David bħala “raġel għal  qalbu.” (1 Sam. 13:14; 17:12; Atti 13:22) Peress li David kellu biżaʼ bnin minn Alla, Ġeħova għażel li jagħmel patt miegħu billi wiegħdu li wieħed mid-​dixxendenti tiegħu kien se jaħkem għal dejjem.—2 Sam. 7:8, 12-​16.

11 Xi 500 sena wara, Ġeħova uża lill-​profeta Danjel biex jirrivela s-​sena eżatta meta dan il-​Midluk, jew Messija, kien se jidher fuq l-​art. (Dan. 9:25) Ġeħova qies lil Danjel bħala li kien “maħbub ferm.” Għala? Għax Danjel tassew irrispetta lil Ġeħova u qdieh kontinwament.—Dan. 6:16; 9:22, 23.

12. Danjel x’intqallu biex jagħmel, u għala?

12 Ġeħova uża profeti leali bħal Danjel biex iniżżlu bil-​miktub għexieren taʼ dettalji dwar in-​nisel imwiegħed, il-​Messija. Però, kien għadu mhux il-​waqt taʼ Ġeħova biex il-​qaddejja tiegħu jifhmu s-​sinifikat sħiħ taʼ dak li nebbaħhom jiktbu. Pereżempju, wara li ngħata viżjoni dwar it-​twaqqif tas-​Saltna t’Alla, Danjel intqallu biex jissiġilla l-​profezija saż-​żmien magħżul minn Ġeħova. F’dak iż-​żmien fil-​futur, l-​għarfien veru kien se “jkun abbundanti.”—Dan. 12:4.

Ġeħova uża rġiel leali bħal Danjel biex iniżżlu bil-miktub dettalji dwar is-Saltna Messjanika

Ġesù jispjega iktar dwar l-​iskop t’Alla

13. (a) Min kien in-​nisel imwiegħed? (b) Ġesù kif ta iktar dettalji dwar il-​profezija mniżżla f’​Ġenesi 3:15?

13 Ġeħova b’mod ċar wera li Ġesù kien in-​nisel imwiegħed, id-​dixxendent taʼ David li kellu jaħkem bħala Sultan. (Lq. 1:30-​33; 3:21, 22) Meta Ġesù beda l-​ministeru tiegħu, hu għen lill-​bnedmin jifhmu iktar l-​iskop t’Alla. Tistaʼ tqabbel dan maʼ meta tkun qed teżamina oġġett u biex tkun tistaʼ tarah aħjar toħorġu fid-​dawl tax-​xemx. (Mt. 4:13-​17) Pereżempju, Ġesù neħħa kull traċċa taʼ dubju dwar l-​identità tas-​“serp” imsemmi f’​Ġenesi 3:14, 15, billi sejjaħ lix-​Xitan “qattiel” u “missier il-​gidba.” (Ġw. 8:44) Fir-​rivelazzjoni li ta lil Ġwanni, Ġesù identifika lis-​“serp oriġinali” bħala “dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” * (Aqra Rivelazzjoni 1:1; 12:9.) F’dik l-​istess rivelazzjoni, Ġesù wera kif hu—in-​nisel imwiegħed—fl-​aħħar mill-​aħħar se jwettaq il-​profezija li ngħatat fl-​Għeden u jisħaq lil Satana u jeqirdu.—Riv. 20:7-​10.

14-16. Id-​dixxipli fl-​ewwel seklu dejjem fehmu s-​sinifikat sħiħ tal-​veritajiet li kixef Ġesù? Spjega.

14 Bħalma rajna f’Kapitlu 1 taʼ dan il-​ktieb, Ġesù tkellem ħafna dwar is-​Saltna. Imma mhux dejjem ta d-​dettalji kollha li xtaqu jkunu jafu d-​dixxipli. Anke meta ta dettalji speċifiċi, is-​segwaċi taʼ Ġesù ma bdewx jifhmu s-​sinifikat sħiħ tal-​veritajiet li Sidhom kien kixef sakemm għadda xi żmien—kultant sekli sħaħ. Ikkunsidra xi ftit eżempji.

15 Fis-​sena 33 EK, Ġesù għamilha ċara li l-​ħakkiema sħabu li kienu se jgħinu lis-​Sultan tas-​Saltna t’Alla kienu  se jittieħdu minn fuq l-​art u jiġu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti fis-​sema. Iżda, id-​dixxipli tiegħu ma fehmux mill-​ewwel dan il-​ħsieb. (Dan. 7:18; Ġw. 14:2-​5) Fl-​istess sena, Ġesù ta x’jifhem permezz taʼ tixbihat li s-​Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita sa ħafna żmien wara li jitlaʼ fis-​sema. (Mt. 25:14, 19; Lq. 19:11, 12) Id-​dixxipli ma fehmux dan il-​punt vitali u iktar tard staqsew lil Ġesù rxoxtat: “F’dan iż-​żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-​saltna taʼ Israel?” Imma Ġesù għażel li ma jagħtix iktar dettalji f’dak iż-​żmien. (Atti 1:6, 7) Ġesù għallem ukoll li kien se jkun hemm “nagħaġ oħrajn,” li ma kinux se jkunu parti mill-​‘merħla ż-​żgħira’ tal-​ħakkiema sħabu. (Ġw. 10:16; Lq. 12:32) Is-​segwaċi taʼ Kristu ma fehmux sew l-​identità taʼ dawn iż-​żewġ gruppi sa ħafna snin wara li ġiet stabbilita s-​Saltna fl-​1914.

16 Kien hemm ħafna affarijiet li Ġesù setaʼ jgħid lid-​dixxipli tiegħu waqt li kien magħhom fuq l-​art, imma hu kien jaf li ma kinux jifilħu għalihom. (Ġw. 16:12) Bla dubju, inkixef ħafna għarfien dwar is-​Saltna fl-​ewwel seklu. Madanakollu, kien għadu mhux iż-​żmien biex għarfien bħal dan ikun abbundanti.

L-​għarfien veru jsir abbundanti fi “żmien it-​tmiem”

17. X’għandna nagħmlu biex nifhmu l-​veritajiet dwar is-​Saltna, imma x’għandna bżonn ukoll?

17 Ġeħova wiegħed lil Danjel li matul “żmien it-​tmiem,” ħafna wħud kienu se ‘jfittxu bir-​reqqa’ “u l-​għarfien veru” dwar l-​iskop t’Alla kien se jkun abbundanti. (Dan. 12:4) Dawk li jridu dan l-​għarfien għandhom jistinkaw biex jiksbuh. Imma neżaminaw kemm neżaminaw il-​Bibbja bir-​reqqa, ma nistgħux nifhmu sew il-​veritajiet dwar is-​Saltna jekk Ġeħova ma jgħinniex nifhmu.—Aqra Mattew 13:11.

18. Dawk li jibżgħu minn Ġeħova kif urew il-​fidi u l-​umiltà?

 18 Sewwasew bħalma Ġeħova bil-​mod il-​mod kixef il-​veritajiet dwar is-​Saltna fil-​perijodu li wassal għall-​1914, hu hekk ikompli jagħmel matul żmien it-​tmiem. Bħalma se juru Kapitli 45 taʼ dan il-​ktieb, matul l-​aħħar 100 sena, in-​nies t’Alla kellhom jaġġustaw il-​fehma tagħhom diversi drabi. Ifisser dan li m’għandhomx l-​appoġġ taʼ Ġeħova? Għall-​kuntrarju! Hu jappoġġahom. Għala? Għax dawk li jibżgħu minn Ġeħova wrew żewġ kwalitajiet li jħobb—il-​fidi u l-​umiltà. (Ebr. 11:6; Ġak. 4:6) Il-​qaddejja taʼ Ġeħova huma fiduċjużi li l-​wegħdi kollha fil-​Kelma t’Alla se jitwettqu. Huma juru l-​umiltà meta jammettu li ma fehmux eżatt kif se jitwettqu dawk il-​wegħdi. Din l-​attitudni umli tidher fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu 1925, li qalet: “Nafu li l-​Mulej jinterpreta lilu nnifsu u li se jinterpreta l-​Kelma tiegħu lil niesu bil-​mod u fiż-​żmien li jidhirlu li hu tajjeb.”

“Il-​Mulej . . . se jinterpreta l-​Kelma tiegħu lil niesu bil-​mod u fiż-​żmien li jidhirlu li hu tajjeb”

19. Ġeħova issa x’ħalliena nifhmu, u għala?

19 Meta s-​Saltna twaqqfet fl-​1914, in-​nies t’Alla ftit kellhom għarfien dwar kif profeziji rigward is-​Saltna kienu se jitwettqu. (1 Kor. 13:9, 10, 12) Sforz iż-​żelu biex naraw it-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla, kultant wasalna għal konklużjonijiet żbaljati. Matul is-​snin, sar jidher ċar kemm kienet għaqlija stqarrija oħra li saret fit-​Torri tal-​Għassa li kkwotajna fil-​paragrafu taʼ qabel. L-​artiklu qal: “Jidher li ma nkunux qed ngħidu ħażin jekk ngħidu li ma nistgħux nifhmu l-​profeziji sakemm jitwettqu jew ikunu qed jitwettqu.” Issa li qegħdin lejn l-​aħħar taʼ żmien it-​tmiem, ħafna profeziji tas-​Saltna twettqu jew qed jitwettqu. Minħabba li n-​nies t’Alla huma umli u lesti li jiġu koreġuti, Ġeħova ħalliena nifhmu iktar bis-​sħiħ l-​iskop tiegħu. L-​għarfien veru sar abbundanti!

 Irfinar fil-​fehma jgħaddi minn prova lin-​nies t’Alla

20, 21. Irfinar fil-​fehma kif effettwa lill-​Kristjani tal-​ewwel seklu?

20 Meta Ġeħova jirfina l-​fehma tagħna tal-​verità, il-​kundizzjoni taʼ qalbna tgħaddi minn prova. Se jqanqluna l-​fidi u l-​umiltà biex naċċettaw il-​bidliet? Il-​Kristjani li għexu f’nofs l-​ewwel seklu ffaċċjaw prova bħal din. Pereżempju, immaġina li int Kristjan Lhudi li qed tgħix f’dak iż-​żmien. Int tassew tirrispetta l-​Liġi Mosajka u kburi li tagħmel parti mill-​ġens t’Iżrael. Issa tirċievi ittri mnebbħin mingħand l-​appostlu Pawlu. Fihom issir taf li l-​Liġi m’għadhiex tgħodd u li Ġeħova ċaħad lill-​Iżrael naturali u minflok qed jiġbor Iżrael spiritwali magħmul kemm mil-​Lhud kif ukoll mill-​Ġentili. (Rum. 10:12; 11:17-​24; Gal. 6:15, 16; Kol. 2:13, 14) Kieku int kif kont tirreaġixxi?

21 Kristjani umli aċċettaw l-​ispjegazzjoni mnebbħa taʼ Pawlu u tbierku minn Ġeħova. (Atti 13:48) Oħrajn irrabjaw b’dan l-​irfinar u riedu jibqgħu ggranfati mal-​fehma tagħhom stess. (Gal. 5:7-​12) Dawn l-​individwi li ma biddlux il-​ħarsa tagħhom kienu se jitilfu l-​opportunità li jkunu ħakkiema sħab maʼ Kristu.—2 Pt. 2:1.

22. Kif tħossok dwar irfinar fil-​fehma tagħna dwar l-​iskop t’Alla?

22 Fl-​aħħar għaxriet taʼ snin, Ġeħova rfina l-​fehma tagħna dwar is-​Saltna. Pereżempju, għenna naraw iktar biċ-​ċar meta dawk li se jkunu sudditi tas-​Saltna se jiġu mifrudin minn dawk li ma jagħtux widen, bħalma jiġu mifrudin in-​nagħaġ mill-​mogħoż. Ukoll, għallimna meta l-​għadd sħiħ tal-​144,000 se jkun intgħażel, xi jfissru t-​tixbihat li ta Ġesù dwar is-​Saltna, u meta l-​aħħar ftit mill-​midlukin se jittieħdu għall-​ħajja fis-​sema. * Int kif tirreaġixxi għal irfinar bħal dan? Tissaħħaħ il-​fidi tiegħek? Tarah bħala evidenza li Ġeħova għadu qed jeduka lin-​nies umli tiegħu? Il-​materjal li se niddiskutu f’dan il-​ktieb se jgħinek tkun iktar konvint li Ġeħova bil-​mod il-​mod qed jikxef l-​iskop tiegħu lil dawk li jibżgħu minnu.

^ par. 4 L-​isem t’Alla ġej mill-​verb Ebrajk li jfisser “isir.” L-​isem taʼ Ġeħova jagħti x’jifhem li hu Dak li jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Ara l-​kaxxa “Dak li jfisser l-​isem t’Alla,” f’kapitlu 4.

^ par. 6 Għalkemm illum il-​ġurnata dan jidher li hu tul taʼ żmien twil mhux ħażin, irridu niftakru li t-​tul taʼ ħajja taʼ bniedem f’dak iż-​żmien kien ħafna itwal mil-​lum; bejn Adam u Abraham kien hemm it-​tul taʼ ħajja taʼ erbaʼ bnedmin biss. Lamek, missier Noè, għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu t’Adam. Sem, bin Noè, għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu taʼ Lamek. Abraham għex għal ċertu żmien fl-​istess perijodu taʼ Sem.—Ġen. 5:5, 31; 9:29; 11:10, 11; 25:7.

^ par. 13 Il-​kelma “Satana” tidher 18-​il darba fl-​Iskrittura Ebrajka. Però, il-​kelma “Satana” tidher iktar minn 30 darba fl-​Iskrittura Griega Kristjana. Bix-​xieraq, l-​Iskrittura Ebrajka ma tatx enfasi żejda lil Satana, imma ffokat fuq li tidentifika lill-​Messija. Meta wasal il-​Messija, hu kixef għalkollox lil Satana, fatt li hu mniżżel bil-​miktub fl-​Iskrittura Griega Kristjana.

^ par. 22 Għal diskussjoni taʼ xi ftit minn dan l-​irfinar fil-​fehma, ara l-​ħarġiet tat-​Torri tal-​Għassa li ġejjin: 1 taʼ Novembru 1995 paġni 17-22; 15 taʼ Jannar 2008, paġni 20-​24; 15 taʼ Lulju 2008, paġni 17-21; 15 taʼ Lulju 2013, paġni 9-14.