Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 5

Is-Sultan jagħti iktar dettalji dwar is-Saltna

Is-Sultan jagħti iktar dettalji dwar is-Saltna

KAPITLU DWAR

Kif in-​nies t’Alla jibdew jifhmu veritajiet vitali dwar is-​Saltna, il-​ħakkiema u s-​sudditi tagħha, kif ukoll dwar il-​bżonn tal-​lealtà

1, 2. Ġesù f’liema sens wera li kien gwida għaqli?

IMMAĠINA li gwida tal-​esperjenza qed iddawrek maʼ belt sabiħa u tal-​għaġeb. Din l-​ewwel darba li int u dawk li qegħdin miegħek qed taraw il-​belt, u għalhekk tismaʼ b’attenzjoni kull kelma li tgħid il-​gwida. F’waqtiet minnhom, int u sħabek it-​turisti b’eċċitament toqogħdu taħsbu dwar ftit mill-​postijiet taʼ interess fil-​belt li għadkom ma rajtux. Madanakollu, meta tistaqsi lill-​gwida tiegħek dwar dawn l-​affarijiet, hi ma tgħid xejn sakemm jasal il-​ħin eżatt, jiġifieri, meta taslu ħdejn il-​post taʼ interess. Mal-​ħin, int tkompli timpressjona ruħek bl-​għerf tagħha, għax hi tgħidlek dak li għandek bżonn tkun taf preċiż meta jkollok bżonn tkun tafu.

2 Il-​Kristjani veri qegħdin f’sitwazzjoni simili għal dik tat-​turisti. Aħna b’ħerqa qed nitgħallmu dwar l-​iktar belt meraviljuża, “il-​belt li għandha sisien taʼ veru,” is-​Saltna t’Alla. (Ebr. 11:10) Meta kien fuq l-​art, Ġesù personalment iggwida lis-​segwaċi tiegħu u wassalhom għal għarfien iktar profond dwar dik is-​Saltna. Imma ma wiġibx f’daqqa l-​mistoqsijiet kollha tagħhom u lanqas ma qalilhom kollox dwar dik is-​Saltna mill-​ewwel. Minflok, qalilhom: “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-​preżent ma tifilħux għalih.” (Ġw. 16:12) Bħala l-​iktar gwida għaqli, Ġesù qatt m’għabba lid-​dixxipli tiegħu b’għarfien li ma kinux jifilħu għalih.

3, 4. (a) Ġesù kif kompla jgħallem lin-​nies leali dwar is-​Saltna t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

3 Ġesù qal il-​kliem imniżżel fi Ġwanni 16:12 fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-​art. Wara mewtu, kif kien se jkompli jgħallem lin-​nies leali dwar is-​Saltna t’Alla? Hu serraħ moħħ l-​appostli tiegħu billi qalilhom: “L-​ispirtu tal-​verità, jiggwidakom lejn il-​verità kollha.” (Ġw. 16:13) Nistgħu nqabblu lill-​ispirtu qaddis maʼ gwida paċenzjuża. L-​ispirtu hu l-​mezz li Ġesù juża biex jgħallem lis-​segwaċi tiegħu kulma jkollhom bżonn ikunu jafu dwar is-​Saltna t’Alla—preċiż meta jkollhom bżonn ikunu jafuh.

 4 Ejja nikkunsidraw kif l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kien u għadu qed jiggwida lill-​Kristjani sinċieri ħalli jiksbu fehma aħjar dwar dik is-​Saltna. L-​ewwel, se nikkunsidraw kif wasalna għall-​fehma tagħna dwar meta bdiet taħkem is-​Saltna t’Alla. Imbagħad se neżaminaw min huma l-​ħakkiema tas-​Saltna u s-​sudditi tagħha u x’tama għandhom. Fl-​aħħar nett, se naraw kif is-​segwaċi taʼ Kristu kisbu fehma iktar ċara dwar x’tinvolvi l-​lealtà lejn is-​Saltna.

Tiġi mifhuma sena importanti ħafna

5, 6. (a) L-​Istudenti tal-​Bibbja liema ideat żbaljati kellhom dwar li s-​Saltna tiġi stabbilita u dwar il-​ħsad? (b) Ideat żbaljati bħal dawn għala m’għandhomx jitfgħu dubji dwar jekk Ġesù kienx qed jiggwida lis-​segwaċi tiegħu?

5 Bħalma rajna f’Kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb, l-​Istudenti tal-​Bibbja qattgħu għaxriet taʼ snin jgħidu li s-​sena 1914 kienet se tkun sinifikanti fit-​twettiq tal-​profezija Biblika. Però, dak iż-​żmien kienu jemmnu li l-​preżenza taʼ Kristu kienet bdiet fl-​1874, li beda jaħkem fis-​sema fl-​1878, u li s-​Saltna ma kinitx se tiġi stabbilita bis-​sħiħ qabel Ottubru tal-​1914. Il-​ħsad kellu jsir bejn l-​1874 u l-​1914 u kellu jispiċċa meta l-​midlukin jinġabru fis-​sema. Ideat żbaljati bħal dawn, jitfgħu dubji dwar jekk Ġesù kienx qed jiggwida lil dawn l-​uħud leali permezz tal-​ispirtu qaddis?

6 Lanqas xejn! Erġaʼ aħseb dwar it-​tixbiha li ftaħna biha. L-​ideat żbaljati u l-​mistoqsijiet ħerqanin tat-​turisti, jitfgħu dubji dwar kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-​gwida tagħhom? Le! B’mod simili, għalkemm in-​nies t’Alla kultant jipprovaw jifhmu dettalji dwar l-​iskop taʼ Ġeħova qabel ma jkun il-​waqt li l-​ispirtu qaddis jiggwidahom lejn dawn il-​veritajiet, xorta jidher ċar li Ġesù qed jiggwidahom. B’hekk, uħud leali juru li huma lesti li jiġu koreġuti u b’umiltà jaġġustaw l-​ideat tagħhom.—Ġak. 4:6.

7. In-​nies t’Alla ġew imberkin b’liema ‘leħħiet taʼ dawl’ spiritwali?

7 Fis-​snin taʼ wara l-​1919, in-​nies t’Alla tbierku b’iktar u iktar ‘leħħiet taʼ dawl’ spiritwali. (Aqra Salm 97:11.) Fl-​1925, fit-​Torri tal-​Għassa deher artiklu importanti intitolat “Twelid tal-​ġens.” Fih kien hemm evidenza Skritturali li wriet b’mod ċar li s-​Saltna Messjanika kienet twieldet fl-​1914. B’hekk, din is-​Saltna wettqet il-​viżjoni profetika mniżżla f’​Rivelazzjoni kapitlu 12 dwar il-​mara t’Alla fis-​sema li tiled iben. * L-​artiklu wera wkoll li l-​persekuzzjoni u l-​inkwiet li ġew fuq in-​nies taʼ Ġeħova matul dawk is-​snin taʼ gwerra kienu sinjali ċari li Satana kien twaddab għal isfel mis-​sema, u li “għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Riv. 12:12.

8, 9. (a) L-​importanza tas-​Saltna t’Alla kif ġiet enfasizzata? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

8 Is-​Saltna kemm hi importanti? Fl-​1928, It-​Torri tal-​Għassa beda jenfasizza li s-​Saltna kienet iktar importanti mis-​salvazzjoni persunali permezz tal-​fidwa. Tabilħaqq, huwa permezz tas-​Saltna Messjanika li Ġeħova se jqaddes ismu, juri li għandu kull dritt li jkun is-​Sovran, u jwettaq l-​iskopijiet kollha tiegħu rigward l-​umanità.

 9 Min kien se jaħkem maʼ Kristu f’dik is-​Saltna? Min kienu se jkunu s-​sudditi fuq l-​art taʼ dik is-​Saltna? U b’liema xogħol kellhom ikunu medhijin is-​segwaċi taʼ Kristu?

Ix-​xogħol tal-​ħsad jiffoka fuq il-​midlukin

10. In-​nies t’Alla x’ilhom jifhmu dwar il-​144,000?

10 Għaxriet taʼ snin qabel l-​1914, il-​Kristjani veri kienu diġà fehmu li 144,000 segwaċi leali taʼ Kristu kienu se jaħkmu miegħu fis-​sema. * Dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu li n-​numru kien letterali u li dawn is-​segwaċi leali bdew jintgħażlu fl-​ewwel seklu EK.

11. Maż-​żmien, il-​midlukin kif kisbu fehma aħjar dwar l-​inkarigu tagħhom fuq l-​art?

11 Iżda, x’inkarigu kellhom dawk il-​midlukin waqt li kienu għadhom fuq l-​art? Huma raw li Ġesù kien enfasizza x-​xogħol tal-​ippritkar u kien għamel konnessjoni bejn dan ix-​xogħol u l-​perijodu taʼ ħsad. (Mt. 9:37; Ġw. 4:35) Bħalma nnotajna f’Kapitlu 2, għal xi żmien kienu jemmnu li l-​perijodu taʼ ħsad kellu jdum 40 sena, u jispiċċa meta l-​midlukin jinġabru fis-​sema. Imma, peress li x-​xogħol kompla wara li għaddew l-​40 sena, l-​affarijiet kellhom jiġu ċċarati iktar. Issa nafu li żmien il-​ħsad—iż-​żmien li fih il-​qamħ kellu jiġi separat mis-​sikrana, jiġifieri meta l-​Kristjani midlukin u leali jiġu separati mill-​Kristjani foloz—beda fl-​1914. Kien wasal iż-​żmien biex jiffokaw fuq li jiġbru dawk li kien baqaʼ mill-​midlukin!

Is-sena 1914 tat bidu għal żmien il-ħsad (Ara paragrafu 11)

12, 13. It-​tixbihat taʼ Ġesù dwar l-​10 verġni u dwar it-​talenti, kif twettqu fl-​aħħar jiem?

12 Mill-​1919 ’il quddiem, Kristu baqaʼ jiggwida lill-​ilsir leali u għaqli biex dan jenfasizza x-​xogħol tal-​ippritkar. Kristu kien ta dan l-​inkarigu fl-​ewwel seklu. (Mt. 28:19, 20) Ukoll, wera liema kwalitajiet kien se jkollhom bżonn is-​segwaċi midlukin tiegħu sabiex iwettqu dan l-​inkarigu tal-​ippritkar. Kif? Fit-​tixbiha tiegħu dwar l-​10 verġni, hu wera li l-​midlukin kellhom jibqgħu għassa, jew attenti spiritwalment, jekk riedu jilħqu l-​iktar mira importanti tagħhom f’li jieħdu sehem fil-​festa kbira tat-​tieġ fis-​sema, meta Kristu se jingħaqad mal-​“għarusa” tiegħu taʼ 144,000. (Riv. 21:2) Imbagħad, fit-​tixbiha tiegħu dwar it-​talenti, Ġesù għallem li l-​qaddejja midlukin tiegħu kellhom ikunu diliġenti f’li jwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar li kien fdalhom f’idejhom.—Mt. 25:1-​30.

 13 Il-​midlukin urew li kienu kemm attenti ferm u kemm diliġenti matul is-​seklu li għadda. Żgur li se jiġu premjati talli baqgħu għassa! Madanakollu, kellu x-​xogħol il-​kbir tal-​ħsad jinvolvi biss il-​ġbir tal-​bqija tal-​144,000 ħakkiem bi sħab maʼ Kristu?

Is-​Saltna tiġbor is-​sudditi tagħha fuq l-​art!

14, 15. Liema erbaʼ gruppi differenti ġew diskussi fil-​ktieb The Finished Mystery?

14 Irġiel u nisa leali ilhom żmien twil ikunu kurjużi ħafna dwar il-​‘folla l-​kbira’ li tissemma f’​Rivelazzjoni 7:9-​14. Għalhekk, ma nissorprendux ruħna li qabel ma wasal iż-​żmien biex Kristu jirrivela l-​identità taʼ dan il-​grupp kbir ferm, ħafna minn dak li ntqal dwar is-​suġġett kien differenti ferm mill-​veritajiet ċari u sempliċi li nafu u ngħożżu llum.

15 Fl-​1917, il-​ktieb The Finished Mystery qal li hemm żewġ gruppi taʼ nies li kienu se jsalvaw u jgħixu fis-​sema, u żewġ gruppi taʼ nies li kienu se jsalvaw u jgħixu fuq l-​art. Min kienu l-​erbaʼ gruppi taʼ nies b’dawk it-​tamiet differenti għas-​salvazzjoni? L-​ewwel, kien hemm il-​144,000, li kellhom jaħkmu maʼ Kristu. It-​tieni, kien hemm il-​folla l-​kbira. Lura f’dak iż-​żmien, l-​idea kienet li dawn kienu Kristjani tal-​isem li kienu għadhom fil-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Kellhom xi ftit tal-​fidi imma mhux biżżejjed biex jieħdu waqfa soda favur l-​integrità. Għalhekk, kellhom jingħataw pożizzjonijiet inferjuri fis-​sema. Inkwantu għall-​art, kien maħsub li t-​tielet grupp kien magħmul minn uħud leali tal-​imgħoddi, bħal Abraham, Mosè, u oħrajn, li kellu jkollhom pożizzjonijiet t’awtorità fuq ir-​rabaʼ grupp, id-​dinja tal-​umanità.

16. Liema leħħiet taʼ dawl spiritwali kellhom fl-​1923 u fl-​1932?

16 L-​ispirtu qaddis kif iggwida lis-​segwaċi taʼ Kristu għall-​fehma li ngħożżu llum? Dan ġara bil-​mod il-​mod, permezz taʼ serje taʼ leħħiet taʼ dawl spiritwali. Sa mill-​1923, It-​Torri tal-​Għassa ġibed l-​attenzjoni lejn grupp li ma kellu l-​ebda xewqa li jmur fis-​sema imma li kien se jgħix fuq l-​art taħt ir-​renju taʼ Kristu. Fl-​1932, It-​Torri tal-​Għassa ddiskuta lil Ġonadab (Ġeħonadab), li ngħaqad maʼ Ġeħu, sultan Iżraeli midluk t’Alla, biex jappoġġah fil-​gwerra kontra l-​qima falza. (2 Slat. 10:15-​17) L-​artiklu qal li kien hemm grupp taʼ nies fiż-​żminijiet moderni li kienu bħal Ġonadab, u żied jgħid li Ġeħova se jgħaddi dan il-​grupp “minn ġol-​inkwiet t’Armageddon” biex jgħix hawnhekk fuq l-​art.

17. (a) Fl-​1935, liema dawl spiritwali ġdid kellhom? (b) Il-​Kristjani leali kif ġew effettwati bil-​fehma ġdida dwar il-​folla l-​kbira? (Ara l-​kaxxa “ Ħadu r-​ruħ.”)

17 Fl-​1935, kellhom dawl spiritwali ġdid li kien eċċitanti. Fil-​konvenzjoni li nżammet f’Washington, D.C., il-​folla l-​kbira kienet identifikata bħala grupp li se jgħix fuq l-​art, l-​istess bħan-​nagħaġ fil-​parabbola taʼ Ġesù dwar in-​nagħaġ u l-​mogħoż. (Mt. 25:33-​40) Il-​folla l-​kbira kienet se tkun fost in-​“nagħaġ oħrajn,” li dwarhom Ġesù qal: “Lil dawn ukoll irrid inġibhom.” (Ġw. 10:16) Meta l-​kelliemi, J. F. Rutherford,  staqsa: “Jistgħu dawk kollha li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art iqumu bilwieqfa jekk jogħġobhom?” iktar minn nofs l-​udjenza qamet bilwieqfa! Hu ddikjara: “Ara! Il-​folla l-​kbira!” Ħafna tqanqlu profondament meta sa fl-​aħħar fehmu x’kienet it-​tama tagħhom għall-​futur.

18. Is-​segwaċi taʼ Kristu kif iffokaw l-​isforzi tagħhom fuq il-​ministeru, u b’liema riżultat?

18 Minn dak iż-​żmien ’l hawn, Kristu ggwida lin-​nies tiegħu biex jiffokaw l-​isforzi tagħhom fuq li jiġbru l-​membri prospettivi taʼ din il-​folla l-​kbira li se toħroġ, qawwija u sħiħa, mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Għall-​ewwel, ma tantx inġabru nies. Ħuna Rutherford darba saħansitra kkummenta: “Milli jidher il-​‘folla l-​kbira’ mhix se tkun daqshekk kbira wara kollox.” Naturalment, issa nafu kemm Ġeħova bierku bil-​kbir il-​ħsad minn dak iż-​żmien ’l hawn! Taħt il-​gwida taʼ Ġesù u l-​ispirtu qaddis, kemm il-​midlukin kif ukoll l-​imseħbin tagħhom tan-​“nagħaġ oħrajn” saru preċiż dak li bassar Ġesù—“merħla waħda” jaqdu flimkien taħt “ragħaj wieħed.”

Ħuna Rutherford ma setax jobsor kemm kienet se tkun numeruża l-folla l-kbira (Mix-xellug għal-lemin: Nathan H. Knorr, Joseph F. Rutherford, u Hayden C. Covington)

19. Kif jistaʼ jkollna sehem f’li ngħinu lill-​folla l-​kbira tiżdied?

19 Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies leali se jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art, maħkumin minn Kristu u l-​144,000 ħakkiem bi sħab miegħu. Kemm nieħdu gost nimmeditaw fuq il-​mod kif Kristu ggwida lin-​nies t’Alla għal tama Skritturali ċara bħal din għall-​futur! Ma taqbilx li hu privileġġ kbir li naqsmu din it-​tama maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru? Mela ejja nkunu attivi, skont kemm jippermettulna ċ-​ċirkustanzi, sabiex il-​folla l-​kbira tkompli tiżdied fl-​għadd, u b’hekk l-​għajta taʼ tifħir lil isem Ġeħova ssir dejjem iktar qawwija!—Aqra Luqa 10:2.

Il-folla l-kbira l-ħin kollu qed tiżdied fl-għadd

X’tinvolvi l-​lealtà lejn is-​Saltna?

20. L-​organizzazzjoni taʼ Satana hi magħmula minn liema oqsma, u l-​lealtà Kristjana kif inhi involuta?

20 Hekk kif in-​nies t’Alla komplew jitgħallmu dwar is-​Saltna, huma kellhom bżonn jifhmu wkoll bis-​sħiħ xi jfisser li tkun leali lejn dak il-​gvern fis-​sema. Rigward dan, fl-​1922, It-​Torri tal-​Għassa indika li hemm żewġ organizzazzjonijiet—taʼ Ġeħova u taʼ Satana. Dik taʼ Satana hi magħmula minn oqsma kummerċjali, reliġjużi, u politiċi. Dawk li huma leali lejn is-​Saltna t’Alla taħt Kristu m’għandhomx jagħmlu kompromess fejn tidħol il-​lealtà tagħhom billi b’mod mhux xieraq jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe aspett tal-​organizzazzjoni taʼ Satana. (2 Kor. 6:17) Dan xi jfisser?

21. (a) L-​ilsir leali kif wissa lin-​nies t’Alla dwar negozji kbar? (b) Fl-​1963, It-​Torri tal-​Għassa xi rrivela dwar “Babilonja l-​Kbira”?

21 L-​ikel spiritwali mill-​ilsir leali għal darba wara l-​oħra kixef il-​korruzzjoni taʼ negozji kbar u wissa lin-​nies t’Alla biex ma jċedux għall-​materjaliżmu sfrenat. (Mt. 6:24) Bl-​istess mod, il-​pubblikazzjonijiet tagħna baqgħu jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​qasam reliġjuż tal-​organizzazzjoni taʼ Satana. Fl-​1963, It-​Torri tal-​Għassa wera b’mod ċar li “Babilonja l-​Kbira” ma rrappreżentatx biss lill-​Kristjaneżmu, imma wkoll lill-​imperu dinji kollu taʼ reliġjon falza. B’hekk, kif se  naraw iktar bis-​sħiħ f’Kapitlu 10 taʼ dan il-​ktieb, in-​nies t’Alla f’kull pajjiż u kultura ġew megħjunin biex ‘joħorġu minnha,’ billi jitnaddfu mill-​prattiki reliġjużi foloz kollha.—Riv. 18:2, 4.

22. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, ħafna min-​nies t’Alla kif fehmu l-​kliem f’​Rumani 13:1?

22 Iżda, xi ngħidu dwar il-​qasam politiku tal-​organizzazzjoni taʼ Satana? Setgħu l-​Kristjani veri jieħdu sehem fil-​gwerer u l-​konflitti tal-​ġnus? Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, l-​Istudenti tal-​Bibbja fehmu li s-​segwaċi taʼ Kristu ma kellhomx joqtlu lil sħabhom il-​bnedmin. (Mt. 26:52) Madanakollu, għal ħafna, il-​kliem li nsibu f’​Rumani 13:1 biex inkunu ubbidjenti “lejn l-​awtoritajiet superjuri” kien ifisser li kellhom jingħaqdu mal-​armata, jilbsu l-​uniformijiet tas-​suldati, u saħansitra jġorru l-​armi; imma, meta kienu jintalbu biex joqtlu lill-​għadu, kienu jisparaw fl-​arja.

23, 24. Kif konna nifhmuh Rumani 13:1 matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, u s-​segwaċi taʼ Kristu ġew gwidati lejn liema fehma iktar eżatta?

23 Hekk kif kienet qed tfaqqaʼ t-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​1939, It-​Torri tal-​Għassa kien fih diskussjoni dettaljata dwar in-​newtralità. L-​artiklu wera biċ-​ċar li l-​Kristjani ma kellu jkollhom l-​ebda parti fil-​gwerer u l-​konflitti tal-​ġnus tad-​dinja taʼ Satana. Xi gwida f’waqtha! B’hekk, is-​segwaċi taʼ Kristu kienu protetti mis-​sens kbir taʼ ħtija taʼ demm li baqgħu mċappsin biha l-​ġnus f’dik il-​gwerra. Però, b’seħħ mill-​1929, il-​pubblikazzjonijiet tagħna kienu rraġunaw ukoll li l-​awtoritajiet superjuri taʼ Rumani 13:1 ma kinux il-​ħakkiema sekulari, imma kienu Ġeħova u Ġesù. Xorta kienet għadha meħtieġa fehma iktar eżatta.

 24 L-​ispirtu qaddis iggwida lis-​segwaċi taʼ Kristu għal fehma bħal din fl-​1962, meta ġew pubblikati artikli importanti dwar Rumani 13:1-​7 fil-​ħarġiet tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru u l-​1 taʼ Diċembru. Fl-​aħħar, in-​nies t’Alla fehmu l-​prinċipju taʼ li jkunu sottomessi sa ċertu punt. Dan il-​prinċipju rrivelah Ġesù fil-​kliem famuż tiegħu: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Lq. 20:25) Il-​Kristjani veri issa jifhmu li l-​awtoritajiet superjuri huma l-​qawwiet sekulari taʼ din id-​dinja u li l-​Kristjani jridu jkunu sottomessi lejhom. Madanakollu, sottomissjoni bħal din tiddependi minn dak li qed jiġi mitlub minna. Meta l-​awtoritajiet, jew il-​qawwiet, sekulari jitolbuna biex ma nobdux lil Alla Ġeħova, inwieġbu bħalma wieġbu l-​appostli tal-​qedem: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29) F’Kapitli 13 u 14 taʼ dan il-​ktieb, se nitgħallmu iktar dwar kif in-​nies t’Alla segwew il-​prinċipju taʼ newtralità Kristjana.

Xi privileġġ hu li taqsam maʼ ħaddieħor it-tama Biblika taʼ ħajja taʼ dejjem!

25. Int għala tapprezza l-​gwida tal-​ispirtu qaddis f’li tifhem is-​Saltna t’Alla?

25 Aħseb dwar kulma ġew mgħallmin is-​segwaċi taʼ Kristu dwar is-​Saltna fis-​seklu li għadda. Tgħallimna meta s-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-​sema u kemm hi importanti. Għandna stampa ċara dwar iż-​żewġ tamiet offruti lin-​nies leali, it-​tama għas-​sema u t-​tama għall-​art. U nafu kif għandna nuru l-​lealtà tagħna lejn is-​Saltna t’Alla waqt li nkunu sottomessi sa ċertu punt lejn l-​awtoritajiet dinjin. Saqsi lilek innifsek, ‘Kont inkun naf kwalunkwe waħda minn dawn il-​veritajiet prezzjużi li kieku Ġesù Kristu ma kienx iggwida lill-​ilsir leali tiegħu fuq l-​art biex jifhimhom u mbagħad jgħallimhom?’ Aħna mberkin bil-​kbir li għandna lil Kristu u l-​ispirtu qaddis jiggwidawna!

^ par. 7 Qabel dak iż-​żmien, kien maħsub li l-​viżjoni kienet tfisser gwerra bejn ir-​reliġjon pagana tal-​Imperu Ruman u l-​Knisja Kattolika Rumana.

^ par. 10 F’Ġunju tal-​1880, It-​Torri tal-​Għassa ssuġġerixxa li l-​144,000 kellhom ikunu Lhud letterali li saru Kristjani sal-​1914. Madanakollu, iktar tard fl-​1880, ġiet pubblikata fehma li taqbel iktar mill-​qrib mal-​fehma li nħaddnu llum.