KAPITLU DWAR

Kif is-​segwaċi taʼ Ġesù jiffaċċjaw oppożizzjoni legali minħabba l-​ippritkar tagħhom, bħalma kien imbassar minnu

1, 2. (a) Il-​mexxejja reliġjużi xi rnexxielhom jagħmlu lix-​xogħol tal-​ippritkar, imma l-​appostli kif irreaġixxew? (b) L-​appostli għala komplew jippritkaw?

HUWA ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 EK, u l-​kongregazzjoni Kristjana f’Ġerusalemm ilha stabbilita ftit ġimgħat biss. Jidher ċar li Satana jqis dan bħala żmien tajjeb biex jattakkaha. Qabel ma l-​kongregazzjoni tissaħħaħ irid jeqridha minn fuq l-​art. Satana malajr jinfluwenza lill-​mexxejja reliġjużi biex jipprojbixxu l-​ippritkar dwar is-​Saltna. Imma l-​appostli b’kuraġġ jibqgħu jippritkaw, u ħafna rġiel u nisa jibdew “jemmnu fil-​Mulej.”—Atti 4:18, 33; 5:14.

L-appostli ferħu “għax kienu tqiesu denji li jiġu diżonorati minħabba ismu”

2 F’dagħdigħa, l-​opponenti jerġgħu jattakkaw—din id-​darba billi jitfgħu l-​appostli kollha l-​ħabs. Madanakollu, matul il-​lejl anġlu taʼ Ġeħova jiftaħ il-​bibien tal-​ħabs, u mas-​sebħ l-​appostli jerġgħu jaqbdu jippritkaw! Għal darb’oħra jiġu arrestati u jittieħdu quddiem il-​mexxejja. Dawn jgħidu li l-​appostli marru kontra l-​ordni tagħhom billi komplew jippritkaw. L-​appostli bi qlubija jwieġbu billi jgħidu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” Il-​mexxejja tant jirrabjaw mal-​appostli li jixtiequ “jeqirduhom.” Imma f’dak il-​mument kruċjali, Gamaljel, għalliem tal-​liġi li kien stmat, iwissi lill-​mexxejja: “Oqogħdu attenti . . . Tindaħlulhomx lil dawn l-​irġiel, imma ħalluhom.” Xi ħaġa tal-​iskantament, il-​mexxejja jisimgħu minnu u jħallu lill-​appostli jitilqu. X’jagħmlu dawn l-​irġiel leali? Bla ma jaqtgħu qalbhom, jibqgħu “jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu, Ġesù.”—Atti 5:17-​21, 27-​42; Prov. 21:1, 30.

3, 4. (a) Liema metodu effettiv uża Satana għal darba wara l-​oħra biex jattakka n-​nies t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu u fiż-​żewġ kapitli li ġejjin?

3 Dan il-​każ fil-​qorti lura fis-​sena 33 EK kien l-​ewwel darba li l-​kongregazzjoni Kristjana ħabbtet wiċċha mal-​oppożizzjoni min-​nies fl-​awtorità, imma żgur li ma kienx l-​aħħar darba. (Atti 4:5-​8; 16:20; 17:6, 7) Fi żmienna, Satana għadu jxewwex lill-​opponenti tal-​qima vera biex iħeġġu lin-​nies fl-​awtorità ħalli jipprojbixxu l-​ippritkar tagħna. L-​opponenti akkużaw lin-​nies t’Alla billi qalu li dawn jiksru l-​liġi b’diversi modi. Akkuża waħda hi li ntellfu l-​paċi pubblika—li  naqilgħu l-​inkwiet. Oħra hi li nxewxu kontra l-​gvern; u terġaʼ oħra hi li aħna negozjanti kummerċjali. Meta kien xieraq, ħutna marru l-​qorti biex juru li dawn l-​akkużi m’għandhom l-​ebda bażi. X’kien ir-​riżultat taʼ dawn il-​każi? U kif tiġi effettwat personalment minn deċiżjonijiet legali li ttieħdu għaxriet taʼ snin ilu? Ejja neżaminaw ftit każi tal-​qorti biex naraw b’liema modi għenuna ‘niddefendu u nistabbilixxu legalment l-​aħbar tajba.’—Flp. 1:7.

4 F’dan il-​kapitlu, se niffokaw fuq kif iġġilidna għad-​dritt li jkollna l-​libertà li nippritkaw. Iż-​żewġ kapitli li jmiss se jeżaminaw ftit mill-​battalji legali li kellna biex nibqgħu separati mid-​dinja u biex ngħixu fi qbil mal-​livelli tas-​Saltna.

Jaqilgħu l-​inkwiet—Jew jiddefendu b’lealtà s-​Saltna t’Alla?

5. Wara l-​1935, għala ġew arrestati ħafna predikaturi tas-​Saltna, u dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija xi bdew jaħsbu biex jagħmlu?

5 Wara l-​1935, xi bliet u stati fl-​Istati Uniti tal-​Amerika pprovaw iġiegħlu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jiksbu xi tip taʼ permess jew liċenzja legali biex jieħdu sehem fil-​ministeru tagħhom. Imma ħutna m’applikawx għal-​liċenzja. Liċenzja tistaʼ tittiħidlek, u l-​aħwa emmnu li l-​ebda gvern ma kellu l-​awtorità li jindaħal fil-​kmand taʼ Ġesù biex il-​Kristjani jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna. (Mk. 13:10) Għaldaqstant, mijiet taʼ predikaturi tas-​Saltna ġew arrestati. Dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni bdew jaħsbu biex jiftħu kawża l-​qorti. Riedu juru li l-​Istat kien għamel restrizzjonijiet illegali fuq id-​dritt tax-​Xhieda li jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom bil-​libertà. U fl-​1938, ġrat xi ħaġa li wasslet għal kawża importanti fil-​qorti. X’ġara?

6, 7. X’ġara lill-​familja Cantwell?

6 Newton Cantwell, li kellu 60 sena, martu Esther, u wliedu Henry, Russell, u Jesse kienu pijunieri speċjali. It-​Tlieta filgħodu, 26 t’April 1938, telqu biex iqattgħu l-​ġurnata fl-​ippritkar fil-​belt taʼ New Haven, Connecticut, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Fil-​fatt, kienu lesti li jdumu iktar minn ġurnata barra. Għala? Diġà kienu ġew arrestati diversi drabi, allura kienu jafu li setgħu jerġgħu jiġu arrestati. Imma dan ma naqqasx ix-​xewqa tagħhom li jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Marru New Haven b’żewġ karozzi. Newton saq il-​karozza tal-​familja mgħobbija b’letteratura tal-​Bibbja u fonografi li jinġarru, filwaqt li Henry, li kellu 22 sena, saq karozza bil-​lawdspikers. U tabilħaqq, kif kien mistenni, f’temp taʼ ftit sigħat ġew il-​pulizija jwaqqfuhom.

7 L-​ewwel ġie arrestat Russell, li kellu 18-​il sena, u mbagħad Newton u Esther. Mill-​bogħod, Jesse, li kellu 16-​il sena, ra lill-​ġenituri tiegħu u lil ħuh jittieħdu l-​għassa. Henry kien qed jipprietka naħa oħra tal-​belt, għalhekk Jesse baqaʼ waħdu. Minkejja dan, ġabar il-​fonografu tiegħu u kompla jipprietka.  Żewġt irġiel Kattoliċi ħallew lil Jesse jdoqqilhom rekord taʼ taħdita taʼ Ħuna Rutherford bit-​titlu “Għedewwa.” Imma huma u jisimgħu t-​taħdita, l-​irġiel tant inkorlaw li riedu jsawtu lil Jesse. Bil-​kalma kollha, Jesse telaq minn ħdejhom, imma ftit wara dan, pulizija waqqfu. Għalhekk, Jesse wkoll spiċċa arrestat. Il-​pulizija m’akkużawx lil Oħtna Cantwell, imma akkużaw lil Ħuna Cantwell u lil uliedu. Però, ħarġu bi pleġġ f’dik l-​istess ġurnata.

8. Il-​qorti għala qatgħet is-​sentenza li Jesse Cantwell kien qalaʼ l-​inkwiet?

8 Ftit xhur wara, f’Settembru tal-​1938, il-​familja Cantwell dehret quddiem il-​qorti taʼ New Haven. Newton, Russell, u Jesse nstabu ħatjin li kienu qed jitolbu donazzjonijiet mingħajr liċenzja. Minkejja li l-​każ ġie appellat fil-​Qorti Suprema taʼ Connecticut, Jesse nstab ħati li kien tellef il-​paċi—li kien qalaʼ l-​inkwiet. Għala? Għax iż-​żewġt irġiel Kattoliċi li kienu semgħu r-​rekord xehdu fil-​qorti li t-​taħdita kienet insultat ir-​reliġjon tagħhom u ġegħlithom jirrabjaw. L-​aħwa responsabbli fl-​organizzazzjoni appellaw lill-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti—l-​iktar qorti superjuri fil-​pajjiż—għax ma qablux mas-​sentenzi li ngħataw lill-​familja Cantwell.

9, 10. (a) Il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti kif qatgħet is-​sentenza fil-​każ tal-​familja Cantwell? (b) Kif għadna nibbenefikaw minn din ir-​rebħa?

9 B’seħħ mid-​29 taʼ Marzu 1940, il-​Prim Imħallef Charles E. Hughes u tmienja mill-​imħallfin li kienu jaħdmu miegħu semgħu l-​argumenti li ppreżenta Ħuna Hayden Covington,  avukat għax-​Xhieda taʼ Ġeħova. * Meta l-​avukat għall-​istat taʼ Connecticut ippreżenta l-​argumenti tiegħu biex jipprova juri li x-​Xhieda jaqilgħu l-​inkwiet, wieħed mill-​imħallfin saqsa: “Il-​messaġġ li xandar Kristu Ġesù ma kienx popolari fi żmienu, hux hekk?” L-​avukat tal-​istat qal: “Hekk hu, u jekk niftakar sew, il-​Bibbja tgħidilna wkoll xi ġralu Ġesù talli xandar dak il-​messaġġ.” Dik l-​istqarrija tassew kixfitu taʼ li hu! Mingħajr ma nduna, l-​avukat tefaʼ lix-​Xhieda fl-​istess keffa maʼ Ġesù u tefaʼ lill-​istat fl-​istess keffa maʼ dawk li sabuh ħati. Fl-​20 taʼ Mejju 1940, il-​Qorti b’mod unanimu qatgħet is-​sentenza favur ix-​Xhieda.

Hayden Covington (quddiem, fin-nofs), Glen How (xellug), u oħrajn ħerġin mill-qorti wara rebħa legali

10 Is-​sentenza tal-​Qorti għala kienet tant sinifikanti? Din ipproteġiet iktar id-​dritt li wieħed jipprattika r-​reliġjon tiegħu bil-​libertà. B’hekk, l-​ebda tip taʼ qorti tal-​gvern ma tistaʼ legalment tillimita l-​libertà reliġjuża. Iktar minn hekk, il-​Qorti qalet li l-​imġiba taʼ Jesse “ma kinitx taʼ theddida għall-​paċi pubblika.” Għalhekk, din is-​sentenza wriet biċ-​ċar li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jtellfux il-​paċi pubblika. X’rebħa legali kruċjali għall-​qaddejja t’Alla! Kif għadna nibbenefikaw minnha? Avukat li hu Xhud jgħid: “Id-​dritt li nipprattikaw ir-​reliġjon tagħna bil-​libertà mingħajr biżaʼ li se jkollna restrizzjonijiet mhux ġusti jippermettilna . . . biex illum naqsmu messaġġ taʼ tama m’oħrajn fil-​komunitajiet fejn ngħixu.”

Ixewxu kontra l-​gvern—Jew ixandru l-​verità?

Il-fuljett Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada

11. Ħutna fil-​Kanada x’kampanja kellhom, u għala?

11 Matul is-​snin 40, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Kanada ħabbtu wiċċhom m’oppożizzjoni ħarxa. L-​aħwa riedu juru lin-​nies li l-​Istat ma kienx qed iħallihom jeżerċitaw id-​dritt tal-​libertà tar-​reliġjon. Għalhekk, fl-​1946, kellhom kampanja li damet 16-​il ġurnata u li fiha qassmu fuljett t’erbaʼ paġni. Dan il-​fuljett kixef bid-​dettall rewwixti mxewxin mill-​kleru, ħruxija min-​naħa tal-​pulizija, u attakki vjolenti minn marmalji fuq ħutna fi Quebec. “L-​arresti illegali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova dejjem qed jiżdiedu,” qal il-​fuljett. “Hemm xi 800 kawża kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Montreal.”—Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada.

12. (a) L-​opponenti kif irreaġixxew għall-​kampanja bil-​fuljett? (b) Ħutna biex ġew akkużati? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.)

12 Il-​Kap tal-​gvern fi Quebec, Maurice Duplessis, kien qed jaħdem id f’id mal-​Kardinal Kattoliku Villeneuve. Meta ħareġ il-​fuljett, Duplessis rreaġixxa billi ħabbar “gwerra bla ħniena” kontra x-​Xhieda. It-​800 kawża malajr irdoppjaw u saru 1,600 kawża. Oħt pijuniera qalet: “Tlifna l-​kont taʼ kemm-​il darba l-​pulizija arrestawna.” Ix-​Xhieda li nqabdu jqassmu l-​fuljett ġew akkużati li qed jippubblikaw “malafama kontra l-​gvern.” *

13. Min kienu l-​ewwel uħud li ttellgħu l-​qorti fuq l-​akkuża li kienu qed ixewxu kontra l-​gvern, u l-​qorti kif qatgħet il-​każ?

 13 Fl-​1947, Ħuna Aimé Boucher u wliedu Gisèle, li kellha 18-​il sena, u Lucille, li kellha 11-​il sena, kienu l-​ewwel uħud li ttellgħu l-​qorti fuq l-​akkuża li kienu qed ixewxu kontra l-​gvern. Kienu qassmu l-​fuljetti tal-​kampanja ħdejn ir-​razzett tagħhom fl-​għoljiet barra l-​belt taʼ Quebec, imma żgur li ma kinux uħud li jaqilgħu l-​inkwiet u li jiksru l-​liġi. Ħuna Boucher kien raġel umli u ġwejjed li ħa ħsieb ir-​razzett żgħir tiegħu u li kultant żmien kien jidħol il-​belt biż-​żiemel u l-​karettun. Xorta waħda, il-​familja tiegħu kienet ġarrbet ftit mill-​abbużi li ssemmew fil-​fuljett. L-​imħallef tal-​qorti, li ma kienx jaħmel lix-​Xhieda, irrifjuta li jaċċetta evidenza li wriet biċ-​ċar li l-​familja Boucher kienet innoċenti. Minflok, aċċetta l-​akkuża li l-​fuljett qanqal l-​ostilità u li b’hekk il-​familja Boucher kienet ħatja. Mela l-​ħarsa tal-​imħallef bażikament kienet din: Hu att kriminali jekk tgħid il-​verità! Aimé u Gisèle instabu ħatjin li kienu qed iqassmu letteratura li timmalafama l-​gvern, u anke Lucille qattgħet jumejn il-​ħabs. L-​aħwa appellaw lill-​Qorti Suprema tal-​Kanada, l-​iktar qorti superjuri fil-​pajjiż, u din aċċettat li tismaʼ l-​każ.

14. L-​aħwa fi Quebec x’għamlu matul is-​snin taʼ persekuzzjoni?

14 Sadattant, ħutna kuraġġużi fi Quebec baqgħu jippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna avolja kellhom iħabbtu wiċċhom m’attakki vjolenti bla waqfien—u spiss kellhom riżultati impressjonanti talli għamlu hekk. Matul l-​erbaʼ snin wara li bdiet il-​kampanja bil-​fuljett fl-​1946, l-​għadd taʼ Xhieda fi Quebec żdied minn 300 għal 1,000 Xhud! *

15, 16. (a) Il-​Qorti Suprema tal-​Kanada kif qatgħet il-​każ tal-​familja Boucher? (b) Din ir-​rebħa x’impatt kellha fuq ħutna u fuq oħrajn?

15 F’Ġunju tal-​1950, il-​Qorti Suprema tal-​Kanada, magħmula minn disaʼ mħallfin, semgħet il-​każ taʼ Aimé Boucher. Sitt xhur wara, fit-​18 taʼ Diċembru 1950, il-​Qorti qatgħet il-​każ favur tagħna. Għala? Ħuna Glen How, avukat għax-​Xhieda, spjega li l-​qorti qablet mal-​argument tad-​difiża li biex wieħed jinstab ħati li qed ixewwex kontra l-​gvern irid ikun qanqal il-​vjolenza jew irvell kontra l-​gvern. Imma l-​fuljett “ma kien fih ebda tixwix minn dan u għaldaqstant kien tip taʼ diskors ħieles li hu legali.” Ħuna How żied jgħid: “Stajt nara b’għajnejja stess kif Ġeħova tana r-​rebħa.” *

16 Id-​deċiżjoni tal-​Qorti Suprema tabilħaqq kienet rebħa kbira għas-​Saltna t’Alla. Minħabba fiha, il-​122 każ taʼ tixwix kontra l-​gvern li kienu għadhom pendenti kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova fi Quebec waqgħu. Iktar minn hekk, is-​sentenza tal-​Qorti fissret li ċ-​ċittadini tal-​Kanada u tal-​Commonwealth (jiġifieri, il-​Britannja u l-​pajjiżi li qabel kienu maħkumin minnha) issa kellhom il-​libertà li jitkellmu meta ma jaqblux mal-​gvern. Minbarra dan, din ir-​rebħa tat daqqa taʼ ħarta lill-​knisja u l-​istat taʼ Quebec li flimkien kienu qed jattakkaw il-​libertà tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. *

 Jinnegozjaw—Jew iħabbru b’żelu s-​Saltna t’Alla?

17. Xi gvernijiet kif jipprovaw jikkontrollaw l-​ippritkar tagħna?

17 Bħall-​Kristjani tal-​bidu, il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum ‘ma jagħmlux negozju mill-​kelma t’Alla.’ (Aqra t-​2 Korintin 2:17.) Minkejja dan, xi gvernijiet jipprovaw jikkontrollaw l-​ippritkar tagħna permezz taʼ liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​kummerċ. Ejja nikkunsidraw żewġ każijiet tal-​qorti li kienu dwar jekk ix-​Xhieda taʼ Ġeħova humiex negozjanti jew predikaturi.

18, 19. L-​awtoritajiet fid-​Danimarka kif ipprovaw iwaqqfu l-​ippritkar?

18 Id-​Danimarka. Fl-​1 t’Ottubru 1932, daħlet liġi li għamlitha illegali li wieħed ibigħ letteratura stampata mingħajr ma jkollu liċenzja biex ibigħ. Iżda, ħutna m’applikawx għal-​liċenzja. L-​għada, ħames pubblikaturi qattgħu l-​ġurnata jippritkaw f’Roskilde, raħal xi 30 kilometru lejn il-​Punent taʼ Kopenħagen, il-​belt kapitali. Fl-​aħħar tal-​ġurnata, wieħed mill-​pubblikaturi, August Lehmann, kien nieqes. Kien ġie arrestat talli biegħ affarijiet mingħajr liċenzja.

19 Fid-​19 taʼ Diċembru 1932, August Lehmann deher quddiem il-​qorti. Hu xehed li kien mar għand in-​nies u offrielhom letteratura Biblika, imma qal li ma kienx qed jinnegozja. Il-​qorti qablet miegħu. Qalet: “L-​akkużat . . . kapaċi jmantni lilu nnifsu finanzjarjament, u ma rċieva l-​ebda benefiċċju ekonomiku u lanqas mhu beħsiebu jirċievi xi benefiċċju bħal dan, anzi l-​attivitajiet tiegħu jirrikjedu li joħroġ il-​flus.” Il-​qorti kienet favur ix-​Xhieda u qatgħetha li l-​attività taʼ Lehmann ma setgħetx “titqies bħala negozju.” Imma l-​għedewwa tan-​nies t’Alla kienu determinati li jwaqqfu l-​ippritkar fil-​pajjiż. (Salm 94:20) Il-​prosekutur pubbliku baqaʼ jappella sakemm il-​każ wasal għand il-​Qorti Suprema tal-​pajjiż. L-​aħwa kif irreaġixxew?

20. Il-​Qorti Suprema tad-​Danimarka għal liema deċiżjoni waslet, u ħutna kif irreaġixxew?

20 Fil-​ġimgħa taʼ qabel is-​smigħ tal-​każ quddiem il-​Qorti Suprema, ix-​Xhieda fid-​Danimarka żiedu fl-​ippritkar tagħhom. It-​Tlieta, 3 t’Ottubru 1933, il-​Qorti Suprema ħabbret id-​deċiżjoni tagħha. Qablet mal-​qorti l-​oħra li August Lehmann ma kienx kiser il-​liġi. Din id-​deċiżjoni fissret li x-​Xhieda setgħu jibqgħu jippritkaw bil-​libertà. Biex jesprimu l-​gratitudni tagħhom lejn Ġeħova għal din ir-​rebħa legali, l-​aħwa żiedu saħansitra iktar fl-​ippritkar. Minn dakinhar s’issa, ħutna fid-​Danimarka setgħu jwettqu l-​ministeru tagħhom mingħajr ma jindaħal il-​gvern.

Xhieda kuraġġużi fid-Danimarka fis-snin 30

21, 22. X’kienet id-​deċiżjoni tal-​Qorti Suprema tal-​ Istati Uniti fil-​każ taʼ Ħuna Murdock?

21 L-​Istati Uniti tal-​Amerika. Nhar il-​Ħadd, 25 taʼ Frar 1940, il-​pijunier Robert Murdock, Jr., u sebaʼ Xhieda oħra ġew arrestati waqt li kienu qed jippritkaw f’Jeannette, belt ħdejn Pittsburgh, fl-​istat taʼ Pennsylvania. Instabu ħatjin  talli ma kinux xtraw liċenzja biex joffru l-​letteratura. Meta appellaw, il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti aċċettat li tismaʼ l-​każ.

22 Fit-​3 taʼ Mejju 1943, il-​Qorti Suprema ħabbret id-​deċiżjoni li ħadet favur ix-​Xhieda. Il-​Qorti ma qablitx mal-​liġi lokali li wieħed għandu jikseb liċenzja għax dan fisser li għandu “jħallas biex igawdi dritt li hu fil-​Kostituzzjoni tal-​Istat.” Il-​Qorti ġabet fix-​xejn din il-​liġi għax din kienet qed “toħnoq il-​libertà tal-​istampa u tillimita l-​libertà li wieħed jipprattika r-​reliġjon tiegħu.” Meta kien qed jgħid x’kienet l-​opinjoni tal-​maġġoranza tal-​Qorti, l-​Imħallef William O. Douglas qal li l-​attività tax-​Xhieda taʼ Ġeħova “tinvolvi iktar minn xogħol tal-​ippritkar; iktar minn tqassim tal-​letteratura. Hi taħlita taʼ dawn iż-​żewġ affarijiet.” Żied: “Din l-​attività reliġjuża għandha titqies bħala sagra daqs . . . il-​qima fil-​knejjes u l-​ippritkar minn fuq il-​pulpti.”

23. Ir-​rebħiet fil-​qorti tal-​1943 għala huma importanti għalina llum?

23 Din id-​deċiżjoni tal-​Qorti Suprema fissret rebħa legali kbira għan-​nies t’Alla. Ikkonfermat li tassew aħna predikaturi Kristjani u mhux negozjanti kummerċjali. F’dak l-​istess jum memorabbli, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova rebħu 12 mit-​13-​il każ li kellhom, inkluż dak taʼ Ħuna Murdock,  quddiem il-​Qorti Suprema. Dawn id-​deċiżjonijiet tal-​qorti servew bħala eżempju mill-​aħjar f’każijiet iktar reċenti fil-​qorti li fihom l-​opponenti tagħna reġgħu sfidaw id-​dritt li nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna b’mod pubbliku u minn dar għal dar.

“Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin”

24. Kif nirreaġixxu meta gvern jipprojbixxi l-​ippritkar tagħna?

24 Bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova, aħna tassew napprezzaw meta l-​gvernijiet jagħtuna d-​dritt legali biex nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna bil-​libertà. Madanakollu, meta gvern jipprojbixxi l-​ippritkar tagħna, aħna sempliċement naġġustaw il-​metodi tagħna u nkomplu bix-​xogħol b’kull mezz li nistgħu. Bħall-​appostli, “jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29; Mt. 28:19, 20) Fl-​istess waqt, nappellaw lil qrati biex il-​projbizzjoni fuq xogħolna titneħħa. Ikkunsidra żewġ eżempji.

25, 26. X’wassal biex jinfetaħ każ fil-​Qorti Suprema tan-​Nikaragwa, u x’kien ir-​riżultat?

25 In-​Nikaragwa. Fid-​19 taʼ Novembru 1952, Donovan Munsterman, li kien missjunarju u l-​qaddej tal-​fergħa, daħal fl-​Uffiċċju tal-​Immigrazzjoni f’Managua, il-​belt kapitali. Kien ġie ordnat jidher quddiem il-​Kaptan Arnoldo García, li kien imexxi l-​uffiċċju. Il-​kaptan qal lil Donovan li x-​Xhieda taʼ Ġeħova fin-​Nikaragwa kienu “projbiti milli jkomplu jippritkaw dwar it-​twemmin tagħhom u milli jressqu ’l quddiem l-​attivitajiet reliġjużi tagħhom.” Meta ġie mitlub raġuni, il-​Kaptan García spjega li x-​Xhieda ma kellhomx permess mill-​ministru tal-​gvern biex iwettqu l-​ministeru tagħhom u li kienu ġew akkużati li huma komunisti. Min kien akkużana? Il-​kleru tal-​Knisja Kattolika Rumana.

Aħwa fin-Nikaragwa matul il-projbizzjoni

 26 Ħuna Munsterman minnufih appella lill-​Ministeru tal-​Gvern u tar-​Reliġjonijiet kif ukoll lill-​President Anastasio Somoza García, imma kollu għalxejn. Allura l-​aħwa aġġustaw il-​metodi tagħhom. Għalqu s-​Sala tas-​Saltna, iltaqgħu fi gruppi iżgħar, u waqfu jagħtu xhieda fit-​toroq, imma xorta xandru l-​messaġġ tas-​Saltna. Fl-​istess waqt, talbu lill-​Qorti Suprema tan-​Nikaragwa biex iġġib fix-​xejn il-​projbizzjoni. Il-​gazzetti rrapportaw mal-​pajjiż kollu dwar il-​projbizzjoni u t-​talba tal-​aħwa, u l-​Qorti Suprema aċċettat li tismaʼ l-​każ. X’kien ir-​riżultat? Fid-​19 taʼ Ġunju tal-​1953, il-​Qorti Suprema ppubblikat id-​deċiżjoni unanima tagħha favur ix-​Xhieda. Il-​Qorti sabet li l-​projbizzjoni marret kontra l-​liġi tal-​pajjiż dwar il-​libertà tal-​espressjoni, tal-​kuxjenza, u taʼ li wieħed jipprattika r-​reliġjon tiegħu. Ukoll, ordnat biex ir-​relazzjonijiet li kien hemm bejn il-​gvern tan-​Nikaragwa u x-​Xhieda jerġgħu għal li kienu.

27. In-​nies tan-​Nikaragwa għala stagħġbu bid-​deċiżjoni tal-​Qorti, u l-​aħwa kif qiesu din ir-​rebħa?

27 In-​nies tan-​Nikaragwa stagħġbu li l-​Qorti Suprema kienet favur ix-​Xhieda. Sa dak iż-​żmien, il-​kleru tant kellu influwenza li l-​Qorti ma kinitx tissogra tħaqqaqha miegħu. Anke l-​uffiċjali tal-​gvern kellhom influwenza kbira, tant li l-​Qorti rari kienet tmerihom. Ħutna kienu fiduċjużi li kellhom din ir-​rebħa għax kienu rċivew protezzjoni mis-​Sultan tagħhom u kienu baqgħu jippritkaw.—Atti 1:8.

28, 29. Madwar l-​1985, liema bidla mhix mistennija seħħet fiz-​Zaire?

28 Iz-​Zaire. Madwar l-​1985, kien hemm xi 35,000 Xhud fiz-​Zaire (issa r-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo). Biex tlaħħaq mat-​tkabbir kontinwu li kien hemm fl-​attivitajiet tas-​Saltna, il-​fergħa kienet qed tibni bini ġdid. F’Diċembru tal-​1985, saret konvenzjoni internazzjonali fil-​belt kapitali, Kinshasa, u 32,000 delegat minn ħafna pajjiżi differenti mlew l-​istejdjum tal-​belt. Imma mbagħad il-​kundizzjonijiet għall-​qaddejja taʼ Ġeħova bdew jinbidlu. X’ġara?

29 Ħuna Marcel Filteau, missjunarju minn Quebec, il-​Kanada, li kien esperjenza l-​persekuzzjoni taħt il-​ħakma taʼ Duplessis, kien qed jaqdi fiz-​Zaire f’dak iż-​żmien. Hu rrakkonta dak li kien ġara: “Fit-​12 taʼ Marzu 1986, l-​aħwa responsabbli ngħataw ittra li qalet li l-​assoċjazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fiz-​Zaire kienet illegali.” Din il-​projbizzjoni kienet iffirmata mill-​president tal-​pajjiż, Mobutu Sese Seko.

30. Il-​membri tal-​Kumitat tal-​Fergħa liema deċiżjoni importanti kellhom jieħdu, u xi ddeċidew li jagħmlu?

30 L-​għada stess, ir-​radju nazzjonali ħabbar: “Qatt mhu se nerġgħu nisimgħu bix-​Xhieda taʼ Ġeħova [fiz-​Zaire].” Mill-​ewwel faqqgħet il-​persekuzzjoni. Xi Swali tas-​Saltna nqerdu, ħutna ġew misruqin, arrestati, mitfugħin il-​ħabs, u msawtin. Anke t-​tfal li kienu Xhieda ġew mitfugħin il-​ħabs. Fit-​12 t’Ottubru 1988, il-​gvern ħa taħt idejh l-​affarijiet li kienu tal-​organizzazzjoni tagħna, u l-​Gwardja Ċivili, grupp  tal-​armata, ħadet taħt idejha l-​proprjetà tal-​fergħa. L-​aħwa responsabbli bagħtu ittra lill-​President Mobutu biex ineħħi l-​projbizzjoni, imma baqgħu bla risposta. F’dak il-​punt, il-​Kumitat tal-​Fergħa kellhom jieħdu deċiżjoni importanti: “Se nappellaw lill-​Qorti Suprema, jew nistennew?” Timothy Holmes, li kien missjunarju u l-​koordinatur tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​pajjiż f’dak iż-​żmien, jiftakar: “Dorna lejn Ġeħova għall-​għerf u l-​gwida.” Wara li talbu dwar il-​kwistjoni u ddiskutewha bejniethom, il-​membri tal-​kumitat ħassew li ma kienx il-​waqt biex jieħdu xi azzjoni legali. Minflok, iffokaw fuq li jieħdu ħsieb lill-​aħwa u fuq li jsibu modi kif jistgħu jkomplu jippritkaw.

“Matul il-​każ, rajna kif Ġeħova jistaʼ jbiddel l-​affarijiet”

31, 32. (a) Liema deċiżjoni rimarkevoli ħadet il-​Qorti Suprema taz-​Zaire? (b) Dan x’effett kellu fuq ħutna?

31 Għaddew diversi snin. Il-​pressjoni fuq ix-​Xhieda naqset, u r-​rispett lejn id-​drittijiet umani żdied fil-​pajjiż. Il-​Kumitat tal-​Fergħa kkonkluda li issa kien wasal il-​waqt biex jappella lill-​Qorti Suprema tal-​Ġustizzja fiz-​Zaire ħalli titneħħa l-​projbizzjoni. Ħaġa tal-​iskantament, il-​Qorti Suprema aċċettat li tismaʼ l-​każ. Imbagħad, fit-​8 taʼ Jannar 1993, kważi sebaʼ snin wara l-​projbizzjoni mill-​president, il-​Qorti ddeċidiet li l-​azzjoni li l-​gvern kien ħa kontra x-​Xhieda kienet illegali, u b’hekk il-​projbizzjoni nġiebet fix-​xejn. Aħseb ftit x’kien ifisser dan! L-​imħallfin issograw ħajjithom stess u ġabu fix-​xejn deċiżjoni li kien ħa l-​president tal-​pajjiż! Ħuna Holmes jgħid: “Matul il-​każ, rajna kif Ġeħova jistaʼ jbiddel l-​affarijiet.” (Dan. 2:21) Din ir-​rebħa saħħet il-​fidi taʼ ħutna. Huma ħassew li s-​Sultan, Ġesù, kien iggwida lin-​nies tiegħu biex ikunu jafu meta u kif għandhom jaġixxu.

Xhieda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jifirħu għax għandhom il-libertà li jqimu lil Ġeħova

 32 Issa li kienet tneħħiet il-​projbizzjoni, l-​uffiċċju tal-​fergħa setaʼ jġib il-​missjunarji, jibni bini ġdid tal-​fergħa, u jdaħħal letteratura tal-​Bibbja. * Kemm hu sors taʼ ferħ meta l-​qaddejja t’Alla madwar id-​dinja jaraw kif Ġeħova jipproteġi l-​benesseri spiritwali tan-​nies tiegħu!—Is. 52:10.

“Ġeħova hu dak li jgħinni”

33. X’nitgħallmu minn din il-​ħarsa fuq fuq taʼ xi każijiet tal-​qorti?

33 Din il-​ħarsa fuq fuq taʼ xi każijiet fil-​qorti turi biċ-​ċar li Ġesù wettaq il-​wegħda tiegħu: “Nagħtikom fomm u għerf, li dawk kollha li jopponukom ma jkunux jistgħu jiqfulhom jew imeruhom.” (Ara Luqa 21:12-​15.) Kultant, Ġeħova milli jidher uża wħud fi żmienna li bħal Gamaljel jipproteġu lill-​poplu tiegħu jew qanqal lil imħallfin u avukati kuraġġużi biex jieħdu waqfa għall-​ġustizzja. Ġeħova ġab fix-​xejn l-​armi tal-​opponenti tagħna. (Aqra Isaija 54:17.) L-​oppożizzjoni ma tistax twaqqaf ix-​xogħol t’Alla.

34. Ir-​rebħiet legali tagħna għala huma tant rimarkevoli, u taʼ xiex jagħtu prova? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Rebħiet sinifikanti fil-​qorti superjuri li avvanzaw l-​ippritkar tas-​Saltna.”)

34 Ir-​rebħiet legali tagħna għala huma tant rimarkevoli? Ikkunsidra dan: Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex uħud prominenti jew taʼ influwenza. Ma nivvotawx, ma nappoġġawx kampanji politiċi, u lanqas ma nipprovaw ninfluwenzaw lill-​politikanti. Ukoll, ħafna minn dawk fostna li jittellgħu l-​qorti superjuri fuq xi każ, ġeneralment jitqiesu bħala wħud “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Għalhekk, minn ħarsa umana, ma tantx jagħmel sens li l-​qrati jgħinu lilna minflok ma jieħdu deċiżjoni favur l-​opponenti reliġjużi u politiċi tagħna li għandhom ħafna poter. Minkejja dan, il-​qrati għal darba wara l-​oħra ddeċidew li jaqtgħu l-​każ favurina! Ir-​rebħiet legali tagħna juru biċ-​ċar li qed nimxu “quddiem Alla, u fi sħubija maʼ Kristu.” (2 Kor. 2:17) Għaldaqstant, bħall-​appostlu Pawlu, niddikjaraw: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Ebr. 13:6.

^ par. 9 Dan il-​każ (Cantwell v. State of Connecticut) kien l-​ewwel minn 43 każ quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti li fihom Ħuna Hayden Covington iddefenda lill-​aħwa. Dan il-​ħu miet fl-​1978. Martu, Dorothy, qdiet bʼmod leali sakemm mietet fl-2015 fl-età taʼ 92 sena.

^ par. 12 Din l-​akkuża kienet ibbażata fuq liġi li saret fl-​1606. Din ippermettiet li l-​membri tal-​ġurija jiddikjaraw li persuna tkun ħatja jekk iħossu li din tkun qalet xi ħaġa li tqanqal l-​ostilità—anke jekk dak li ntqal kien veru.

^ par. 14 Fl-​1950, 164 ministru fultajm qdew fi Quebec—inkluż 63 li ggradwaw minn Gilegħad u li minn rajhom aċċettaw l-​inkarigu tagħhom avolja kienu jafu li kienu se jħabbtu wiċċhom maʼ oppożizzjoni ħarxa.

^ par. 15 Ħuna W. Glen How kien avukat kuraġġuż li mill-​1943 sal-​2003 bis-​sengħa ġġieled mijiet taʼ każijiet fil-​qorti għax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Kanada u f’pajjiżi oħra.

^ par. 16 Għal iktar dettalji dwar dan il-​każ, ara l-​artiklu “It-​Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Mejju 2000, paġni 18-​24.

^ par. 32 Il-​Gwardja Ċivili eventwalment telqet mill-​proprjetà tal-​fergħa, imma l-​bini l-​ġdid tal-​fergħa nbena f’post ieħor.