Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 10

Is-Sultan jirfina lil niesu f’sens spiritwali

Is-Sultan jirfina lil niesu f’sens spiritwali

KAPITLU DWAR

Għala u kif Ġesù rfina u naddaf lis-​segwaċi tiegħu f’sens spiritwali

1-3. Ġesù x’għamel meta ra li t-​tempju kien qed jitniġġes?

ĠESÙ kellu rispett kbir għat-​tempju f’Ġerusalemm għax kien jaf x’jirrappreżenta. It-​tempju kien ilu żmien twil iservi bħala ċ-​ċentru taʼ qima vera fuq l-​art. Imma dik il-​qima—il-​qima lill-​Alla qaddis, Ġeħova—trid tkun nadifa u pura. Allura, immaġina kif ħassu Ġesù meta daħal fit-​tempju fl-​10 taʼ Nisan 33 EK, u sab li kien qed jitniġġes. X’kien qed jiġri?—Aqra Mattew 21:12, 13.

2 Fil-​Bitħa tal-​Ġentili, negozjanti u sarrafa tal-​flus rgħiba kienu qed jieħdu vantaġġ mill-​aduraturi li ġew jagħmlu offerti lil Ġeħova. * Ġesù “keċċa ’l barra lil dawk kollha li kienu qed ibigħu u jixtru fit-​tempju, u qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus.” (Qabbel Neħemija 13:7-​9.)Hu kkundanna lil dawn l-​irġiel egoisti talli bidlu dar Missieru f’“għar tal-​ħallelin.” B’hekk, Ġesù wera r-​rispett tiegħu lejn it-​tempju u lejn dak li jirrappreżenta. Il-​qima taʼ Missieru kellha tinżamm nadifa!

3 Sekli wara, wara li sar is-​Sultan Messjaniku, Ġesù reġaʼ naddaf tempju—tempju li jinvolvi lil dawk kollha li llum iridu jaqdu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli. X’tempju kien dan?

“Ulied Levi” jiġu mnaddfin

4, 5. (a) Is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù, kif ġew irfinuti u mnaddfin mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919? (b) Kien dan it-​tmiem tal-​irfinar u t-​tindif għan-​nies t’Alla? Spjega.

4 Kif rajna f’Kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb, wara li nħatar bħala Sultan fl-​1914, Ġesù, flimkien maʼ Missieru, ġie biex jispezzjona lit-​tempju spiritwali—l-​arranġament għall-​qima pura. * Permezz taʼ din l-​ispezzjoni, is-​Sultan ra li l-​Kristjani midlukin, “ulied Levi,” kellhom bżonn xi rfinar u tindif. (Mal. 3:1-​3) Mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919, “ir-​Raffinatur,” Ġeħova, ħalla lin-​nies tiegħu jgħaddu minn diversi provi u diffikultajiet li rfinawhom u naddfuhom. B’ferħ, dawn il-​midlukin ħarġu minn dawn il-​provi tan-​nar f’qagħda iktar nadifa, ħerqanin biex juru l-​appoġġ tagħhom għas-​Sultan Messjaniku!

 5 Kien dan it-​tmiem tal-​irfinar u t-​tindif tan-​nies t’Alla? Le. Matul l-​aħħar jiem, Ġeħova uża lis-​Sultan Messjaniku biex ikompli jgħin lis-​segwaċi tiegħu ħalli jkunu nodfa sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fit-​tempju spiritwali. Fiż-​żewġ kapitli li ġejjin se naraw kif irfinahom fil-​morali u fl-​organizzar. Imma l-​ewwel ejja niddiskutu t-​tindif spiritwali. Il-​fidi tagħna se tissaħħaħ hekk kif nikkunsidraw dak li għamel Ġesù—kemm bil-​miftuħ u kemm minn wara l-​kwinti—biex jgħin lis-​segwaċi tiegħu jkunu nodfa spiritwalment.

“Ibqgħu nodfa”

6. L-​indafa spiritwali x’tinvolvi skont dak li qal Ġeħova?

6 X’inhi l-​indafa spiritwali? Biex inwieġbu, ejja neżaminaw dak li Ġeħova qal lill-​eżiljati Lhud meta kienu se jitilqu minn Babilonja fis-​sena 537 QEK. (Aqra Isaija 52:11.) Dawk l-​eżiljati kienu qed jirritornaw lejn Ġerusalemm primarjament biex jibnu mill-​ġdid it-​tempju u biex iġeddu l-​qima vera. (Esd. 1:2-​4) Ġeħova ried li niesu jħallu warajhom kull traċċa tar-​reliġjon Babiloniża. Innota li tahom serje taʼ kmandi: “Tmissu xejn li m’huwiex nadif,” “oħorġu minn ġo nofsha,” u “ibqgħu nodfa.” Il-​qima pura taʼ Ġeħova żgur li m’għandhiex tiġi mċappsa mal-​qima falza. Allura x’nistgħu nikkonkludu? L-​indafa spiritwali tinvolvi li nibqgħu ħielsa mit-​tagħlim u l-​prattiki tar-​reliġjon falza.

7. Ġesù liema mezz taʼ komunikazzjoni juża biex jgħin lis-​segwaċi tiegħu jibqgħu nodfa spiritwalment?

7 Ftit wara li sar Sultan, Ġesù waqqaf mezz taʼ komunikazzjoni li juża biex jgħin lis-​segwaċi tiegħu jibqgħu nodfa spiritwalment. Jidher ċar li dan il-​mezz taʼ komunikazzjoni hu l-​ilsir leali u għaqli, li Kristu ħatar fl-​1919. (Mt. 24:45) Sa dik is-​sena, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu diġà tnaddfu minn ħafna tagħlim reliġjuż falz. Xorta waħda, kellhom bżonn iktar tindif spiritwali. Permezz tal-​ilsir leali, Kristu bil-​mod il-​mod ta lis-​segwaċi tiegħu fehma aħjar dwar diversi ċelebrazzjonijiet u prattiki li kellhom bżonn jaqtgħu. (Prov. 4:18) Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.

Il-​Kristjani għandhom jiċċelebraw il-​Milied?

8. L-​Istudenti tal-​Bibbja x’kienu ilhom jafu dwar il-​Milied, imma x’kienu għadhom ma jifhmux b’mod ċar?

8 L-​Istudenti tal-​Bibbja kienu ilhom jafu li l-​Milied għandu oriġini pagana u li Ġesù ma twilidx fil-​25 taʼ Diċembru. It-​Torri tal-​Għassa taʼ Diċembru tal-​1881 qal: “Miljuni taʼ nies li qabel kienu pagani saru membri tal-​knisja. Imma din kienet bidla fl-​isem biss għax il-​qassisin pagani saru qassisin Kristjani, u l-​festi pagani ngħataw ismijiet Kristjani—fosthom il-​Milied.” Fl-​1883, taħt it-​titlu “Ġesù meta twieled?” It-​Torri tal-​Għassa spjega li Ġesù twieled madwar il-​bidu t’Ottubru. * Però, l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu għadhom ma jifhmux b’mod ċar il-​bżonn li jieqfu  jiċċelebraw il-​Milied. Baqaʼ jiġi ċelebrat anke minn membri tal-​familja Betel fi Brooklyn. Imma wara l-​1926, l-​affarijiet bdew jinbidlu. Għala?

9. Maż-​żmien, l-​Istudenti tal-​Bibbja xi rrealizzaw dwar il-​Milied?

9 Wara li l-​Istudenti tal-​Bibbja għarblu dan is-​suġġett iktar mill-​qrib u bir-​reqqa, huma fehmu li l-​oriġini tal-​Milied u l-​prattiki assoċjati miegħu fil-​fatt jiddiżonoraw lil Alla. L-​artiklu “L-​oriġini tal-​Milied” li deher f’The Golden Age (issa Stenbaħ!) tal-​14 taʼ Diċembru 1927, qal li l-​Milied hu ċelebrazzjoni pagana, jiffoka fuq il-​pjaċiri, u jinvolvi l-​qima lill-​idoli. L-​artiklu għamilha ċara li Kristu ma qalilniex biex niċċelebraw il-​Milied u kkonkluda b’din l-​istqarrija ċara daqs il-​kristall: “Il-​fatt li d-​dinja, il-​laħam, u x-​Xitan huma favur li nibqgħu niċċelebrawh . . . ikompli jurina ċar u tond li dawk li huma dedikati bis-​sħiħ biex jaqdu lil Ġeħova fil-​fatt m’għandhomx jiċċelebrawh.” Mela mhux taʼ b’xejn li l-​familja Betel ma ċċelebratx il-​Milied dik is-​sena—u l-​ebda sena oħra!

10. (a) F’Diċembru tal-​1928, kif kompla jinkixef li l-​Milied hu pagan? (Ara wkoll il-​kaxxa “ L-​oriġini u l-​iskop tal-​Milied.”) (b) In-​nies t’Alla kif ġew imwissijin dwar festi u ċelebrazzjonijiet oħra? (Ara l-​kaxxa “ Il-​verità dwar festi u ċelebrazzjonijiet oħra.”)

10 Is-​sena taʼ wara, l-​Istudenti tal-​Bibbja rċivew iktar informazzjoni li kompliet tikxef kemm hu pagan il-​Milied. Fit-​12 taʼ Diċembru 1928, Ħuna Richard H. Barber, li kien jaħdem fil-​kwartieri ġenerali, ta taħdita fuq ir-​radju li kixfet l-​oriġini pagana taʼ din il-​festa. In-​nies t’Alla kif laqgħu din id-​direzzjoni ċara mill-​kwartieri ġenerali? Ħuna Charles Brandlein ftakar f’meta hu u familtu waqfu jiċċelebraw il-​Milied  u qal: “Iddejjaqna aħna nneħħu dawn l-​affarijiet pagani? Lanqas xejn! . . . Kien bħal meta tneħħi minn fuqek libsa maħmuġa u tarmiha.” Ħuna Henry A. Cantwell, li iktar tard qeda bħala indokratur li jivvjaġġa, wera attitudni simili. Hu ftakar: “Konna ferħanin li stajna nieqfu niċċelebraw xi ħaġa biex nuru kemm inħobbu lil Ġeħova.” Is-​segwaċi leali taʼ Kristu kienu lesti li jagħmlu l-​bidliet meħtiġin u li ma jkollhom l-​ebda sehem minn ċelebrazzjoni li toriġina minn qima mhix nadifa. *Ġw. 15:19; 17:14.

11. Kif nistgħu nuru li nappoġġaw lis-​Sultan Messjaniku?

11 X’eżempju mill-​aħjar ħallewlna dawn l-​Istudenti tal-​Bibbja leali! Meta naħsbu dwar l-​eżempju tagħhom, nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Jien kif inħares lejn id-​direzzjonijiet li jiġu mill-​kwartieri ġenerali? Naċċettahom bil-​gratitudni u napplika dak li nitgħallem?’ L-​ubbidjenza minn rajna turi li nappoġġaw lis-​Sultan Messjaniku, li qed juża l-​ilsir leali biex jagħti ikel spiritwali f’waqtu.—Atti 16:4, 5.

Il-​Kristjani għandhom jużaw is-​salib?

Is-simbolu tas-salib u l-kuruna (Ara paragrafi 12 u 13)

12. Għal bosta snin, l-​Istudenti tal-​Bibbja kif qiesu s-​salib?

12 Għal bosta snin, l-​Istudenti tal-​Bibbja qiesu s-​salib bħala simbolu aċċettabbli tal-​Kristjanità. Bl-​ebda mod ma ħasbu li s-​salib għandu jiġi meqjum għax fehmu li l-​idolatrija hi ħażina. (1 Kor. 10:14; 1 Ġw. 5:21) Sa mill-​1883, It-​Torri tal-​Għassa bla tlaqliq qal li “Alla jobgħod kull tip  t’idolatrija.” Iżda, għall-​ewwel, l-​Istudenti tal-​Bibbja ma raw xejn ħażin jekk wieħed juża s-​salib b’mod xieraq. Pereżempju, b’wiċċhom minn quddiem libsu badges b’salib u b’kuruna biex juru li huma Studenti tal-​Bibbja. Għalihom dan is-​simbolu wera li jekk jibqgħu leali sal-​mewt, kienu se jingħataw il-​kuruna tal-​ħajja. Mill-​1891, is-​simbolu tas-​salib u l-​kuruna beda jidher fuq il-​qoxra tat-​Torri tal-​Għassa.

13. Is-​segwaċi taʼ Kristu liema fehma aħjar kisbu dwar l-​użu tas-​salib? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Bil-​mod il-​mod tinkiseb fehma aħjar dwar l-​użu tas-​salib.”)

13 L-​Istudenti tal-​Bibbja kienu jgħożżu s-​simbolu tas-​salib u l-​kuruna. Imma b’seħħ mill-​aħħar tas-​snin għoxrin, is-​segwaċi taʼ Kristu bil-​mod il-​mod ingħataw fehma iktar ċara dwar l-​użu tas-​salib. Ħuna Grant Suiter, li iktar tard qeda fil-​Ġemgħa li Tiggverna, qal hekk dwar l-​assemblea tal-​1928 li saret f’Detroit, Michigan, l-​Istati Uniti tal-​Amerika: “Fl-​assemblea ġie spjegat li s-​simbolu tas-​salib u l-​kuruna mhux talli mhuwiex neċessarju, imma talli mhuwiex xieraq.” Fis-​snin taʼ wara, il-​fehma tagħhom iċċarat saħansitra iktar. Deher ċar li s-​salib m’għandux post fil-​qima li hi pura u nadifa spiritwalment.

14. In-​nies t’Alla kif irreaġixxew għal fehma aħjar li kienu qed jiksbu bil-​mod il-​mod dwar is-​salib?

14 In-​nies t’Alla kif irreaġixxew għal fehma aħjar li kienu qed jiksbu bil-​mod il-​mod dwar is-​salib? Baqgħu huma jużaw is-​simbolu tas-​salib u l-​kuruna, li kien tant għażiż għalihom? “Ma kienx diffiċli għalina biex nieqfu nużawh meta fhimna x’kien jirrappreżenta,” ftakret Lela Roberts, oħt li ilha taqdi lil Ġeħova. Oħt leali oħra, Ursula Serenco, esprimiet kif kienu qed iħossuhom ħafna wħud meta qalet: “Bdejna nifhmu li dak li qabel konna ngħożżu bħala xi ħaġa simbolika li tirrappreżenta l-​mewt tal-​Mulej tagħna u d-​devozzjoni Kristjana tagħna fil-​fatt kien simbolu pagan. Fi qbil maʼ Proverbji 4:18, konna grati li l-​mogħdija kienet qed tiddawwal.” Is-​segwaċi leali taʼ Kristu ma riedu jkollhom ebda parti fi prattiki reliġjużi foloz u mhux nodfa!

15, 16. Kif nistgħu nuru li aħna determinati li nżommu nodfa l-​btieħi tat-​tempju spiritwali taʼ Ġeħova fuq l-​art?

15 Aħna għandna l-​istess determinazzjoni llum il-​ġurnata. Nifhmu li Kristu qed juża mezz taʼ komunikazzjoni—li jidher ċar li hu l-​ilsir leali u għaqli—biex jgħin lil niesu jibqgħu nodfa spiritwalment. Għaldaqstant, meta nirċievu ikel spiritwali li jwissina dwar ċelebrazzjonijiet, prattiki, jew drawwiet li huma mċappsin mar-​reliġjon falza, aħna b’ubbidjenza u fil-​pront naġixxu fi qbil mat-​twissijiet. Bħal ħutna li għexu fil-​bidu tal-​preżenza taʼ Kristu, aħna determinati li nżommu nodfa l-​btieħi tat-​tempju spiritwali taʼ Ġeħova fuq l-​art—jiġifieri, il-​qima taʼ Ġeħova.

16 Matul l-​aħħar jiem, Kristu kien qed jaħdem ukoll minn wara l-​kwinti biex jipproteġi lill-​kongregazzjonijiet tan-​nies taʼ Ġeħova minn individwi li setgħu jħassru l-​ispiritwalità tagħhom. Kif għamel dan? Ejja naraw.

 “Jifirdu lin-​nies ħżiena min-​nies sewwa”

17, 18. Fit-​tixbiha tax-​xibka l-​kbira, xi jrid ifisser Ġesù meta jgħid li (a) ‘xibka kbira tiġi mitfugħa l-​baħar,’ (b) jiġi miġbur “ħut taʼ kull xorta,” (ċ) jinġabru l-​ħut “it-​tajbin f’kannestri,” u (d) jintremew il-​ħut “il-​ħżiena”?

17 Is-​Sultan Ġesù Kristu jżomm għajnejh fuq il-​kongregazzjonijiet tan-​nies t’Alla madwar id-​dinja. Kristu u l-​anġli qed jagħmlu xogħol taʼ frid. Aħna ma nindunawx b’dak kollu li hu involut f’dan ix-​xogħol. Imma Ġesù ddeskriva x-​xogħol fit-​tixbiha tiegħu dwar ix-​xibka l-​kbira. (Aqra Mattew 13:47-​50.) Din it-​tixbiha xi tfisser?

Ix-xibka l-kbira tirrappreżenta l-ippritkar tas-Saltna li qed isir fil-baħar tal-umanità (Ara paragrafu 18)

18 ‘Xibka kbira tiġi mitfugħa l-​baħar.’ Ix-​xibka l-​kbira tirrappreżenta l-​ippritkar tas-​Saltna li qed isir fil-​baħar tal-​umanità. Jiġi miġbur “ħut taʼ kull xorta.” L-​aħbar tajba tiġbed lil nies taʼ kull xorta—lil dawk li jieħdu passi biex isiru Kristjani veri kif ukoll ħafna oħrajn li forsi fil-​bidu juru xi ftit taʼ interess imma li ma jiħdux waqfa għall-​qima pura. * Jinġabru l-​ħut “it-​tajbin f’kannestri.” Uħud taʼ qalb onesta jinġabru f’kannestri, jew fil-​kongregazzjonijiet, fejn jistgħu jagħtu qima nadifa lil Ġeħova. Jintremew il-​ħut “il-​ħżiena.” Matul l-​aħħar jiem, Kristu u l-​anġli kienu u għadhom qed “jifirdu lin-​nies ħżiena min-​nies sewwa.” * Għalhekk, dawk li m’għandhomx kundizzjoni tajba tal-​qalb—li forsi mhumiex lesti li jitilqu twemmin jew prattiki foloz—ma tħallewx itebbgħu l-​kongregazzjonijiet. *

19. Kif tħossok dwar dak li qed jagħmel Kristu biex jipproteġi l-​indafa tan-​nies t’Alla?

19 Ma nserrħux moħħna ladarba nafu li s-​Sultan tagħna Ġesù Kristu qed jipproteġi lil dawk taħt il-​ħarsien tiegħu? U ma nitfarrġux meta nkunu nafu li qed inaddaf u jipproteġi l-​qima vera—u l-​aduraturi veri—bl-​istess żelu li kellu meta naddaf it-​tempju fl-​ewwel seklu EK? Kemm aħna grati li Kristu kien u għadu qed jipproteġi l-​indafa spiritwali tan-​nies t’Alla! Nistgħu nuru li nappoġġaw lis-​Sultan u s-​Saltna tiegħu billi nevitaw kull ħaġa li għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza.

^ par. 2 Il-​Lhud li kienu qed iżuru minn postijiet oħra kellhom iħallsu t-​taxxa annwali tat-​tempju b’ċerta munita lokali. Is-​sarrafa tal-​flus kienu jżommulhom il-​flus biex isarrfulhom il-​munita tagħhom f’muniti lokali. Minbarra dan, il-​viżitaturi setaʼ kellhom bżonn jixtru l-​annimali biex jissagrifikawhom. Ġesù sejjaħ lin-​negozjanti “ħallelin,” x’aktarx għax kienu jżommulhom prezzijiet m’ogħla s-​sema għall-​annimali jew għas-​servizzi tagħhom.

^ par. 4 In-​nies taʼ Ġeħova fuq l-​art jaqduh fil-​btieħi fuq l-​art tat-​tempju spiritwali kbir tiegħu.

^ par. 8 L-​artiklu nnota li l-​idea li Ġesù twieled fix-​xitwa “ma jaqbilx mal-​fatt li r-​rakkont jgħid li r-​ragħajja kienu barra mal-​imrieħel tagħhom.”—Lq. 2:8.

^ par. 10 Fl-​14 taʼ Novembru 1927, Ħuna Frederick W. Franz kiteb ittra personali u qal: “Din is-​sena mhux se niċċelebraw il-​Milied. Il-​familja Betel ivvotat biex ma nibqgħux niċċelebraw il-​Milied.” Ftit xhur wara, fis-​6 taʼ Frar 1928, Ħuna Franz kiteb hekk f’ittra: “Bil-​mod il-​mod, il-​Mulej qed inaddafna mill-​iżbalji tal-​organizzazzjoni Babiloniża tax-​Xitan.”

^ par. 18 Pereżempju, ikkunsidra li fl-​2013, kien hemm quċċata taʼ 7,965,954 pubblikatur, imma 19,241,252 attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu li ssir kull sena.

^ par. 18 Il-​frid tal-​ħut it-​tajbin minn dawk ħżiena mhuwiex l-​istess ħaġa bħall-​frid tan-​nagħaġ mill-​mogħoż. (Mt. 25:31-​46) Il-​frid, jew l-​iġġudikar finali, tan-​nagħaġ u l-​mogħoż iseħħ matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Sa dak iż-​żmien, dawk li huma bħal ħut ħżiena jistgħu jerġgħu lura għand Ġeħova u jinġabru fil-​kannestri, jew il-​kongregazzjonijiet.—Mal. 3:7.

^ par. 18 Eventwalment, il-​ħut il-​ħżiena b’mod simboliku se jinxteħtu fil-​forn tan-​nar, jiġifieri se jinqerdu.