Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 7

Metodi taʼ ppritkar—Jintuża kull mezz biex jintlaħqu n-nies

Metodi taʼ ppritkar—Jintuża kull mezz biex jintlaħqu n-nies

KAPITLU DWAR

Kif in-​nies t’Alla jużaw diversi metodi taʼ ppritkar ħalli jilħqu kemm jistaʼ jkun nies

1, 2. (a) Ġesù x’għamel ħalli jitkellem maʼ udjenza kbira? (b) Id-​dixxipli leali taʼ Kristu kif segwew l-​eżempju tiegħu, u għala?

IL-​FOLOL jinġabru madwar Ġesù f’xatt l-​għadira, imma hu jitlaʼ fuq dgħajsa u jiġbed ftit ’il barra. Għala? Hu jaf li leħnu jwassal iktar minn fuq wiċċ il-​baħar, u b’hekk l-​udjenza kbira se tkun tistaʼ tismaʼ l-​messaġġ tiegħu iktar ċar.—Aqra Marku 4:1, 2.

2 Fl-​għaxriet taʼ snin taʼ qabel u wara t-​twelid tas-​Saltna, id-​dixxipli leali taʼ Kristu segwew l-​eżempju tiegħu u użaw metodi oriġinali biex ixandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil ħafna nies. Taħt il-​gwida tas-​Sultan, in-​nies t’Alla komplew idaħħlu ideat ġodda u jaddattaw ruħhom hekk kif iċ-​ċirkustanzi tbiddlu u t-​teknoloġija avvanzat. Irridu nilħqu lil kemm jistaʼ jkun nies qabel jasal it-​tmiem. (Mt. 24:14) Ikkunsidra ftit mill-​metodi li użajna biex nilħqu n-​nies, jgħixu fejn jgħixu. Aħseb ukoll, kif tistaʼ timita l-​fidi taʼ dawk li xandru l-​aħbar tajba fiż-​żminijiet tal-​bidu.

Jintlaħqu ħafna nies

3. L-​għedewwa tal-​verità għala ħassewhom frustrati bl-​użu li għamilna mill-​gazzetti?

3 Il-​gazzetti. Ħuna Russell u l-​imseħbin tiegħu kienu ilhom jippubblikaw It-​Torri tal-​Għassa mill-​1879 ħalli jwasslu l-​messaġġ tas-​Saltna lil ħafna nies. Imma fl-​għaxar snin taʼ qabel l-​1914, Kristu donnu mexxa l-​affarijiet ħalli l-​aħbar tajba tilħaq aktar nies. Dan kollu beda fl-​1903. F’din is-​sena, Dr. E. L. Eaton, kelliemi għal grupp taʼ ministri Protestanti f’Pennsylvania, stieden lil Charles Taze Russell għal serje taʼ dibattiti fuq id-​duttrina tal-​Bibbja. F’ittra lil Russell, Eaton kiteb: “Ħsibt li jekk nagħmlu dibattitu pubbliku dwar xi affarijiet li ma naqblux fuqhom . . . dan se jkun taʼ interess kbir għall-​pubbliku.” Russell u l-​imseħbin tiegħu wkoll ħasbu li l-​pubbliku se jkun interessat, allura rranġaw biex id-​dibattiti jiġu ppubblikati f’gazzetta li tinbiegħ ħafna. (The Pittsburgh Gazette) L-​artikli fil-​gazzetta saru tant imfittxija u l-​ispjegazzjoni ċara taʼ Russell dwar il-​verità tal-​Bibbja kienet tant interessanti li l-​gazzetta offriet li tippubblika  t-​taħditiet taʼ Russell kull ġimgħa. Dan l-​iżvilupp żgur ġiegħel l-​għedewwa tal-​verità jħossuhom frustrati!

Sal-​1914, iktar minn 2,000 gazzetta kienu qed jippubblikaw il-​prietki taʼ Russell

4, 5. Russell xi kwalità wera, u dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà kif jistgħu jimitawh?

4 Ħafna gazzetti oħra malajr bdew juru interess f’li jippubblikaw it-​taħditiet taʼ Russell. Sal-​1908, It-​Torri tal-​Għassa setaʼ jirrapporta li t-​taħditiet kienu ġew ippubblikati fi “11-​il gazzetta b’mod regolari.” Però, aħwa midħla tax-​xogħol tal-​gazzetti, lil Rusell tawh il-​parir li jekk imexxi l-​uffiċini tas-​Soċjetà minn Pittsburgh għal belt li kienet magħrufa iktar, kien se jkun hemm iktar gazzetti li jippubblikaw l-​artikli bbażati fuq il-​Bibbja. Wara li ħaseb sew fuq dan il-​parir u qies fatturi oħra, Russell mexxa l-​uffiċini għal Brooklyn, New York, fl-​1909. X’kien ir-​riżultat? Ftit xhur biss wara li mxew, xi 400 gazzetta kienu qed jippubblikaw it-​taħditiet, u baqgħu jiżdiedu iktar gazzetti. Sakemm ġiet stabbilita s-​Saltna fl-​1914, iktar minn 2,000 gazzetta b’erbaʼ lingwi differenti kienu qed jippubblikaw it-​taħditiet u l-​artikli taʼ Russell!

5 Dan l-​iżvilupp liema lezzjoni importanti jagħtina? Dawk li għandhom xi awtorità fl-​organizzazzjoni t’Alla llum jagħmlu tajjeb li jimitaw l-​umiltà taʼ Russell. B’liema mod? Meta tieħu deċiżjonijiet importanti, ikkunsidra l-​pariri t’oħrajn.—Aqra Proverbji 15:22.

6. Il-​veritajiet ippubblikati f’artikli tal-​gazzetta kif effettwaw lil Ora Hetzel?

6 Il-​veritajiet tas-​Saltna ppubblikati f’dawk il-​gazzetti biddlu ħajjet in-​nies. (Ebr. 4:12) Pereżempju, Ora Hetzel, li tgħammdet fl-​1917, kienet waħda mill-​ħafna li tgħallmet il-​verità permezz t’artikli bħal dawn. Ora tispjega: “Wara li żżewwiġt, mort inżur lil ommi f’Rochester, Minnesota. Meta wasalt, sibtha tqasqas artikli mill-​gazzetta. Kienu taħditiet minn Russell. Ommi spjegat l-​affarijiet li tgħallmet minnhom.” Ora aċċettat il-​veritajiet li tgħallmet u għal xi 60 sena kienet proklamatriċi leali tas-​Saltna t’Alla.

7. Dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija, għala reġgħu ħasbuha dwar li jużaw il-​gazzetti?

7 Fl-​1916, ġraw żewġ affarijiet li qanqlu lil dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija biex jerġgħu jaħsbuha dwar li jużaw il-​gazzetti biex ixerrdu l-​aħbar tajba. L-​ewwel, il-​Gwerra l-​Kbira li kienet fl-​aqwa tagħha f’dak iż-​żmien għamlitha diffiċli biex jinkisbu l-​provvisti għall-​istampar. Fl-​1916, rapport mid-​dipartiment tagħna tal-​gazzetti fil-​Britannja tkellem dwar din l-​isfida meta qal: “Bħalissa hemm ftit iktar minn 30 gazzetta li qed jippubblikaw il-​prietki. Wisq probabbli dan in-​numru se jonqos bil-​kbir minn hawn u ftit żmien ieħor għax il-​prezz tal-​karta dejjem qed jogħla.” It-​tieni ġrajja kienet il-​mewt taʼ Ħuna Russell fil-​31 t’Ottubru 1916. Għalhekk, It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Diċembru 1916, ħabbar: “Issa li Ħuna Russell miet, mhux se nkomplu nippubblikaw prietki [fil-​gazzetti].” Għalkemm dan il-​metodu  taʼ ppritkar spiċċa, metodi oħra, bħal pereżempju l-​“Photo-​Drama of Creation,” baqaʼ jkollhom ħafna suċċess.

8. X’kien involut biex l-​aħwa jagħmlu l-​“Photo-​Drama of Creation”?

8 Il-​preżentazzjonijiet bl-​istampi. Russell u l-​imseħbin tiegħu ħadmu għal xi tliet snin biex jagħmlu l-​preżentazzjoni “Photo-​Drama of Creation,” li ħarġet fl-​1914. (Prov. 21:5) Din il-​preżentazzjoni, li kienet magħrufa bħala The Drama, kienet taħlita kreattiva taʼ filmati, rekordings bis-​sawnd, u slajds kuluriti tal-​ħġieġ. Mijiet taʼ nies ġew iffilmjati hekk kif ħadu sehem f’li jirreċtaw xeni Bibliċi, u saħansitra kienu involuti l-​annimali. Rapport mill-​1913 qal li ‘l-​maġġuranza tal-​annimali f’żu nġiebu biex jiġu ffilmjati għax-​xena taʼ Noè.’ Inkwantu għall-​mijiet taʼ slajds tal-​ħġieġ differenti li ntużaw fil-​preżentazzjoni, artisti f’Londra, New York, Pariġi, u Philadelphia pittru kull slajd.

9. L-​aħwa għala qattgħu tant ħin u nefqu tant flus biex jagħmlu l-​“Photo-​Drama”?

 9 L-​aħwa għala qattgħu tant ħin u nefqu tant flus biex jagħmlu l-​“Photo-​Drama”? Riżoluzzjoni li ntgħamlet fis-​serje taʼ konvenzjonijiet fl-​1913, tispjega: “Il-​gazzetti Amerikani kellhom suċċess straordinarju f’li jsawru l-​opinjoni tan-​nies inġenerali permezz taʼ kartuns u stampi fis-​sezzjonijiet tagħhom tal-​aħbarijiet u tar-​rivisti. Ukoll, il-​films saru popolari ferm man-​nies. Għalhekk, jidher li l-​films u l-​istampi huma taʼ valur. Dan kollu jagħtina raġuni tajba, peress li aħna predikaturi u għalliema tal-​Bibbja li nibqgħu aġġornati, biex nużaw bis-​sħiħ il-​films u s-​slajds fix-​xogħol tal-​evanġelizzar u fit-​tagħlim.”

Fuq: Kamra minn fejn kienu juru l-“Photo-Drama”; taħt: Slajds tal-ħġieġ tal-“Photo-Drama”

10. F’kemm-​il post u f’kemm-​il lingwa ntweriet il-​“Photo-​Drama”?

10 Matul l-​1914, il-​preżentazzjoni “Photo-​Drama” ntweriet fi 80 belt kuljum. Rawha kważi tmien miljun persuna fl-​Istati Uniti u fil-​Kanada. F’dik l-​istess sena, il-​preżentazzjoni “Photo-​Drama” ntweriet fl-​Awstralja, il-​Britannja, id-​Danimarka, il-​Finlandja, il-​Ġermanja, l-​Iżvezja, l-​Iżvizzera, in-​Norveġja, u n-​New Zealand. Saret verżjoni simplifikata tal-​preżentazzjoni, waħda li ma kellhiex filmati fiha, biex tintuża fi bliet iżgħar. Dik il-​verżjoni—il-​“Eureka Drama”—kienet irħas biex l-​aħwa jagħmluha u eħfef biex iġorruha minn post għal ieħor. Sal-​1916, jew il-​“Photo-​Drama” jew il-​“Eureka Drama” kienet ġiet tradotta bl-​Armen, id-​Daniż-​Norveġiż, il-​Franċiż, il-​Ġermaniż, il-​Grieg, l-​Ispanjol, l-​Iżvediż, il-​Pollakk, u t-​Taljan.

Matul l-​1914, il-​“Photo-​Drama” kienet tintwera fi swali mimlijin daqs bajda

11, 12. X’impatt ħalliet il-​“Photo-​Drama” fuq raġel żagħżugħ, u x’eżempju ħallielna?

11 It-​traduzzjoni bil-​Franċiż tal-​“Photo-​Drama” kellha impatt qawwi fuq Charles Rohner, li kellu 18-​il sena. Charles jgħid: “Intweriet fil-​belt fejn kont ngħix—f’Colmar, Alsace, Franza. Mill-​bidu nett, kont impressjonat bil-​preżentazzjoni ċara tal-​verità Biblika.”

12 Minħabba f’hekk, Charles tgħammed u fl-​1922 daħal fis-​servizz fultajm. Wieħed mill-​ewwel inkarigi li ngħata kien li juri l-​“Photo-​Drama” lil udjenzi fi Franza. Charles jgħid hekk dwar ix-​xogħol li kellu jagħmel: “Ġejt inkarigat b’diversi affarijiet—li ndoqq il-​vjolin, li nkun il-​qaddej tal-​kontijiet, u li nkun il-​qaddej tal-​letteratura. Ukoll, kont mitlub insikket lill-​udjenza qabel ma tibda l-​preżentazzjoni. Matul il-​brejk, konna noffru l-​letteratura. Konna ninkarigaw lil kull ħu jew oħt b’sezzjoni tas-​sala. Kull wieħed minnhom kellu idu mimlija letteratura u kien imur fuq kull persuna fis-​sezzjoni tiegħu. Minbarra dan, fid-​daħla tas-​sala kellna mwejjed mimlijin letteratura.” Fl-​1925, Charles ġie mistieden jaqdi fil-​Betel taʼ Brooklyn, New York. Hemmhekk beda jaqdi bħala s-​surmast tal-​orkestra tal-​istazzjon tar-​radju li l-​organizzazzjoni kienet bdiet, id-​WBBR. Wara li nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Ħuna Rohner,  nistgħu nsaqsu lilna nfusna, ‘Jien lest li naċċetta kwalunkwe inkarigu li ningħata biex ngħin fix-​xandir tal-​messaġġ tas-​Saltna?’—Aqra Isaija 6:8.

13, 14. Ir-​radju kif intuża biex tinxtered l-​aħbar tajba? (Ara wkoll il-​kaxxi “ Programmi fuq id-​WBBR” u “ Konvenzjoni storika.”)

13 Ir-​radju. Wara l-​1920, ix-​xogħol bil-​“Photo-​Drama” beda jbatti, imma r-​radju beda juri li kien mezz tajjeb biex tinxtered l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna. Fis-​16 t’April 1922, taħdita minn Ħuna Rutherford ġiet imxandra għall-​ewwel darba fuq ir-​radju mill-​Metropolitan Opera House f’Philadelphia, Pennsylvania. Xi 50,000 persuna semgħu t-​taħdita “Miljuni li qegħdin jgħixu issa ma se jmutu qatt.” Imbagħad, fl-​1923, kien hemm l-​ewwel xandira taʼ sessjoni taʼ konvenzjoni. Minbarra li użaw stazzjonijiet kummerċjali, dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija ddeċidew li jkun għaqli jekk jinbena stazzjon tal-​organizzazzjoni stess. Dan inbena fi Staten Island, New York, u ġie reġistrat bħala d-​WBBR. L-​ewwel xandira saret fl-​24 taʼ Frar 1924.

Fl-​1922, permezz tar-​radju, xi 50,000 persuna semgħu t-​taħdita “Miljuni li qegħdin jgħixu issa ma se jmutu qatt”

14 It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1924 spjega l-​iskop tad-​WBBR u qal: “Aħna nemmnu li r-​radju hu l-​aktar mezz ekonomiku u effettiv li qatt użajna biex naqsmu l-​messaġġ tal-​verità.” Imbagħad żied jgħid: “Jekk il-​Mulej jidhirlu li hu xieraq li jinbnew iktar stazzjonijiet tar-​radju ħalli jinxtered il-​messaġġ tal-​verità, hu se jsib mod biex jipprovdi l-​flus.” (Salm 127:1) Sal-​1926, in-​nies taʼ Ġeħova kellhom sitt stazzjonijiet tar-​radju. Tnejn minnhom kienu fl-​Istati Uniti—id-​WBBR fi New York u l-​WORD ħdejn Chicago. L-​erbgħa l-​oħra kienu fil-​Kanada—f’Alberta, British Columbia, Ontario, u Saskatchewan.

15, 16. (a) Il-​kleru fil-​Kanada kif irreaġixxa għax-​xandir tagħna fuq ir-​radju? (b) It-​taħditiet permezz tar-​radju u x-​xogħol minn dar għal dar, kif ħadmu id f’id?

15 Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu nnota dan ix-​xandir kbir tal-​verità tal-​Bibbja. Albert Hoffman, li kien midħla tax-​xogħol li kien isir fl-​istazzjon tar-​radju f’Saskatchewan, il-​Kanada, qal: “Iktar u iktar nies saru familjari mal-​Istudenti tal-​Bibbja [kif kienu msejħin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova f’dak iż-​żmien]. Ingħatat xhieda mill-​isbaħ sal-​1928, imma mbagħad il-​kleru għamel pressjoni fuq l-​uffiċjali u dawn ħadu l-​liċenzji tal-​istazzjonijiet kollha fil-​Kanada li kienu tal-​Istudenti tal-​Bibbja.”

16 Minkejja l-​fatt li għalqulna l-​istazzjonijiet tar-​radju fil-​Kanada, taħditiet Bibliċi xorta baqgħu jixxandru fuq stazzjonijiet kummerċjali. (Mt. 10:23) Biex dawn il-​programmi jkunu iktar effettivi, It-​Torri tal-​Għassa u The Golden Age (issa Stenbaħ!) kien fihom lista tal-​istazzjonijiet kummerċjali li kienu jxandru veritajiet Bibliċi. B’hekk, il-​pubblikaturi li kienu qed imorru minn dar għal dar setgħu jħeġġu lin-​nies biex jisimgħu t-​taħditiet fuq l-​istazzjonijiet lokali tagħhom. Dan x’effett kellu? Il-​Bulletin  taʼ Jannar 1931 jgħid: “Ix-​xogħol tar-​radju ta spinta lill-​ippritkar tal-​aħwa minn dar għal dar. Fl-​uffiċċju rċivejna ħafna rapporti li qalulna li n-​nies kienu qed jisimgħu t-​taħditiet li ta Ħuna Rutherford, u għalhekk kienu ħerqanin li jaċċettaw il-​kotba li ġew offruti.” Il-​Bulletin iddeskriva x-​xandir permezz tar-​radju u x-​xogħol minn dar għal dar bħala l-​aqwa żewġ metodi taʼ ppritkar tal-​organizzazzjoni tal-​Mulej.

17, 18. Għalkemm iċ-​ċirkustanzi nbidlu, ir-​radju kif baqaʼ jkollu rwol importanti?

17 Wara l-​1930, żdiedet l-​oppożizzjoni kontra l-​użu tagħna taʼ stazzjonijiet kummerċjali tar-​radju. Għalhekk, lejn l-​aħħar tal-​1937, in-​nies taʼ Ġeħova addattaw għaċ-​ċirkustanzi li kienu qed jinbidlu. Ma baqgħux jużaw ir-​radju daqstant, u minflok iffokaw saħansitra iktar fuq il-​ministeru minn dar għal dar. * Xorta waħda, ir-​radju baqaʼ jkollu rwol importanti f’li jixxandar il-​messaġġ tas-​Saltna f’postijiet tad-​dinja li kienu diffiċli biex jintlaħqu minħabba d-​distanzi involuti jew minħabba l-​politika. Pereżempju, mill-​1951 sal-​1991, stazzjon f’Berlin tal-​Punent, il-​Ġermanja, b’mod regolari xandar taħditiet Bibliċi biex dawk li kienu qed jgħixu f’dak li kien il-​Ġermanja tal-​Lvant setgħu jisimgħu l-​messaġġ dwar is-​Saltna. B’seħħ mill-​1961, u għal iktar minn 30 sena wara, stazzjon tar-​radju nazzjonali fis-​Surinam, l-​Amerika t’Isfel, kull ġimgħa xandar programm taʼ 15-​il minuta dwar veritajiet Bibliċi. Mill-​1969 sal-​1977, l-​organizzazzjoni rrekordjat iktar minn 350 programm tar-​radju fis-​serje “L-​Iskrittura kollha tiswa.” Fl-​Istati Uniti, 291 stazzjon tar-​radju, fi 48 stat, xandru l-​programmi. Fl-​1996, stazzjon tar-​radju f’Apia, il-​belt kapitali taʼ Samoa, fil-​Paċifiku tan-​Nofsinhar, xandar programm kull ġimgħa bit-​titlu “Tweġibiet għall-​mistoqsijiet li għandek dwar il-​Bibbja.”

18 Hekk kif qrobna lejn it-​tmiem tas-​seklu 20, ir-​radju ma baqax ikollu rwol primarju f’li tixxandar l-​aħbar tajba. Però, ħarġet teknoloġija oħra li għamlitha possibbli li tintlaħaq udjenza akbar minn qatt qabel.

19, 20. In-​nies taʼ Ġeħova għala għamlu l-​Websajt jw.org, u kemm hi effettiva? (Ara wkoll il-​kaxxa “ JW.ORG.”)

19 L-​Internet. B’seħħ mill-​2013, iktar minn 2.7 biljun persuna, kważi 40 fil-​mija tal-​popolazzjoni tad-​dinja, kellhom aċċess għall-​Internet. Skont xi kalkoli, xi żewġ biljuni għandhom aċċess għall-​Internet minn fuq il-​mowbajls u t-​tablets. Dan in-​numru qed jiżdied madwar id-​dinja kollha, imma l-​akbar żieda fl-​aċċess tal-​Internet minn fuq il-​mowbajl bħalissa qiegħda fl-​Afrika, fejn hemm iktar minn 90 miljun persuna li għandhom dan l-​aċċess. Dawn l-​iżviluppi bidlu bil-​kbir il-​mod kif ħafna nies jirċievu l-​informazzjoni.

 20 B’seħħ mill-​1997, in-​nies taʼ Ġeħova bdew jużaw dan il-​mezz taʼ komunikazzjoni li jilħaq lil tant nies. Fl-​2013, il-​Websajt jw.org saret disponibbli b’madwar 300 lingwa, u informazzjoni bbażata fuq il-​Bibbja saret disponibbli biex titniżżel b’iktar minn 520 lingwa. Kuljum, xi 750,000 individwu differenti jidħlu fis-​sit. Kull xahar, minbarra li jaraw il-​vidjows, in-​nies iniżżlu iktar minn 3 miljun ktieb, 4 miljun rivista, u 22 miljun silta bl-​awdjo.

21. X’tgħallimt mill-​esperjenza taʼ Sina?

21 Il-​Websajt saret metodu effettiv ħafna biex titqassam l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, anke f’pajjiżi fejn hu diffiċli biex tipprietka minħabba restrizzjonijiet tal-​gvern. Pereżempju, kmieni fl-​2013, raġel jismu Sina sab il-​Websajt jw.org u ċempel il-​kwartieri ġenerali, li tinsab fl-​Istati Uniti, u saqsa għal iktar informazzjoni dwar il-​Bibbja. Din it-​telefonata għala kienet speċjali? Sina trabba bħala Musulman u jgħix f’raħal iżolat f’pajjiż fejn hemm ħafna restrizzjonijiet fuq l-​ippritkar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minħabba din it-​telefonata, saru arranġamenti biex darbtejn fil-​ġimgħa Sina jistudja l-​Bibbja maʼ Xhud fl-​Istati Uniti. L-​istudju jsir minn fuq l-​Internet.

Ngħallmu lil individwi

22, 23. (a) Il-​metodi li użajna biex nilħqu lil ħafna nies, ħadu post il-​ministeru minn dar għal dar? (b) Is-​Sultan kif bierek l-​isforzi tagħna?

22 L-​ebda metodu milli użajna biex nilħqu lil ħafna nies, bħall-​gazzetti, il-​“Photo-​Drama,” il-​programmi tar-​radju, u l-​Websajt, ma sar bl-​iskop li jieħu post il-​ministeru minn dar għal dar. Għala le? Għax in-​nies taʼ Ġeħova tgħallmu  mill-​eżempju li ħalla Ġesù. Hu għamel iktar milli sempliċement għallem lil folol kbar; hu ffoka fuq li jgħin lil individwi. (Lq. 19:1-​5) Ukoll, Ġesù ħarreġ lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-​istess u tahom messaġġ xi jwasslu. (Aqra Luqa 10:1, 8-​11.) Bħalma ġie diskuss f’Kapitlu 6, dawk li qed jieħdu t-​tmexxija minn dejjem ħeġġew lil kull qaddej taʼ Ġeħova biex jitkellem man-​nies wiċċ imb wiċċ.—Atti 5:42; 20:20.

23 Mitt sena wara t-​twelid tas-​Saltna, iktar minn 7.9 miljun pubblikatur għandhom sehem attiv f’li jgħallmu lil oħrajn dwar l-​iskopijiet t’Alla. Bla ebda dubju, is-​Sultan bierek il-​metodi li użajna biex nirreklamaw is-​Saltna. Bħalma se juru l-​kapitli li ġejjin, ukoll ipprovdielna l-​għodod li neħtieġu biex naqsmu l-​aħbar tajba maʼ kull ġens, tribù, u lsien.—Riv. 14:6.

^ par. 17 Fl-​1957, dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija ddeċidew li jagħlqu d-​WBBR fi New York, l-​aħħar stazzjon tar-​radju li kellna.