Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 17

Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna

Jitħarrġu l-predikaturi tas-Saltna

KAPITLU DWAR

Kif l-​iskejjel teokratiċi ħejjew lill-​predikaturi tas-​Saltna biex iwettqu l-​inkarigi tagħhom

1-3. (a) Ġesù kif kabbar ix-​xogħol tal-​ippritkar? (b) Liema mistoqsijiet iqumu?

GĦAL sentejn sħaħ, Ġesù pprietka fil-​Galilija. (Aqra Mattew 9:35-​38.) Żar ħafna bliet u rħula, u għallem fis-​sinagogi u pprietka dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Kull fejn ipprietka, inġabret folla kbira biex tisimgħu. Ġesù ra li “l-​ħsad hu kbir” u li kien hemm bżonn taʼ iktar ħaddiema.

2 Ġesù rranġa biex ikabbar ix-​xogħol tal-​ippritkar. Kif? Billi bagħat lit-​12-​il appostlu tiegħu “jippridkaw is-​saltna t’Alla.” (Lq. 9:1, 2) L-​appostli setaʼ kellhom mistoqsijiet dwar kif iwettqu dan ix-​xogħol. Qabel ma bagħathom jippritkaw, Ġesù bi mħabba tahom xi ħaġa li kien tah Missieru tas-​sema—tahom it-​taħriġ.

3 Issa jqumu għadd taʼ mistoqsijiet: Ġesù x’taħriġ irċieva minn Missieru? Ġesù x’taħriġ ta lill-​appostli tiegħu? U xi ngħidu għal-​lum—is-​Sultan Messjaniku ħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom? Jekk iva, kif?

“Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier”

4. Ġesù meta ġie mgħallem minn Missieru, u fejn?

4 Ġesù qal ċar u tond li kien ġie mgħallem minn Missieru. Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù qal: “Dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.” (Ġw. 8:28) Ġesù meta ġie mgħallem, u fejn? Milli jidher, it-​taħriġ tiegħu beda wara li ġie maħluq bħala l-​ewwel Iben imwieled t’Alla. (Kol. 1:15) Maġenb Missieru fis-​smewwiet, l-​Iben qattaʼ snin bla għadd jismaʼ u josserva lill-​“Istruttur Grandjuż.” (Is. 30:20) Minħabba f’hekk, l-​Iben irċieva edukazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha fil-​kwalitajiet, l-​għemejjel, u l-​iskopijiet taʼ Missieru.

5. Il-​Missier liema istruzzjonijiet ta lill-​Iben dwar il-​ministeru li kellu jwettaq fuq l-​art?

5 Fiż-​żmien xieraq, Ġeħova għallem lil Ibnu dwar il-​ministeru li kien se jwettaq fuq l-​art. Ikkunsidra profezija li tiddeskrivi r-​relazzjoni bejn l-​Istruttur Grandjuż u l-​ewwel Iben imwieled tiegħu. (Aqra Isaija 50:4, 5.) Ġeħova kien iqajjem lil Ibnu “kull fil-​għodu,” tgħid il-​profezija. Dan il-​kliem jagħtina stampa t’għalliem li jqajjem lill-​istudent tiegħu kmieni filgħodu sabiex jgħallmu. Xogħol taʼ referenza  fuq il-​Bibbja jgħid: “Ġeħova . . . bħallikieku jieħdu fi skola bħala student, u jgħallmu x’għandu jipprietka u kif.” F’din “l-​iskola” tas-​sema, Ġeħova għallem lil Ibnu ‘x’għandu jgħid u x’għandu jitkellem.’ (Ġw. 12:49) Ukoll, il-​Missier ta lil Ibnu istruzzjonijiet dwar kif għandu jgħallem. * Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù uża t-​taħriġ li kien irċieva b’mod tajjeb. Dan m’għamlux biss billi wettaq il-​ministeru tiegħu imma wkoll billi ħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom.

6, 7. (a) Ġesù liema taħriġ ta lill-​appostli, u x’armahom biex jagħmlu? (b) Ġesù liema taħriġ ta lis-​segwaċi tiegħu fi żmienna?

6 Fil-​bidu għedna li Ġesù ħarreġ lill-​appostli tiegħu. Liema taħriġ tahom? Skont Mattew kapitlu 10, tahom istruzzjonijiet speċifiċi għall-​ministeru tal-​għalqa, inkluż dan li ġej: fejn kellhom jippritkaw (versi 5, 6), x’messaġġ kellhom ixandru (vers 7), il-​bżonn li jafdaw f’Ġeħova (versi 9, 10), kif kellhom javviċinaw lill-​inkwilin (versi 11-​13), x’għandhom jagħmlu meta xi ħadd ma jagħtihomx widen (versi 14, 15), u kif għandhom jirreaġixxu meta jiġu ppersegwitati (versi 16-​23). * It-​taħriġ ċar li Ġesù ta lill-​appostli tiegħu armahom biex ikunu minn taʼ quddiem fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba fl-​ewwel seklu EK.

7 Xi ngħidu dwar żmienna? Ġesù, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, ta lis-​segwaċi tiegħu l-​iktar inkarigu importanti, jiġifieri, li jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna . . . fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha.” (Mt. 24:14) Ħarriġna s-​Sultan biex inwettqu dan ix-​xogħol tant importanti? U kif! Mis-​sema, is-​Sultan għamel ċert li s-​segwaċi tiegħu rċivew taħriġ dwar kif jippritkaw barra mill-​kongregazzjoni u kif iwettqu responsabbiltajiet speċjali fil-​kongregazzjoni.

Jitħarrġu biex jippritkaw

8, 9. (a) X’kien l-​iskop ewlieni tal-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku? (b) Il-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa kif għenitek tkun iktar effettiv fil-​ministeru tiegħek?

8 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova ilha tuża l-​assembleat, il-​konvenzjonijiet, u l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni—bħal pereżempju, il-​Laqgħa tas-​Servizz—biex tħarreġ lin-​nies t’Alla għall-​ministeru. Iżda, mis-​snin 40, l-​aħwa li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kwartieri ġenerali bdew jirranġaw biex jingħata taħriġ permezz taʼ diversi skejjel.

9 L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Kif rajna fil-​kapitlu taʼ qabel, din l-​iskola bdiet issir fl-​1943. Kienet il-​mira taʼ din l-​iskola sempliċement li tħarreġ lill-​istudenti biex jagħtu taħditiet effettivi fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Le. L-​iskop ewlieni taʼ din l-​iskola kien li jħarreġ lin-nies t’Alla biex jużaw l-għotja tagħhom tad-diskors biex ifaħħru lil Ġeħova fil-ministeru. (Salm 150:6) Din l-​iskola armat lill-aħwa kollha li kienu miktubin fiha biex ikunu predikaturi effettivi tas-Saltna. Issa taħriġ bħal dan qed jingħata permezz tal-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa.

10, 11. Issa min jistaʼ jattendi l-​Iskola taʼ Gilegħad, u x’inhi l-​mira taʼ dan il-​kors?

 10 L-​Iskola taʼ Gilegħad. Nhar it-​Tnejn, 1 taʼ Frar 1943 bdiet dik li issa nafuha bħala l-​Iskola taʼ Gilegħad. L-​iskola oriġinalment ġiet imħejjija biex tħarreġ lill-​pijunieri u qaddejja oħra fis-​servizz fultajm ħalli jintbagħtu f’pajjiżi differenti bħala missjunarji li jaqdu fil-​ministeru. Imma minn Ottubru 2011 ’il hawn, jistgħu jattendu biss dawk li diġà qed jaqdu f’xi tip taʼ servizz speċjali fultajm—pijunieri speċjali, indokraturi li jivvjaġġaw u n-​nisa tagħhom, Beteliti, u missjunarji inkarigati biex jippritkaw li għadhom m’attendewx l-​iskola.

11 X’inhi l-​mira tal-​kors fl-​Iskola taʼ Gilegħad? Istruttur li ilu jgħallem f’Gilegħad jagħtina t-​tweġiba: “Il-​kors isir biex tissaħħaħ il-​fidi tal-​istudenti permezz taʼ studju bir-​reqqa tal-​Kelma t’Alla. Isir ukoll biex l-​istudenti jiġu megħjunin irawmu l-​kwalitajiet spiritwali meħtieġa biex b’suċċess jittrattaw mal-​isfidi tal-​inkarigi tagħhom. Minbarra dan, mira fundamentali tal-​kors hi li tnissel fl-​istudenti xewqa iktar b’saħħitha biex jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​evanġelizzar.”—Efes. 4:11.

12, 13. X’effett kellha l-​Iskola taʼ Gilegħad fuq l-​ippritkar madwar id-​dinja? Agħti eżempju.

12 X’effett kellha l-​Iskola taʼ Gilegħad fuq l-​ippritkar madwar id-​dinja? Mill-​1943, iktar minn 8,500 individwu tħarrġu fl-​iskola, * u missjunarji li tħarrġu f’Gilegħad qdew f’iktar minn 170 pajjiż madwar id-​dinja. Il-​missjunarji jużaw sew it-​taħriġ li ngħataw billi jkunu t’eżempju żeluż fil-​ministeru u billi jħarrġu lil oħrajn biex jagħmlu l-​istess. Ħafna drabi, il-​missjunarji taw spinta lix-​xogħol fi nħawi fejn ftit li xejn kien hemm pubblikaturi tas-​Saltna, jew saħansitra xejn affattu.

13 Ikkunsidra dak li ġara fil-​Ġappun, fejn l-​għoti taʼ xhieda lill-​pubbliku kien kważi spiċċa għalkollox matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Sa Awwissu tal-​1949, kien hemm inqas minn 10 pubblikaturi lokali fil-​Ġappun. Madanakollu, sal-​aħħar taʼ dik is-​sena, 13-​il missjunarju mħarrġin f’Gilegħad kienu beżlin jippritkaw fil-​Ġappun. Warajhom ġew ħafna iktar missjunarji. Għall-​ewwel, il-​missjunarji ffokaw fuq li jippritkaw fi bliet kbar; iktar tard, marru jippritkaw fi bliet oħra. Il-​missjunarji b’qalbhom kollha inkuraġġew lill-​istudenti tagħhom u oħrajn biex jibdew jaqdu bħala pijunieri. L-​isforz żeluż tal-​missjunarji ħalla l-​frott. Issa hemm iktar minn 216,000 proklamatur tas-​Saltna fil-​Ġappun, u kważi 40 fil-​mija minnhom jaqdu bħala pijunieri! *

14. L-​iskejjel teokratiċi x’juru biċ-​ċar? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Skejjel li jħarrġu lill-​predikaturi tas-​Saltna,” paġna 188.)

14 Skejjel teokratiċi oħra. L-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani, u l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin għenu lil dawk li attendewhom biex ikabbru l-​ispiritwalità tagħhom u biex  b’mod żeluż ikunu minn taʼ quddiem fl-​ippritkar. * Dawn l-​iskejjel teokratiċi kollha juruna biċ-​ċar li s-​Sultan tagħna rama bl-​aħjar mod lis-​segwaċi tiegħu biex iwettqu l-​ministeru tagħhom.—2 Tim. 4:5.

Jitħarrġu l-​aħwa rġiel biex jieħdu ħsieb responsabbiltajiet speċjali

15. Irġiel li għandhom responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, b’liema mod iridu jimitaw lil Ġesù?

15 Ftakar fil-​profezija t’Isaija li tgħid li Ġesù ġie mgħallem minn Alla. F’dik “l-​iskola” fis-​sema, l-​Iben tgħallem ‘kif iwieġeb lill-​għajjien b’kelma.’ (Is. 50:4) Waqt li kien fuq l-​art, Ġesù applika dak li tgħallem billi kien taʼ serħan għal dawk li kienu “mħabbtin u mgħobbijin.” (Mt. 11:28-​30) Irġiel li għandhom responsabbiltà fil-​kongregazzjoni jridu jimitaw lil Ġesù u jkunu sors taʼ serħan għal ħuthom irġiel u nisa. Għal dan il-​għan, twaqqfu diversi skejjel biex jgħinu lill-​aħwa kwalifikati jkunu iktar effettivi f’li jassistu lil sħabhom fit-​twemmin.

16, 17. X’inhu l-​iskop tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna? (Ara wkoll in-​nota addizzjonali.)

16 L-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. L-​ewwel klassi taʼ din l-​iskola bdiet fid-​9 taʼ Marzu 1959 f’South Lansing,  New York. Indokraturi li jivvjaġġaw u qaddejja tal-​kongregazzjoni (issa magħrufin bħala koordinaturi tal-​ġemgħa tal-​anzjani) kienu mistidnin jattendu kors li jdum xahar. Iktar tard, il-​kors ġie tradott mill-​Ingliż għal lingwi oħra, u l-​iskola bil-​mod il-​mod bdiet tħarreġ lil aħwa rġiel madwar id-​dinja. *

Ħuna Lloyd Barry jgħallem fl-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna fil-Ġappun, 1970

17 Rigward l-​iskop tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, in-​1962 Yearbook of Jehovah’s Witnesses qal: “F’din id-​dinja fejn il-​ħajja hi tant mgħaġġla, indokratur fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jrid ikun raġel li kapaċi jorganizza ħajtu ħalli jkun jistaʼ jagħti l-​attenzjoni xierqa lil kull membru tal-​kongregazzjoni u ħalli jkun taʼ barka għalihom. Fl-​istess waqt, ma jistax ikun raġel li jinjora lil familtu stess biex jiffoka fuq il-​kongregazzjoni, imma jrid ikun moħħu f’loku. X’opportunità mill-​aħjar ingħatat lill-​qaddejja tal-​kongregazzjoni fid-​dinja kollha biex jattendu l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna għat-​taħriġ li jgħinhom jagħmlu eżatt dak li l-​Bibbja tgħid li indokratur għandu jagħmel!”—1 Tim. 3:1-​7; Titu 1:5-​9.

18. Kif jibbenefikaw in-​nies t’Alla kollha mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna?

 18 In-​nies t’Alla kollha jibbenefikaw mill-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. B’liema mod? Meta l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali japplikaw dak li jkunu tgħallmu fl-​iskola, huma, bħal Ġesù, ikunu sors taʼ serħan għal sħabhom fit-​twemmin. Ma tiħux pjaċir int meta anzjan jew qaddej ministerjali bi mħabba jagħtik kelma taʼ inkuraġġiment, joqgħod jisimgħek, jew jiġi jżurek biex jibnik? (1 Tess. 5:11) Dawn l-​aħwa kwalifikati tassew huma barka għall-​kongregazzjonijiet tagħhom!

19. Il-​Kumitat tat-​Tagħlim liema skejjel oħra jieħu ħsieb, u dawn l-​iskejjel għal xiex huma mħejjijin?

19 Skejjel teokratiċi oħra. Il-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna jieħu ħsieb skejjel oħra li jipprovdu taħriġ għall-​aħwa rġiel li għandhom ċerta responsabbiltà fl-​organizzazzjoni. Dawn l-​iskejjel huma mħejjijin biex jgħinu lil aħwa rġiel responsabbli—anzjani fil-​kongregazzjoni, indokraturi li jivvjaġġaw, u membri tal-​kumitati tal-​fergħa—ħalli jkunu iktar effettivi f’li jieħdu ħsieb il-​ħafna responsabbiltajiet li għandhom. Dan it-​taħriġ ibbażat fuq il-​Bibbja jħeġġeġ lill-​aħwa biex iżommu l-​ispiritwalità tagħhom b’saħħitha u biex japplikaw il-​prinċipji Skritturali fil-​mod kif jieħdu ħsieb in-​nagħaġ prezzjużi li Ġeħova fada f’idejhom.—1 Pt. 5:1-​3.

L-ewwel klassi tal-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali li saret fil-Malawi, 2007

20. Ġesù għala setaʼ jgħid li lkoll “mgħallmin minn Ġeħova,” u x’int determinat li tagħmel?

20 Jidher ċar daqs il-​kristall li s-​Sultan Messjaniku għamel ċert li s-​segwaċi tiegħu jkunu mħarrġin sew. U naraw li dan it-​taħriġ kollu ġej minn Ġeħova għax Hu għallem lil Ibnu, u Ibnu għallem lis-​segwaċi tiegħu. Għaldaqstant, Ġesù setaʼ jgħid li lkoll “mgħallmin minn Ġeħova.” (Ġw. 6:45; Is. 54:13) Ejja nkunu determinati li nieħdu vantaġġ sħiħ mit-​taħriġ li s-​Sultan għamel disponibbli għalina. U jalla niftakru li l-​iskop primarju taʼ dan it-​taħriġ kollu hu li jgħinna nibqgħu b’saħħitna spiritwalment ħalli nkunu nistgħu nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna.

^ par. 5 Kif nafu li l-​Missier għallem lil Ibnu kif għandu jgħallem? Ikkunsidra dan: Ġesù uża ħafna tixbihat meta kien jgħallem, u b’hekk wettaq profezija li ġiet imniżżla sekli sħaħ qabel ma twieled. (Salm 78:2; Mt. 13:34, 35) Jidher ċar li l-​Awtur taʼ din il-​profezija, Ġeħova, iddeċieda minn ħafna qabel li Ibnu kien se jgħallem permezz tat-​tixbihat, jew il-​parabboli.—2 Tim. 3:16, 17.

^ par. 6 Xhur wara, Ġesù ħarreġ u “għażel sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn” biex jippritkaw.—Lq. 10:1-​16.

^ par. 12 Xi aħwa attendew l-​Iskola taʼ Gilegħad iktar minn darba.

^ par. 13 Għal iktar dettalji dwar l-​impatt li kellhom il-​missjunarji mħarrġin f’Gilegħad fl-​ippritkar madwar id-​dinja, ara kapitlu 23 tal-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom.

^ par. 14 Minflok iż-​żewġ skejjel li ssemmew fl-​aħħar, issa hemm l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna.

^ par. 16 Issa l-​anzjani kollha jibbenefikaw mis-​sessjonijiet tal-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna li jinżammu kull tant snin u li mhux kollha jdumu l-​istess ammont taʼ ġranet. Mill-​1984, il-​qaddejja ministerjali wkoll irċivew taħriġ f’din l-​iskola.