Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 16

Niltaqgħu flimkien għall-qima

Niltaqgħu flimkien għall-qima

KAPITLU DWAR

L-​iżvilupp u l-​importanza tal-​laqgħat tagħna

1. Id-​dixxipli x’għajnuna rċivew meta nġabru flimkien, u għala kellhom bżonnha?

FTIT wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, id-​dixxipli nġabru flimkien biex jinkuraġġixxu lil xulxin. Però, sakkru l-​bibien għax beżgħu mill-​għedewwa tagħhom. Imma dan il-​biżaʼ żgur sfaxxa fix-​xejn meta Ġesù deher f’nofshom u qal: “Irċievu l-​ispirtu qaddis.” (Aqra Ġwanni 20:19-​22.) Iktar tard, id-​dixxipli reġgħu nġabru flimkien, u Ġeħova ferraʼ l-​ispirtu qaddis fuqhom. Dan żgur saħħaħhom għall-​ippritkar li kellhom jagħmlu.—Atti 2:1-​7.

2. (a) Ġeħova kif u għala jsaħħaħna? (b) L-​arranġament tal-​Qima tal-​Familja għala hu tant importanti? (Ara n-​nota addizzjonali u l-​kaxxa “ Qima tal-​Familja.”)

2 Aħna niffaċċjaw sfidi simili għal dawk li ffaċċjaw ħutna fl-​ewwel seklu. (1 Pt. 5:9) Xi minn daqqiet, uħud minna jesperjenzaw biżaʼ mill-​bniedem. U għandna bżonn is-​saħħa li jagħtina Ġeħova jekk irridu nibqgħu għaddejjin bl-​ippritkar. (Efes. 6:10) Ġeħova jsaħħaħna l-​iktar permezz tal-​laqgħat tagħna. Bħalissa għandna l-​opportunità li nattendu żewġ laqgħat fil-ġimgħa li jkunu mimlijin tagħlim—il-Laqgħa Pubblika u l-Istudju tat-Torri tal-Għassa u l-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa bl-isem Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna. * Barra minn dan, erbaʼ darbiet fis-​sena ngawdu laqgħat speċjali—konvenzjoni, żewġ assembleat, u t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Għala hu vitali li nattendu dawn il-​laqgħat kollha? Il-​laqgħat li għandna llum, kif żviluppaw? U l-​attitudni tagħna lejn il-​laqgħat, x’tikxef dwarna?

Għala niltaqgħu flimkien?

3, 4. Ġeħova x’jirrikjedi min-​nies tiegħu? Agħti eżempji.

3 Ġeħova ilu jirrikjedi li n-​nies tiegħu jiltaqgħu flimkien biex iqimuh. Pereżempju, fis-​sena 1513 QEK, Ġeħova ta l-​Liġi tiegħu lill-​ġens t’Iżrael, u dik il-​liġi inkludiet Sabat taʼ kull ġimgħa biex kull familja tkun tistaʼ tqimu u tiġi mgħallma l-​Liġi. (Dt. 5:12; 6:4-​9) Meta l-​Iżraelin obdew dan il-​kmand, il-​familji ssaħħew u l-​Iżraelin bħala ġens baqgħu nodfa u b’saħħithom spiritwalment. Meta l-​ġens m’obdewx il-​Liġi u ma baqgħux jiltaqgħu flimkien regolarment biex iqimu lil Ġeħova, tilfu l-​approvazzjoni t’Alla.—Lev. 10:11; 26:31-​35; 2 Kron. 36:20, 21.

 4 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju li ħalla Ġesù. Kellu d-​drawwa li kull ġimgħa, fis-​Sabat, imur fis-​sinagoga. (Lq. 4:16) Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, id-​dixxipli baqgħu bid-​drawwa li jiltaqgħu flimkien regolarment għalkemm ma kinux għadhom taħt il-​liġi tas-​Sabat. (Atti 1:6, 12-​14; 2:1-​4; Rum. 14:5; Kol. 2:13, 14) F’dawn il-​laqgħat, il-​Kristjani tal-​ewwel seklu mhux biss irċivew istruzzjoni u inkuraġġiment imma wkoll offrew sagrifiċċji taʼ tifħir lil Alla permezz tat-​talb, il-​kummenti, u l-​għanjiet tagħhom.—Kol. 3:16; Ebr. 13:15.

Id-dixxipli taʼ Ġesù ltaqgħu flimkien biex isaħħu u jinkuraġġixxu lil xulxin

5. Għala nattendu l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa u l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet taʼ kull sena? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Laqgħat taʼ kull sena li jgħaqqdu lin-​nies t’Alla.”)

5 Bl-​istess mod, meta nattendu l-​laqgħat tagħna taʼ kull ġimgħa u l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet taʼ kull sena, inkunu qed nuru li nappoġġaw is-​Saltna t’Alla, nissaħħu permezz tal-​ispirtu qaddis, u ninkuraġġixxu lil xulxin bil-​kummenti tagħna li fihom nesprimu l-​fidi. Iktar importanti minn hekk, ikollna l-​opportunità li nqimu lil Ġeħova permezz tat-​talb, il-​kummenti, u l-​għanjiet. Veru li l-​laqgħat tagħna huma organizzati differenti mil-​laqgħat tal-​Iżraelin u tal-​Kristjani tal-​ewwel seklu, imma xorta huma importanti daqskemm kienu dakinhar. Il-​laqgħat li għandna llum, kif żviluppaw?

Laqgħat taʼ kull ġimgħa li jqanqlu “l-​imħabba u l-​għemejjel tajbin”

6, 7. (a) X’inhu l-​iskop tal-​laqgħat tagħna? (b) Il-​laqgħat kif kienu jvarjaw minn grupp għal ieħor?

6 Meta Ħuna Charles Taze Russell beda jfittex għall-​verità fil-​Kelma t’Alla, ra l-​bżonn li jiltaqaʼ m’oħrajn li kellhom l-​istess mira. Fl-​1879, Russell kiteb: “Jien, flimkien m’oħrajn f’Pittsburgh, ingħaqadna fi grupp, li kien jiltaqaʼ kull nhar taʼ Ħadd, biex infittxu fl-​Iskrittura.” Il-​qarrejja tat-​Torri  tal-​Għassa ġew inkuraġġiti jiltaqgħu flimkien, u sal-​1881, kienu qed isiru laqgħat f’Pittsburgh, Pennsylvania, kull nhar taʼ Ħadd u nhar t’Erbgħa. Il-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa taʼ Novembru 1895 qalet li l-​iskop taʼ dawn il-​laqgħat kien biex ‘nikkultivaw is-​sħubija Kristjana, inkattru l-​imħabba, u niksbu fehma waħda.’ Qalet ukoll li l-​laqgħat taw l-​opportunità biex dawk li jattendu jinkuraġġixxu wieħed lill-​ieħor.—Aqra Ebrej 10:24, 25.

7 Għal bosta snin, il-​mod kif kienu organizzati l-​laqgħat u l-​ammont taʼ drabi li kienu jiltaqgħu kienu jvarjaw minn grupp taʼ Studenti tal-​Bibbja għal ieħor. Pereżempju, f’ittra minn grupp fl-​Istati Uniti, li ġiet ippubblikata fl-​1911, kien hemm miktub: “Ikollna minn tal-​inqas ħames laqgħat kull ġimgħa.” Dawn il-​laqgħat kienu jsiru t-​Tnejn, l-​Erbgħa, il-​Ġimgħa, u darbtejn il-​Ħadd. Ittra oħra, minn grupp fl-​Afrika, li ġiet ippubblikata fl-​1914, qalet: “Aħna jkollna żewġ laqgħat fix-​xahar, jibdew il-​Ġimgħa u jibqgħu għaddejjin sal-​Ħadd.” Imma, maż-​żmien, il-​laqgħat bdew isiru kif nafuhom illum. Ikkunsidra fil-​qosor l-​istorja taʼ kull laqgħa.

8. X’kienu xi suġġetti tat-​taħditiet pubbliċi tal-​bidu?

8 Laqgħa Pubblika: Fl-​1880, sena wara li beda jiġi pubblikat It-​Torri tal-​Għassa, Ħuna Russell segwa l-​eżempju taʼ Ġesù u rħielha fuq tur taʼ ppritkar. (Lq. 4:43) Hu u jagħmel dan, Ħuna Russell ħalla mudell għal dik li issa nafuha bħala l-​Laqgħa Pubblika. Meta t-​Torri tal-​Għassa ħabbar it-​tur, dan qal li Russell “minn qalbu lest li jitkellem f’laqgħat pubbliċi dwar ‘Affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-​Saltna t’Alla.’” Fl-​1911, wara li kongregazzjonijiet kienu twaqqfu f’pajjiżi differenti, kull kongregazzjoni ġiet imħeġġa tibgħat fl-​inħawi taʼ madwarha kelliema li jinqalgħu biex jagħtu serje taʼ sitt taħditiet fuq suġġetti bħalma huma l-​ġudizzju u l-​fidwa. Fl-​aħħar taʼ kull taħdita kienu jitħabbru l-​isem tal-​kelliemi u t-​tema tat-​taħdita għall-​ġimgħa taʼ wara.

9. Il-​Laqgħa Pubblika kif tbiddlet tul is-​snin, u kif tistaʼ tappoġġa din il-​laqgħa?

9 Fl-​1945, It-​Torri tal-​Għassa ħabbar il-​bidu taʼ kampanja globali għal-​Laqgħa Pubblika li involviet serje taʼ tmien taħditiet fuq il-​Bibbja li tkellmu dwar “problemi urġenti taʼ żmienna.” Għal għaxriet taʼ snin, kelliema inkarigati mhux biss użaw suġġetti li ngħataw mill-​ilsir leali imma wkoll taw taħditiet fuq suġġetti li riedu huma. Imma fl-​1981, il-​kelliema kollha ngħataw id-​direzzjoni li jibbażaw it-​taħditiet tagħhom fuq l-​outlines li jingħataw lill-​kongregazzjonijiet. * Sal-​1990, xi outlines għat-​taħditiet pubbliċi kienu jinkludu parteċipazzjoni mill-​udjenza jew turijiet; imma b’seħħ minn dik is-​sena kien hemm bidla fl-​istruzzjonijiet, u minn dakinhar ’il quddiem, it-​taħditiet pubbliċi ma kinux isiru bħala diskussjoni mal-​udjenza. Aġġustament ieħor sar f’Jannar tal-​2008, meta t-​taħditiet pubbliċi tnaqqsu minn 45 minuta  għal 30 minuta. Għalkemm saru xi bidliet fil-​mod kif jingħataw, taħditiet pubbliċi li huma preparati sew ikomplu jibnu l-​fidi fil-​Kelma t’Alla u jgħallmuna dwar diversi aspetti tas-​Saltna t’Alla. (1 Tim. 4:13, 16) Tistieden int b’entużjażmu lil dawk li tagħmlilhom żjara lura u lil oħrajn li mhumiex Xhieda biex jiġu jisimgħu dawn it-​taħditiet importanti bbażati fuq il-​Bibbja?

10-12. (a) L-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa liema bidliet kellu? (b) Liema mistoqsijiet nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna?

10 L-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa. Fl-​1922, aħwa rġiel magħrufin bħala pellegrini—ministri mibgħutin mill-​organizzazzjoni biex jagħtu taħditiet lill-​kongregazzjonijiet u biex jieħdu t-​tmexxija fl-​ippritkar—issuġġerew li tibda ssir laqgħa b’mod regulari li fiha jiġi studjat It-​Torri tal-​Għassa. Dan is-​suġġeriment ġie milqugħ, u għall-​ewwel, l-​Istudju tal-​Torri tal-​Għassa kien isir jew matul il-​ġimgħa jew nhar taʼ Ħadd.

L-Istudju tat-Torri tal-Għassa, il-Gana, 1931

11 It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 1932 ta iktar gwida dwar kif għandha ssir din il-​laqgħa. L-​artiklu qal li ħu għandu jmexxi l-​laqgħa bħalma jsir fl-​istudju fid-​Dar taʼ Betel. Tliet aħwa rġiel setgħu joqogħdu bilqiegħda fuq quddiem fil-​post fejn issir il-​laqgħa u jaqraw il-​materjal bejniethom billi jieħdu paragrafu kull wieħed. Dak iż-​żmien, l-​artikli ma kellhomx mistoqsijiet stampati, u għalhekk dak li kien qed jikkonduċi ntqallu biex isaqsi lil dawk fl-​udjenza biex iqajmu mistoqsijiet dwar il-​materjal li kien qed jiġi kkunsidrat. Imbagħad, kien isaqsi lill-​udjenza biex twieġeb dawk il-​mistoqsijiet. Jekk kien hemm bżonn li l-​informazzjoni tiġi ċċarata, dak li kien qed jikkonduċi kellu jagħti spjegazzjoni “ċara u fil-​qosor.”

12 Għall-​ewwel, kull kongregazzjoni setgħet tagħżel liema ħarġa tar-​rivista kienet se tistudja skont dak li riedu l-​maġġoranza tal-​membri. Madanakollu, It-​Torri tal-​Għassa  tal-​15 t’April 1933, issuġġerixxa li kull kongregazzjoni tuża l-​ħarġa kurrenti. Fl-​1937, ingħatat id-​direzzjoni li l-​istudju jsir nhar taʼ Ħadd. Fit-​Torri tal-​Għassa tal-​1 t’Ottubru 1942, ġew ippubblikati xi bidliet oħra fil-​mod kif issir din il-​laqgħa, u minn dakinhar bdiet issir bil-​mod kif issir illum. L-​ewwel, ir-​rivista ħabbret li kien se jibda jkun hemm mistoqsijiet stampati fl-​aħħar taʼ kull paġna tal-​artikli għall-​istudju, u li għandhom jintużaw dawn il-​mistoqsijiet. Imbagħad, qalet li l-​laqgħa għandha ddum siegħa. Ukoll, ħeġġet lil dawk li jwieġbu biex jagħmlu dan “fi kliemhom stess” minflok ma jaqraw siltiet mill-​paragrafu. L-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa għadu l-​laqgħa primarja li permezz tagħha l-​ilsir leali jagħti ikel spiritwali f’waqtu. (Mt. 24:45) Kull wieħed u waħda minna jagħmel tajjeb li jsaqsi lilu nnifsu: ‘Nipprepara jien kull ġimgħa għall-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa? Nistinka biex inwieġeb?’

13, 14. (a) X’inhi l-​istorja tal-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni? (b) X’jogħġbok dwar din il-​laqgħa?

13 L-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni. Madwar is-​sena 1895, wara li ħarġu għadd taʼ volumi mis-​serje Millennial Dawn, Ħuna H. N. Rahn, Student tal-​Bibbja li kien jgħix fil-​belt taʼ Baltimore, Maryland, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, issuġġerixxa li l-​aħwa jibdew jiltaqgħu fi gruppi biex jiddiskutu dawn il-​volumi. Għall-​ewwel, dawn il-​laqgħat, li kienu jsiru fi djar privati, kienu jsiru bħala prova. Imma sa Settembru tal-​1895, dawn il-​laqgħat kienu qed isiru b’suċċess f’ħafna bliet fl-​Istati Uniti. Għalhekk, It-​Torri tal-​Għassa taʼ dak ix-​xahar ħeġġeġ lill-​istudenti tal-​verità kollha biex jagħmlu din il-​laqgħa. Qal li l-​ħu li jikkonduċi kellu jkun qarrej tajjeb. Kellu jaqra sentenza, u mbagħad jistenna biex dawk preżenti jikkummentaw. Wara li tinqara u tiġi diskussa kull sentenza fil-​paragrafu, il-​ħu kellu jfittex u jaqra l-​iskritturi mniżżlin. Fl-​aħħar tal-​kapitlu, kull min kien preżenti ried jagħti sommarju tal-​materjal.

14 L-​isem taʼ din il-​laqgħa nbidel diversi drabi. Sar magħruf bħala Gruppi Bereani għall-​Istudju tal-​Bibbja. Dan kien jirreferi għall-​Bereani tal-​ewwel seklu li eżaminaw bir-​reqqa l-​Iskrittura. (Atti 17:11) Maż-​żmien, l-​isem inbidel u sar l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni. Issa l-​laqgħa nsejħulha l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​Kongregazzjoni, u l-​kongregazzjoni kollha tiltaqaʼ flimkien fis-​Sala tas-​Saltna minflok fi gruppi fi djar privati. Matul is-​snin, diversi kotba, browxers, u anke artikli mit-​Torri tal-​Għassa ntużaw bħala bażi għall-​istudju. Sa mill-​bidu, dawk kollha li attendew ġew inkuraġġiti jieħdu sehem fil-​laqgħa. Din il-​laqgħa tassew għenitna nkabbru l-​għarfien tagħna dwar il-​Bibbja. Tipprepara regolarment int għal din il-​laqgħa u tipparteċipa bl-​aħjar mod li tistaʼ?

15. L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku għal xiex kienet ġiet imħejjija?

 15 L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. “Nhar it-​Tnejn filgħaxija, fis-​16 taʼ Frar 1942,” jiftakar Carey Barber, li dak iż-​żmien kien qed jaqdi fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, “l-​aħwa rġiel kollha li kienu membri tal-​familja Betel fi Brooklyn ġew mistidnin jinkitbu f’dik li iktar tard saret magħrufa bħala l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.” Ħuna Barber, li ħafna żmien wara sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, iddeskriva l-​iskola bħala “wieħed mill-​iktar żviluppi li jispikkaw fil-​mod kif Ġeħova ttratta man-​nies tiegħu fi żminijietna.” Il-​kors tant irnexxa f’li jgħin lill-​aħwa rġiel itejbu l-​abbiltajiet tagħhom fit-​tagħlim u fl-​ippritkar li b’seħħ mill-​1943 il-​ktejjeb Course in Theocratic Ministry eventwalment sar disponibbli għall-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja kollha. It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Ġunju 1943 qal li l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku ġiet imħejjija biex tgħin lin-​nies t’Alla “jħarrġu lilhom infushom ħalli jkunu xhieda aħjar meta jxandru dwar is-​Saltna.”—2 Tim. 2:15.

16, 17. L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku kienet tgħallem biss abbiltajiet tad-​diskors? Spjega.

 16 Għall-​ewwel, ħafna wħud kien ikollhom imsarinhom f’saqajhom biex jagħtu taħdita quddiem udjenza kbira. Clayton Woodworth, Jr., li missieru b’mod inġust kien ġie mitfugħ il-​ħabs flimkien maʼ Ħuna Rutherford u oħrajn fl-​1918, ftakar kif ħassu meta l-​ewwel inkiteb fl-​iskola fl-​1943. Ħuna Woodworth qal: “Kien diffiċli ħafna għalija biex nagħti t-​taħditiet. Ilsieni kien jeħilli, ħalqi kien jixxottali, u meta kont nitkellem, jew kont nispiċċa ngħajjat wisq jew nitkellem minn taħt l-​ilsien.” Però, hekk kif l-​abbiltajiet taʼ Clayton marru għall-​aħjar, irċieva ħafna privileġġi fid-​diskors pubbliku. L-​iskola għallmitu ħafna iktar minn sempliċement abbiltajiet tad-​diskors. Għallmitu dwar il-​valur tal-​umiltà u l-​importanza li jistrieħ fuq Ġeħova. Hu qal: “Wasalt għall-​konklużjoni li l-​kelliemi nnifsu mhux importanti. Imma jekk jipprepara sew u jafda bis-​sħiħ f’Ġeħova, l-​udjenza se tieħu pjaċir tisimgħu u se titgħallem xi ħaġa.”

 17 Fl-​1959, l-​aħwa nisa ġew mistidnin jinkitbu fl-​iskola. Oħtna Edna Bauer tiftakar f’meta semgħet l-​avviż fl-​assemblea li attendiet. Hi tgħid: “Niftakar l-​eċċitament li kien hemm fost l-​aħwa nisa. L-​avviż fetaħ bibien ġodda għalihom.” Matul is-snin, ħafna aħwa rġiel u nisa ħatfu l-opportunità biex jinkitbu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u jiġu mgħallma minn Ġeħova. Illum, qed inkomplu nirċievu taħriġ bħal dan waqt il-laqgħa ta’ matul il-ġimgħa.—Aqra Isaija 54:13.

18, 19. (a) Issa kif qed nirċievu gwida prattika biex napplikawha fil-​ministeru? (b) Għala nkantaw fil-​laqgħat tagħna? (Ara l-​kaxxa “ L-​għanjiet dwar il-​verità.”)

18 Laqgħa tas-​Servizz: Sa mill-​1919, kienu jsiru laqgħat biex jiġi organizzat is-​servizz tal-​għalqa. F’dak iż-​żmien, mhux il-​membri kollha tal-​kongregazzjoni kienu jattendu dawn il-​laqgħat—kienu jattendu biss dawk li kienu jieħdu sehem f’li jqassmu l-​letteratura. B’seħħ mill-​1923, darba fix-​xahar kien ikun hemm Laqgħa tas-​Servizz, u l-​membri kollha tal-​kongregazzjoni kellhom jattendu. Sal-​1928, il-​kongregazzjonijiet kienu mħeġġin ikollhom Laqgħa tas-​Servizz kull ġimgħa, u fl-​1935, It-​Torri tal-​Għassa ħeġġeġ lill-​kongregazzjonijiet kollha biex jibbażaw il-​Laqgħa tas-​Servizz fuq informazzjoni fid-​Director (li iktar tard ġie msejjaħ Informant u mbagħad Il-​Ministeru tas-​Saltna). Din il-​laqgħa ma damitx ma saret parti regulari mill-​iskeda taʼ kull kongregazzjoni.

19 Illum, nirċievu din l-​għajnuna prattika biex inwettqu l-ministeru waqt il-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa. (Mt. 10:5-​13) Jekk tikkwalifika biex tirċievi kopja persunali tal-​fuljett għall-​istudju tal-​laqgħa, tistudjaha int u tapplika s-​suġġerimenti li fiha int u tieħu sehem fil-​ministeru?

L-​iktar laqgħa importanti fis-​sena

Sa mill-ewwel seklu EK, il-Kristjani nġabru flimkien darba fis-sena għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu (Ara paragrafu 20)

20-22. (a) Għala niftakru permezz taʼ ċerimonja l-​mewt taʼ Ġesù? (b) Kif tibbenefika billi tattendi t-​Tifkira kull sena?

20 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jiftakru permezz taʼ ċerimonja l-​mewt tiegħu sakemm jerġaʼ jiġi. Bħaċ-​ċelebrazzjoni tal-​Qbiż, it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù hi okkażjoni li ssir darba kull sena. (1 Kor. 11:23-​26) Miljuni taʼ nies jattendu din il-​laqgħa kull sena. Din tfakkar lill-​midlukin fil-​privileġġ li għandhom li jkunu werrieta tas-​Saltna bi sħab maʼ Kristu. (Rum. 8:17) U tnissel fin-​nagħaġ oħrajn rispett profond għas-​Sultan tas-​Saltna t’Alla u tgħinhom jibqgħu leali lejh.—Ġw. 10:16.

21 Ħuna Russell u l-​imseħbin tiegħu fehmu l-​importanza tal-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej u kienu jafu li kellha ssir ċerimonja tagħha darba fis-​sena biss. Il-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa t’April 1880, qalet: “Għal diversi snin kienet id-​drawwa taʼ ħafna minna hawnhekk f’Pittsburgh li . . . niftakru l-​Qbiż [it-​Tifkira] u nieklu mill-​ħobż u l-​inbid li jirrappreżentaw il-​ġisem u d-​demm tal-​Mulej tagħna.” Ma damux ma bdew isiru konvenzjonijiet flimkien mat-​Tifkira. L-​ewwel darba li  nżammu rekords taʼ okkażjoni bħal din kienet fl-​1889, meta attendew 225 ruħ u tgħammdu 22.

22 Illum il-​ġurnata, m’għadniex nattendu t-​Tifkira bħala parti minn programm tal-​konvenzjoni, imma nistiednu lil dawk kollha li jgħixu fl-​inħawi tagħna biex jingħaqdu magħna f’Sala tas-​Saltna lokali jew f’post mikri. Fl-​2013, iktar minn 19-​il miljun ruħ attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. Xi privileġġ għandna li mhux biss nistgħu nattendu t-​Tifkira imma wkoll nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jingħaqdu magħna għal din l-​iktar lejla sagra tas-​sena! Tistieden b’entużjażmu int lil kemm jistaʼ jkun nies għat-​Tifkira kull sena?

L-​attitudni tagħna x’tikxef dwarna?

23. Kif tqis il-​kmand biex niltaqgħu flimkien?

23 Il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova ma jqisux il-​kmand biex jiltaqgħu flimkien bħala xi ħaġa taʼ piż. (Ebr. 10:24, 25; 1 Ġw. 5:3) Pereżempju, kienet l-​għaxqa tas-​Sultan David li jmur iqim fid-​dar taʼ Ġeħova. (Salm 27:4) Kien jieħu pjaċir jagħmel dan speċjalment flimkien m’oħrajn li ħabbew lil Alla. (Salm 35:18) U aħseb ftit fl-​eżempju taʼ Ġesù. Anke meta kien għadu żgħir, kellu xewqa kbira li jkun fid-​dar tal-​qima taʼ Missieru.—Lq. 2:41-​49.

Nuru kemm hi reali għalina s-​Saltna t’Alla minn kemm hi kbira x-​xewqa tagħna li niltaqgħu flimkien

24. Meta nattendu l-​laqgħat, liema opportunitajiet għandna?

24 Meta nattendu l-​laqgħat, nuru l-​imħabba li għandna għal Ġeħova u x-​xewqa li għandna biex nibnu lil sħabna fit-​twemmin. Nuru wkoll ix-​xenqa li għandna biex nitgħallmu ngħixu bħala ċittadini tas-​Saltna t’Alla, għax hu primarjament fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet li nirċievu t-​taħriġ biex inkunu ċittadini. Minbarra dan, permezz tal-​laqgħat niksbu l-​abbiltà u s-​saħħa li neħtieġu biex nissaportu f’waħda mill-​iktar attivitajiet importanti li qed issir mis-​Saltna t’Alla llum—dak taʼ li nagħmlu u nħarrġu d-​dixxipli tas-​Sultan Ġesù Kristu. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Mingħajr dubju, nuru kemm hi reali għalina s-​Saltna t’Alla bħala individwi minn kemm hi kbira x-​xewqa tagħna li niltaqgħu flimkien. Jalla dejjem ngħożżu l-​laqgħat tagħna!

^ par. 2 Minbarra l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni li jkollna kull ġimgħa, kull familja jew individwu hu inkuraġġit iwarrab xi ħin għal studju persunali jew qima tal-​familja.

^ par. 9 Sal-​2013, kien hemm disponibbli iktar minn 180 outline għat-​taħditiet pubbliċi.