Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tixtieq Tkun Taf il-Verità?

Tixtieq Tkun Taf il-Verità?

IL-VERITÀ dwar xiex? Dwar ftit mill-iktar mistoqsijiet importanti li qatt staqsew il-bnedmin. Forsi ġieli ħsibt dwar mistoqsijiet bħal dawn:

  • Veru li Alla jimpurtah minna?
  • Il-gwerer u t-tbatija qatt se jispiċċaw?
  • X’jiġrilna meta mmutu?
  • Hemm xi tama għall-mejtin?
  • Kif nista’ nitlob b’mod li Alla jismagħni?
  • Kif jista’ jkolli l-hena f’ħajti?

Kieku fejn tfittex it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet? Kieku kellek tmur f’libreriji jew fi ħwienet tal-kotba, forsi ssib eluf ta’ kotba li jsostnu li għandhom it-tweġibiet. Madankollu, spiss ktieb wieħed jikkontradixxi lil ieħor. Oħrajn jidhru li huma validi għal ċertu perijodu ta’ żmien imma malajr ma jibqgħux u jiġu riveduti jew toħroġ xi ħaġa oħra minflokhom.

Madankollu, hemm ktieb wieħed li fih tweġibiet ta’ min joqgħod fuqhom. Huwa ktieb li fih il-verità. Ġesù Kristu qal meta kien qed jitlob lil Alla: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġwanni 17:17) Illum dik il-Kelma hija magħrufa bħala l-Bibbja Mqaddsa. Mill-paġni li jmiss int se tieħu idea tat-tweġibiet ċari u veri li tagħti l-Bibbja għall-mistoqsijiet t’hawn fuq.

Veru li Alla Jimpurtah Minna?

Raġel imdawwar b’folla nies

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Qed ngħixu f’dinja mimlija krudeltà u inġustizzja. Ħafna reliġjonijiet jgħallmu li t-tbatijiet li nġarrbu huma r-rieda t’Alla.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Alla qatt ma jikkaġuna dak li hu mill-agħar. “Ma jistax ikun li l-Alla l-veru jaġixxi bil-ħażen, u li Dak li Jista’ Kollox jaġixxi b’mod inġust!” jgħid Ġob 34:10. Alla għandu skop kollu mħabba għall-bnedmin. Dan hu għala Ġesù għallimna nitolbu: “Missierna fis-smewwiet, ħa…tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) Alla tant jimpurtah minna li għamel minn kollox biex żgur iwettaq l-iskop tiegħu.—Ġwanni 3:16.

Ara wkoll Ġenesi 1:26-28; Ġakbu 1:13; u l-1 Pietru 5:6, 7.

Il-Gwerer u t-Tbatija Qatt Se Jispiċċaw?

Suldati

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Il-gwerer għadhom qed joqtlu ħajjiet umani bla għadd. Ilkoll kemm aħna esperjenzajna t-tbatija umana.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Alla jbassar żmien li fih se jistabbilixxi l-paċi mad-dinja kollha. Taħt is-Saltna tiegħu, gvern li jaħkem mis-sema, in-nies “ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.” Minflok, se “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet.” (Isaija 2:4) Alla se jtemm l-inġustizzja u t-tbatija kollha. Il-Bibbja twiegħed: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet ta’ qabel [inkluż l-inġustizzji u t-tbatijiet ta’ żmienna] ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Ara wkoll Salm 37:10, 11; 46:9; u Mikea 4:1-4.

X’Jiġrilna Meta Mmutu?

Ċimiterju

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Il-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet tad-dinja jgħallmu li xi ħaġa fil-bniedem tibqa’ ħajja wara l-mewt. Xi wħud jemmnu li l-mejtin jistgħu jagħmlu l-ħsara lill-ħajjin jew li Alla jikkastiga lill-ħżiena billi jikkundannahom għal turment etern f’infern tan-nar.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Malli jmutu, il-bnedmin ma jibqgħux jeżistu. “Il-mejtin ma jafu assolutament xejn,” jgħid Ekkleżjasti 9:5. Ladarba l-mejtin ma jistgħu jkunu jafu, iħossu, jew jesperjenzaw xejn, ma jistgħux jagħmlu ħsara—jew jgħinu—lill-ħajjin.—Salm 146:3, 4.

Ara wkoll Ġenesi 3:19 u Ekkleżjasti 9:6, 10.

Hemm Xi Tama għall-Mejtin?

Tifla mnikkta minħabba l-mewt ta’ xi ħadd maħbub

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Aħna rridu ngħixu u ngawdu ħajjitna mal-maħbubin tagħna. Hija xi ħaġa naturali li nixxennqu biex nerġgħu naraw lill-maħbubin mejtin tagħna.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Ħafna minn dawk li mietu se jiġu rxoxtati. Ġesù wiegħed li dawk “li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira…joħorġu.” (Ġwanni 5:28, 29) Fi qbil ma’ l-iskop oriġinali t’Alla, dawk li jiġu rxoxtati bħala bnedmin se jkollhom l-opportunità li jgħixu f’art magħmula ġenna. (Luqa 23:43) Dan il-futur imwiegħed jinkludi saħħa perfetta u ħajja ta’ dejjem għal bnedmin ubbidjenti. Il-Bibbja tgħid: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.

Ara wkoll Ġob 14:14, 15; Luqa 7:11-17; u Atti 24:15.

Kif Nista’ Nitlob b’Mod li Alla Jismagħni?

Raġel jitlob

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Tista’ tgħid li kważi n-nies kollha jitolbu, huma minn liema reliġjon huma. Imma ħafna jħossu li t-talb tagħhom ma jiġix imwieġeb.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Ġesù għallimna biex ma noqogħdux nirripetu l-istess affarijiet fit-talb tagħna. Hu qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa.” (Mattew 6:7) Jekk irridu li Alla jisma’ talbna rridu nitolbu bil-mod li japprova hu. Sabiex nagħmlu dan, irridu nitgħallmu x’inhi r-rieda t’Alla u mbagħad nitolbu skond din ir-rieda. L-Ewwel Ġwanni 5:14 jispjega: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda [t’Alla], hu jismagħna.”

Ara wkoll Salm 65:2; Ġwanni 14:6, 14; u l-1 Ġwanni 3:22.

Kif Jista’ Jkolli l-Hena f’Ħajti?

Mara tfittex l-hena billi taqra l-Bibbja

GĦALA TQUM IL-MISTOQSIJA: Ħafna nies jemmnu li l-flus, il-fama, jew is-sbuħija tagħmilhom henjin. Għalhekk, huma jirsistu għal dawn l-affarijiet--biss biex jindunaw li ma jistgħux jiksbu l-hena.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA: Ġesù wera x’inhu fundamentali għall-hena meta qal: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) L-hena veru jista’ jinkiseb biss jekk naġixxu biex nissodisfaw l-akbar ħtieġa tagħna—il-ġuħ tagħna għall-verità spiritwali dwar Alla u dwar l-iskop tiegħu għalina. Din il-verità tinsab fil-Bibbja. Meta nkunu nafu l-verità nistgħu niġu megħjunin nagħrfu x’inhu tassew importanti—u x’m’huwiex. Jekk inħallu l-verità tal-Bibbja tiggwida d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħna jkollna ħajja iktar siewja.—Luqa 11:28.

Ara wkoll Proverbji 3:5, 6, 13-18 u l-1 Timotju 6:9, 10.

Din kienet biss daqqa t’għajn ħafifa lejn it-tweġibiet tal-Bibbja għal sitt mistoqsijiet. Tixtieq tkun taf iktar minn hekk? Jekk int wieħed minn dawk li “huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom,” żgur li tixtieq. Għandek mnejn taħseb dwar mistoqsijiet oħrajn, bħal: ‘Jekk Alla jimpurtah minna, għala ppermetta li jkun hawn daqshekk ħażen u tbatija tul l-istorja? Kif nista’ ntejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familja tiegħi?’ Il-Bibbja tagħti tweġibiet sħaħ u sodisfaċenti għal dawn il-mistoqsijiet u ħafna oħrajn.

Però, ħafna llum jaħsbuha darbtejn biex ifittxu fil-Bibbja. Huma jħarsu lejha bħala ktieb kbir wisq li kultant hu diffiċli biex tifhmu. Tixtieq tingħata għajnuna biex issib it-tweġibiet fil-Bibbja? Ix-Xhieda ta’ Ġeħova joffru żewġ għodod li jistgħu jgħinuk.

L-ewwel, il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? huwa mfassal biex jgħin lil min għandu ħafna x’jagħmel ħalli jeżamina t-tweġibiet ċari tal-Bibbja għal mistoqsijiet vitali. It-tieni għodda hija programm ta’ studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas. Wieħed mix-Xhieda ta’ Ġeħova li joqgħod fl-inħawi tiegħek u li hu kwalifikat biex jgħallem il-Bibbja, jista’ jiġi d-dar tiegħek jew f’post ieħor konvenjenti għalik u bla ħlas iqatta’ ftit ħin kull ġimgħa jiddiskuti l-Bibbja miegħek. Miljuni ta’ nies madwar id-dinja bbenefikaw minn dan il-programm. Ħafna waslu għal din il-konklużjoni ta’ ferħ: “Sibt il-verità!”

Ma tistax issib teżor akbar minn dan. Il-verità tal-Bibbja teħlisna mis-superstizzjoni, mit-taħwid, u mill-biża’ li jwaħħax. Tagħtina tama, skop, u ferħ. Ġesù qal: “Tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:32.

1. Raġel isir jaf x’tgħallem il-Bibbja; 2. Mara ssir taf x’tgħallem il-Bibbja