Ġieli xi ħadd qallek sigriet?— * Il-Bibbja titkellem dwar sigriet speċjali msejjaħ “is-sigriet sagru.” Huwa sagru għax ġej mingħand Alla. U jissejjaħ sigriet għax in-nies ma kinux jafu dwaru. Anki l-anġli riedu jkunu jafu iktar dwar dan. Tixtieq tkun taf x’inhu dan is-sigriet?—

Inti x’taħseb li kienu qed jipprovaw isiru jafu l-anġli?

Ħafna u ħafna żmien ilu, Alla ħalaq lill-ewwel raġel u mara. Kien jisimhom Adam u Eva. Alla tahom dar sabiħa msejħa l-ġnien tal-Għeden. Kieku Adam u Eva obdew lil Alla, huma u t-tfal tagħhom setgħu għamlu d-dinja kollha ġenna tal-art bħal dak il-ġnien. U setgħu għexu f’Ġenna tal-art għal dejjem. Imma tiftakar x’għamlu Adam u Eva?—

Adam u Eva m’obdewx lil Alla, u huwa għalhekk li llum ma ngħixux f’ġenna tal-art. Imma Alla qal li kien se jagħmel id-dinja kollha sabiħa, u kulħadd kien se jgħix għal dejjem u jkun ferħan. Kif kien se jagħmel dan? Għal żmien twil, in-nies ma kinux jafu. Kien sigriet.

Meta Ġesù ġie fid-dinja, hu għallem lin-nies iktar dwar dan is-sigriet. Hu qal li kien dwar is-Saltna t’Alla. Ġesù qal lin-nies biex jitolbu ħalli din is-Saltna tiġi. Din se tagħmel id-dinja ġenna tal-art sabiħa.

Tħossok ferħan inti li taf dan is-sigriet?— Ftakar li dawk biss li jobdu lil Ġeħova se jgħixu fil-Ġenna tal-art. Il-Bibbja tgħidilna ħafna stejjer dwar irġiel u nisa li obdew lil Ġeħova. Tixtieq titgħallem dwarhom?— Ejja naraw min kienu xi wħud minnhom u kif nistgħu nkunu bħalhom.

^ par. 3 F’dawn l-istejjer, se tara marka bħal din (—) wara xi mistoqsijiet. Dan ikun ħin tajjeb biex tieqaf ftit u tħalli lil uliedek iwieġbu.