Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 89

Jgħallem fil-Perija fi triqtu lejn il-Lhudija

Jgħallem fil-Perija fi triqtu lejn il-Lhudija

LUQA 17:1-​10 ĠWANNI 11:1-​16

  • KEMM HI SERJA LI TFIXKEL LIL XI ĦADD

  • AĦFER U URI L-​FIDI

Ġesù ilu ftit il-​Perija, “in-​naħa l-​oħra tal-​Ġordan.” (Ġwanni 10:40) Issa jivvjaġġa lejn Ġerusalemm fin-​Nofsinhar.

Ġesù mhuwiex waħdu. Id-​dixxipli tiegħu qed jivvjaġġaw miegħu, kif ukoll “folol kbar,” li fosthom hemm kolletturi tat-​taxxi u midinbin. (Luqa 14:25; 15:1) Preżenti hemm ukoll xi Fariżej u skribi, li jikkritikaw dak li Ġesù qed jgħid u jagħmel. Għandhom ħafna fuqiex jaħsbu wara li semgħu t-​tixbihat taʼ Ġesù dwar in-​nagħġa l-​mitlufa, l-​iben il-​mitluf, u r-​raġel għani u Lazzru.—Luqa 15:2; 16:14.

Forsi peress li għad għandu f’moħħu l-​kritika u t-​tmaqdir tal-​opponenti tiegħu, Ġesù jdawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn id-​dixxipli. Hu jsemmi xi punti li għallem diġà fil-​Galilija.

Pereżempju, Ġesù jgħid: “Ma jistax ikun li ma jkunx hemm tfixkil. Madankollu, gwaj għal min iġibu t-​tfixkil! . . . Oqogħdu attenti għalikom infuskom. Jekk ħuk jidneb, widdbu, u jekk jindem, aħfirlu. Anki jekk jidneb sebaʼ darbiet kuljum kontrik u jiġi lura għandek sebaʼ darbiet u jgħidlek, ‘Nindem,’ trid taħfirlu.” (Luqa 17:1-​4) Dan il-​kumment tal-​aħħar għandu mnejn ifakkar lil Pietru fil-​mistoqsija li kien għamel dwar jekk għandux jaħfer sa sebaʼ darbiet.—Mattew 18:21.

Se jkunu jistgħu d-​dixxipli jaġixxu fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù? Meta lil Ġesù jgħidulu, “Agħtina iktar fidi,” hu jaċċertahom: “Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-​mustarda, kontu tgħidu lil din is-​siġra tat-​tut, ‘Inqalaʼ mill-​għeruq u tħawwel fil-​baħar!’ u kienet tobdikom.” (Luqa 17:5, 6) Iva, anki bi ftit fidi tistaʼ twettaq affarijiet kbar.

Ġesù issa jgħallem kemm hu importanti li wieħed ikollu ħarsa umli u bilanċjata lejh innifsu billi jgħid lill-​appostli: “Min minnkom li jkollu lsir qed jaħrat l-​għalqa jew jirgħa l-​merħla u, meta dan jidħol mill-​għalqa, jgħidlu, ‘Ejja hawnhekk minnufih u nxteħet mal-​mejda’? Jew inkella jgħidlu, ‘Lestili l-​ikla taʼ fil-​għaxija, u ilbes fardal u servini sakemm niekol u nixrob jien, u wara tkun tistaʼ tiekol u tixrob int’? Mhux se jħossu grat lejn l-​ilsir għax għamel dak li kellu jagħmel, hux hekk? Hekk intom, ukoll, meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għal xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’”—Luqa 17:7-​10.

Kull qaddej t’Alla għandu jifhem l-​importanza taʼ li jpoġġi l-​interessi t’Alla l-​ewwel f’ħajtu. Barra minn hekk, kull wieħed għandu jiftakar xi privileġġ għandu li jqim lil Alla bħala membru taʼ daru.

Milli jidher ftit wara dan, jasal messaġġier li ntbagħat minn Marija u Marta. Dawn huma ħut Lazzru, u jgħixu f’Betanja tal-​Lhudija. Il-​messaġġier jgħid: “Mulej, ara! Il-​ħabib għażiż tiegħek marid.”—Ġwanni 11:1-​3.

Għalkemm isir jaf li l-​ħabib tiegħu Lazzru hu marid ħafna, Ġesù ma jitnikkitx tant li ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Minflok, hu jgħid: “Din mhix marda li twassal għall-​mewt, imma hi għall-​glorja t’Alla, sabiex permezz tagħha l-​Iben t’Alla jiġi glorifikat.” Hu jibqaʼ fejn hu għal jumejn u mbagħad jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Ejjew nerġgħu mmorru l-​Lhudija.” Huma jipprotestaw u jgħidu: “Rabbi, il-​Lhud għadhom kif kienu qed jipprovaw iħaġġruk, u se terġaʼ tmur hemmhekk?”—Ġwanni 11:4, 7, 8.

Ġesù jwieġeb: “Il-​jum fih tnax-​il siegħa dawl, hux hekk? Jekk xi ħadd jimxi fid-​dawl tal-​jum ma jaħbat maʼ xejn, għax jara d-​dawl taʼ din id-​dinja. Imma jekk xi ħadd jimxi bil-​lejl, jaħbat maʼ xi ħaġa, għax id-​dawl mhux fih.” (Ġwanni 11: 9, 10) Milli jidher irid jgħid li għadu m’għaddiex iż-​żmien li Alla tah biex iwettaq il-​ministeru tiegħu. Sakemm jgħaddi, Ġesù għandu juża bis-​sħiħ iż-​żmien qasir li fadallu.

Ġesù jżid jgħid: “Il-​ħabib tagħna Lazzru mar jistrieħ, imma jien se mmur inqajmu mill-​irqad.” Evidentement id-​dixxipli jaħsbu li Lazzru sempliċement qed jistrieħ u xħin iqum se jħossu aħjar, allura jgħidulu: “Mulej, jekk mar jistrieħ, jgħaddilu.” Ġesù bla tlaqliq jgħidilhom: “Lazzru miet . . . Imma ejjew immorru ħdejh.”—Ġwanni 11:11-​15.

Tumas jaf li Ġesù jistaʼ jinqatel il-​Lhudija, imma xorta jrid jappoġġah, allura jħeġġeġ lid-​dixxipli sħabu: “Ejjew immorru aħna wkoll, biex immutu miegħu.”—Ġwanni 11:16.