Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 84

Kemm hi ħaġa serja li tkun dixxiplu?

Kemm hi ħaġa serja li tkun dixxiplu?

LUQA 14:25-​35

  • X’JINVOLVI LI TKUN DIXXIPLU

Ġesù għallem lezzjonijiet importanti waqt li kien qed jiekol fid-​dar taʼ mexxej tal-​Fariżej. Hekk kif Ġesù jkompli l-​vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm, folol kbar jivvjaġġaw miegħu. Għal liema raġuni? Jixtiequ huma verament ikunu s-​segwaċi veri tiegħu, minkejja dak kollu li jistaʼ jirrikjedi minnhom?

Huma u mexjin, Ġesù jgħid xi ħaġa li għandha mnejn taħsad lil xi wħud: “Jekk xi ħadd jiġi għandi u ma jobgħodx lil missieru u lil ommu u lil martu u lil uliedu u lil ħutu subien u bniet, iva, u saħansitra lil ruħu stess, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” (Luqa 14:26) Imma xi jrid ifisser b’dan il-​kliem?

Ġesù mhux qed jgħid li dawk kollha li jsiru segwaċi tiegħu għandhom letteralment jobogħdu lil qrabathom. Minflok, hu qed jgħid li jridu jobogħduhom fis-​sens li lil Ġesù għandhom iħobbuh iktar minnhom. M’għandhomx ikunu bħar-​raġel fit-​tixbiha tiegħu tal-​ikla taʼ filgħaxija li m’aċċettax stedina importanti għax kien għadu kemm iżżewweġ. (Luqa 14:20) Naqraw li Ġakobb, l-​antenat tal-​Lhud, kien ‘jobgħod’ lil Lea u jħobb lil Rakele. Dan ifisser li Lea ma kinitx maħbuba minnu daqskemm kienet oħtha Rakele.—Ġenesi 29:31; nota taʼ taħt.

Innota li Ġesù jgħid li dixxiplu għandu jobgħod “saħansitra lil ruħu stess.” Dan ifisser li dixxiplu veru jrid iħobb lil Ġesù iktar milli jħobb lil ħajtu stess, billi saħansitra jkun lest li jitlef ħajtu jekk ikun hemm bżonn. Jidher ċar li hi responsabbiltà serja li tkun dixxiplu taʼ Kristu. M’għandhiex tittieħed ħafif ħafif, mingħajr ma taħsibha sew.

Li tkun dixxiplu għandu mnejn jinvolvi li tgħaddi minn tbatija u persekuzzjoni, għax Ġesù jgħid: “Kulmin ma jġorrx iz-​zokk tat-​tortura tiegħu u ma jiġix warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.” (Luqa 14:27) Iva, dixxiplu veru taʼ Ġesù jrid ikun lest li jiffaċċja t-​tmaqdir bħalma ffaċċjah Ġesù. Hu saħansitra qal li se jinqatel mill-​għedewwa tiegħu.

Għalhekk, il-​folol li qed jivvjaġġaw maʼ Ġesù għandhom bżonn jeżaminaw bir-​reqqa xi jfisser li tkun dixxiplu taʼ Kristu. Ġesù jenfasizza dan b’tixbiha. Hu jgħid: “Per eżempju, min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jikkalkula l-​ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih? Inkella għandu mnejn iqiegħed il-​pedament imma ma jkunx jistaʼ jlestih.” (Luqa 14:28, 29) B’hekk, qabel ma jsiru dixxipli taʼ Ġesù, dawk li qed jivvjaġġaw miegħu lejn Ġerusalemm għandhom ikunu deċiżi b’mod sod li se jwettqu r-​responsabbiltà bis-​sħiħ. Dan il-​ħsieb jenfasizzah b’tixbiha oħra:

“Liema sultan, li jkun qed jimmarċja biex jiggwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-​ewwel bil-​qiegħda u jieħu parir biex jara jekk hux kapaċi b’għaxart elef suldat jiħodha maʼ dak li jiġi kontrih b’għoxrin elf? Fil-​fatt, jekk ma jistax, allura,  waqt li l-​ieħor ikun għadu ’l bogħod, hu jibgħat ġemgħa t’ambaxxaturi biex jappella għall-​paċi.” Biex jenfasizza l-​punt tiegħu, Ġesù jgħid: “B’hekk, ibqgħu ċerti li ħadd minnkom ma jistaʼ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx dak kollu li għandu.”—Luqa 14:31-​33.

M’għandniex xi ngħidu, Ġesù mhux qed jgħid dan biss għall-​folol li qed isegwuh fit-​triq. Dawk kollha li jsiru jafu dwar Kristu għandhom ikunu lesti li jagħmlu dak li qed jgħid hawnhekk. Dan ifisser li jridu jkunu lesti li jissagrifikaw kulma għandhom—saħansitra ħajjithom—biex ikunu dixxipli tiegħu. Din hi xi ħaġa li għandhom jaħsbu u jitolbu dwarha.

Issa Ġesù jsemmi xi ħaġa li semma fil-​Prietka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja meta qal li d-​dixxipli tiegħu huma “l-​melħ taʼ l-​art.” (Mattew 5:13) X’aktarx li ried ifisser li bħalma l-​melħ letterali hu preservattiv, id-​dixxipli tiegħu għandhom influwenza fuq in-​nies li tgħinhom jippreservaw ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova u jżommu l-​livelli morali għoljin. Issa, hekk kif il-​ministeru tiegħu qed jiġi fi tmiemu, hu jgħid: “Ċertament, il-​melħ hu eċċellenti. Imma jekk il-​melħ jitlef it-​togħma tiegħu, biex jitħawwar?” (Luqa 14:34) Is-​semmiegħa tiegħu jafu li ftit mill-​melħ li kien disponibbli dak iż-​żmien ma kienx pur, kien imħallat bit-​trab tal-​art u għalhekk ma kienx tajjeb biex jintuża.

Allura Ġesù qed juri li anki dawk li ilhom dixxipli tiegħu m’għandhomx iħallu d-​determinazzjoni tagħhom tiddgħajjef. Li kieku kellu jiġri dan, huma kienu jsiru bla użu, bħal melħ li jkun tilef it-​togħma tiegħu. Id-​dinja mbagħad għandha mnejn twaqqagħhom għaċ-​ċajt. Iżjed minn hekk, ma jkunu jiswew għalxejn f’għajnejn Alla, billi saħansitra jġibu tmaqdir fuq ismu. Ġesù jenfasizza l-​importanza taʼ li jevitaw dan billi jgħid: “Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”—Luqa 14:35.