Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 95

Jgħallem dwar id-divorzju u l-imħabba għat-tfal

Jgħallem dwar id-divorzju u l-imħabba għat-tfal

MATTEW 19:1-​15 MARKU 10:1-​16 LUQA 18:15-​17

  • ĠESÙ JGĦID X’INHI L-​ĦARSA T’ALLA LEJN ID-​DIVORZJU

  • L-​GĦOTJA TAʼ LI MA TIŻŻEWWIĠX

  • IL-​BŻONN LI NKUNU BĦAL TFAL ĊKEJKNIN

Mill-​Galilija, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jaqsmu x-​Xmara Ġordan u jgħaddu mill-​Perija fin-​Nofsinhar. L-​aħħar darba li Ġesù kien il-​Perija, hu kien qal lill-​Fariżej x’inhi l-​ħarsa t’Alla lejn id-​divorzju. (Luqa 16:18) Issa jerġgħu jqajmu dan is-​suġġett biex jittestjaw lil Ġesù.

Mosè kiteb li raġel setaʼ jiddivorzja lil martu jekk isib “xi ħaġa indeċenti min-​naħa tagħha.” (Dewteronomju 24:1) Hemm opinjonijiet differenti dwar x’jistaʼ jitqies bħala bażi għal divorzju. Xi wħud jemmnu li jistgħu jiddivorzjaw anki minħabba kwistjonijiet żgħar. Allura l-​Fariżej jistaqsu: “Skond il-​liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lil martu għal kwalunkwe raġuni?”—Mattew 19:3.

Minflok ma jipprova jintgħoġob mill-​bnedmin, Ġesù bis-​sengħa jirreferi għal x’kien l-​iskop t’Alla rigward iż-​żwieġ. “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:4-​6) Meta Alla stabbilixxa ż-​żwieġ bejn Adam u Eva, hu m’għamilx xi arranġament biex ikunu jistgħu jtemmu ż-​żwieġ tagħhom.

Dak li jgħid Ġesù ma jdoqqx għal widnejn il-​Fariżej għalhekk jistaqsuh: “Allura Mosè għala ordna li wieħed jagħtiha ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha?” (Mattew 19:7) Ġesù jgħidilhom: “Kien minħabba l-​ebusija taʼ qalbkom li Mosè ċedielkom li tiddivorzjaw lin-​nisa tagħkom, imma dan ma kienx hekk mill-​bidu.” (Mattew 19:8) Dan “il-​bidu” ma kienx fi żmien Mosè; kien meta Alla oriġina ż-​żwieġ fl-​Għeden.

Imbagħad Ġesù jgħidilhom verità importanti: “Jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína [bil-​Grieg, pornea], u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” (Mattew 19:9) B’hekk, l-​immoralità sesswali hi l-​unika bażi Skritturali għal divorzju.

Id-​dixxipli jitqanqlu jgħidu: “Jekk din hi s-​sitwazzjoni taʼ raġel maʼ martu, ma jaqbillekx tiżżewweġ.” (Mattew 19:10) Jidher ċar li min ikun qed jaħseb għaż-​żwieġ għandu jikkunsidrah bħala xi ħaġa permanenti!

Rigward li wieħed ma jiżżewwiġx, Ġesù jispjega li xi wħud jitwieldu ewnuċi u oħrajn jintgħamlu ewnuċi, allura ma jkunx jistaʼ jkollhom relazzjonijiet sesswali. Jerġaʼ hemm oħrajn li jrażżnu x-​xewqa tagħhom li jgawdu relazzjonijiet sesswali. Dan jagħmluh sabiex jiffokaw iktar fuq affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-​Saltna. Ġesù jħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu: “Min jistaʼ, ħa jagħmel il-​wisaʼ għal dan,” jiġifieri li jibqaʼ ma jiżżewwiġx.—Mattew 19:12.

In-​nies issa jibdew iġibu lit-​tfal ċkejknin tagħhom għand Ġesù. Madankollu, id-​dixxipli jċanfru lin-​nies, x’aktarx għax ma jriduhomx idejqu lil Ġesù. Xħin jara dan, Ġesù ma jiħux pjaċir u jgħidilhom: “Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-​saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom. Tassew ngħidilkom, Kulmin ma jilqax is-​saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur ma jidħolx fiha.”—Marku 10:14, 15; Luqa 18:15.

X’lezzjoni mill-​aħjar! Biex nilqgħu s-​Saltna t’Alla, irridu nkunu ġwejdin u lesti li nitgħallmu, bħal tfal żgħar. Ġesù issa juri kemm iħobb lit-​tfal ċkejknin billi jħaddanhom miegħu u jberikhom. U hu għandu mħabba tenera bħal din għal dawk kollha li ‘jilqgħu s-​saltna t’Alla bħal tifel żgħir.’—Luqa 18:17.