Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 90

“L-irxoxt u l-ħajja”

“L-irxoxt u l-ħajja”

ĠWANNI 11:17-​37

  • ĠESÙ JASAL WARA L-​MEWT TAʼ LAZZRU

  • “L-​IRXOXT U L-​ĦAJJA”

Ġesù jitlaq mill-​Perija u jasal viċin Betanja, raħal li jinsab xi tliet kilometri lejn il-​Lvant taʼ Ġerusalemm. Marija u Marta, ħut Lazzru, qed jibku t-​telfa taʼ ħuhom, u għalhekk ġew ħafna nies biex ifarrġuhom.

Imbagħad xi ħadd jgħid lil Marija li Ġesù kien riesaq lejhom, u allura hi toħroġ tiltaqaʼ miegħu. Marta tgħid lil Ġesù dak li hi u oħtha x’aktarx ilhom jaħsbu erbat ijiem: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Madankollu, m’għandhiex qalbha maqtugħa. Marta tgħid: “Naf li anki issa kulma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” (Ġwanni 11:21, 22) Hi tħoss li Ġesù xorta forsi jistaʼ jgħin lil ħuha.

Ġesù jwiġibha: “Ħuk iqum.” Marta tikkonkludi li hu qed jirreferi għal irxoxt fil-​futur fuq l-​art, it-​tama li kellu Abraham u oħrajn. U bi kliemha turi li temmen li dan se jseħħ żgur: “Naf li jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.”—Ġwanni 11:23, 24.

Iżda, jistaʼ jkun li Ġesù jistaʼ jagħmel xi ħaġa issa stess f’dan il-​każ? Hu jfakkar lil Marta li Alla tah il-​qawwa fuq il-​mewt billi jgħidilha: “Min jeżerċita l-​fidi fija, avolja jmut, se jieħu l-​ħajja; u kulmin qed jgħix u jeżerċita l-​fidi fija ma jmut qatt.”—Ġwanni 11:25, 26.

Ġesù mhux qed jagħti x’jifhem li d-​dixxipli tiegħu li qed ikellem dak il-​ħin qatt mhu se jmutu. Anki hu se jmut, kif kien qal lill-​appostli tiegħu. (Mattew 16:21; 17:22, 23) Ġesù qed jenfasizza li wieħed jistaʼ jkollu l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem jekk jeżerċita l-​fidi fih. Għal ħafna, din il-​ħajja se tinkiseb permezz taʼ rxoxt. Madankollu, dawk leali li jkunu għadhom ħajjin fl-​aħħar taʼ din is-​sistema għandhom mnejn ma jmutu qatt. Ikun xi jkun il-​każ, kull min jeżerċita l-​fidi fih jistaʼ jkun ċert li qatt mhu se jmut b’mod permanenti.

Imma jistaʼ Ġesù, li għadu kemm qal, “Jien l-​irxoxt u l-​ħajja,” jgħin lil Lazzru, peress li issa ilu mejjet ġranet sħaħ? Ġesù jistaqsi lil Marta: “Temmnu dan?” Hi twieġbu: “Iva, Mulej; jien nemmen li int il-​Kristu, l-​Iben t’Alla, Dak li ġie fid-​dinja.” B’fidi li Ġesù jistaʼ jagħmel xi ħaġa dakinhar stess, Marta titlaq tiġri lejn id-​dar u tgħid lil oħtha bil-​moħbi: “L-​Għalliem qiegħed preżenti hawnhekk u qed isejjaħlek.” (Ġwanni 11:25-​28) Xħin tismaʼ hekk, Marija titlaq mid-​dar u ma jdumux ma jsegwuha oħrajn, li jaħsbu li sejra ħdejn il-​qabar taʼ Lazzru.

Minflok, Marija tmur għand Ġesù, tinxteħet f’riġlejh tibki, u tirripeti dak li qalet oħtha: “Mulej, kieku kont hawnhekk ħija ma kienx imut.” Imqanqal minħabba li jara lil Marija u l-​folol jibku, Ġesù jitniehed, jitnikket, u saħansitra jaqbiżlu d-​dmugħ. Dan imiss qalb dawk kollha li qed jarawh. Imma xi wħud jistaqsu: ‘Jekk Ġesù kellu l-​ħila jfejjaq raġel li twieled agħma, ma kellux il-​ħila ma jħallix lil dan imut?’—Ġwanni 11:32, 37.