Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 83

Stediniet għal ikla—⁠Alla lil min jistieden?

Stediniet għal ikla—⁠Alla lil min jistieden?

LUQA 14:7-​24

  • LEZZJONI DWAR L-​UMILTÀ

  • IL-​MISTIDNIN IĠIBU L-​ISKUŻI

Wara li fejjaq lir-​raġel li kien ibati bl-​idropsija, Ġesù għadu fid-​dar tal-​Fariżew. Ġesù jinnota li mistidnin oħrajn qed jagħżlu l-​aqwa postijiet għall-​ikla, u juża dan bħala opportunità biex jgħallem lezzjoni dwar l-​umiltà.

“Meta tkun mistieden għal festa tat-​tieġ,” jgħid Ġesù, “tintefax fl-​iktar post prominenti. Għandu mnejn dakinhar ikun ġie mistieden ukoll xi ħadd iktar distint minnek, u dak li stidinkom jiġi u jgħidlek, ‘Agħti l-​post lil dan ir-​raġel.’ U mbagħad int titlaq bil-​mistħija biex toqgħod fl-​aħħar post.”—Luqa 14:8, 9.

Ġesù mbagħad jgħid: “Meta tkun mistieden, mur oqgħod fl-​aħħar post, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itlaʼ iktar ’il fuq.’ Imbagħad int tiġi onorat quddiem il-​mistidnin l-​oħrajn kollha.” Din mhijiex sempliċement turija taʼ manjieri tajbin. Ġesù jispjega: “Għax kulmin jitgħolla jiġi umiljat u min jumilja ruħu jitgħolla.” (Luqa 14:10, 11) Iva, hu qed jinkuraġġixxi lis-​semmiegħa tiegħu biex jikkultivaw l-​umiltà.

Imbagħad Ġesù jsemmi lezzjoni oħra għall-​Fariżew li stiednu—kif iħejji ikla li verament togħġob lil Alla. “Meta tagħmel pranzu jew ikla taʼ fil-​għaxija, tistidinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek jew lil ġirien għonja. Għandu mnejn xi darba dawn ukoll jistidnuk, u b’hekk ikunu qed ipattulek. Imma meta tagħmel festa, stieden lill-​foqra, lill-​magħtubin, liz-​zopop, lill-​għomja; u tkun hieni, għax dawn m’għandhomx biex ipattulek.”—Luqa 14:12-​14.

Hija ħaġa naturali li tistieden lill-​ħbieb, lill-​qraba, jew lill-​ġirien għal xi ikla, u Ġesù mhux qed jgħid li dan hu ħażin. Madankollu, hu jenfasizza li meta tagħmel xi ikla għal dawk fil-​bżonn, bħall-​foqra, il-​magħtubin, jew l-​għomja, tistaʼ tiġi mbierek bil-​kbir. Ġesù jispjega lil dak li stiednu: “Jitpattielek fl-​irxoxt tan-​nies sewwa.” Wieħed mill-​mistidnin l-​oħrajn jaqbel maʼ dan u jgħid: “Hieni min jiekol il-​ħobż fis-​saltna t’Alla.” (Luqa 14:15) Hu jifhem kemm dan hu privileġġ kbir. Però, mhux kulħadd għandu dan l-​apprezzament, kif Ġesù jkompli biex juri:

“Wieħed raġel kien se jagħmel ikla kbira taʼ fil-​għaxija, u stieden lil ħafna. U . . . bagħat lill-​ilsir tiegħu biex jgħid lill-​mistidnin, ‘Ejjew, għax issa kollox lest.’ Imma lkoll kemm huma bdew iġibu l-​iskużi. L-​ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa u għandi bżonn immur naraha; nitolbok tiskużani.’ U ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames pari barrin u sejjer nipprovahom; nitolbok tiskużani.’ Jerġaʼ ieħor qallu, ‘Għadni kif iżżewwiġt mara u għal din ir-​raġuni ma nistax niġi.’”—Luqa 14:16-​20.

Dawn huma skużi fjakki! Raġel ġeneralment jeżamina xi għalqa jew annimal qabel ma jixtrih, allura mhuwiex urġenti li jmur jarah wara. It-​tielet raġel mhux qed jipprepara biex jiżżewweġ. Hu diġà żżewweġ, u għalhekk dan m’għandux iwaqqfu milli jaċċetta stedina importanti. Xħin jismaʼ dawn l-​iskużi, is-​sid irrabjat jgħid lill-​ilsir tiegħu:

“Oħroġ malajr fit-​toroq prinċipali u fl-​isqaqien tal-​belt, u ġib hawn ġew il-​foqra, il-​magħtubin, l-​għomja, u z-​zopop.” Wara li l-​ilsir jagħmel dan, xorta jkun għad hemm il-​post. Is-​sid imbagħad jgħid lill-​ilsir tiegħu: “Oħroġ fit-​toroq u fil-​mogħdijiet, u ġiegħel lin-​nies jidħlu, biex dari timtela. Għax ngħidilkom, Ħadd minn dawk li kienu mistidnin ma jduq l-​ikla tiegħi.”—Luqa 14:21-​24.

Dak li Ġesù għadu kemm irrakkonta juri tajjeb kif Alla Ġeħova dderieġa lil Ġesù Kristu jistieden lil xi individwi biex ikollhom il-​prospett li jirtu s-​Saltna tas-​smewwiet. Il-​Lhud, speċjalment il-​mexxejja reliġjużi, kienu l-​ewwel uħud li  ġew mistidnin. Il-​biċċa l-​kbira minn dawn m’aċċettawx l-​istedina matul il-​ministeru taʼ Ġesù. Imma l-​istedina mhijiex għalihom biss. Ġesù b’mod ċar qed jagħti x’jifhem li fil-​futur kien se jkun hemm it-​tieni stedina għal dawk l-​uħud umli tal-​ġens Lhudi u għall-​proseliti. Wara dan, kien se jkun hemm it-​tielet u l-​aħħar stedina għal uħud li l-​Lhud kienu jqisuhom bħala li ma jistħoqqilhomx jidhru quddiem Alla.—Atti 10:28-​48.

Iva, dak li qed jgħid Ġesù jikkonferma kemm hu minnu l-​kliem taʼ wieħed mill-​mistidnin l-​oħrajn, li qal: “Hieni min jiekol il-​ħobż fis-​saltna t’Alla.”