Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 85

Ferħ minħabba l-midneb li jindem

Ferħ minħabba l-midneb li jindem

LUQA 15:1-​10

  • IT-​TIXBIHAT TAN-​NAGĦĠA L-​MITLUFA U L-​MUNITA L-​MITLUFA

  • L-​ANĠLI FIS-​SEMA JIFIRĦU

Diversi drabi matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù enfasizza l-​importanza tal-​umiltà. (Luqa 14:8-​11) Hu ħerqan li jsib irġiel u nisa li jixtiequ jaqdu lil Alla bl-​umiltà. S’issa, xi wħud minnhom forsi għadhom magħrufin bħala midinbin.

Il-​Fariżej u l-​iskribi jinnotaw li individwi bħal dawn—nies li f’għajnejhom ma jiswew għalxejn—jinġibdu lejn Ġesù u l-​messaġġ tiegħu. Huma jgemgmu u jgħidu: “Dan ir-​raġel jilqaʼ lill-​midinbin u jiekol magħhom.” (Luqa 15:2) Il-​Fariżej u l-​iskribi jħossuhom superjuri u jittrattaw lin-​nies komuni bħal trab taħt saqajhom. Huma juru n-​nuqqas taʼ rispett li għandhom għal dawn l-​uħud billi jużaw l-​espressjoni Ebrajka amħaarets, li tfisser “nies tal-​art” biex jirreferu għalihom.

B’kuntrast, Ġesù jittratta lil kulħadd bid-​dinjità, bil-​qalb tajba, u bil-​ħniena. B’hekk, ħafna min-​nies umli, inkluż xi wħud li huma magħrufin bħala li jipprattikaw id-​dnub, huma ħerqanin li jagħtu widen lil Ġesù. Iżda Ġesù kif iħossu u kif iwieġeb għall-​kritika li qed jaqlaʼ talli qed jgħin lil dawn l-​uħud umli?

It-​tweġiba tidher ċara hekk kif jirrakkonta tixbiha li tmiss il-​qalb, simili għal waħda li qal qabel f’Kafarnahum. (Mattew 18:12-​14) Ġesù jitkellem bħallikieku l-​Fariżej huma ġusti u protetti fil-​maqjel t’Alla. B’kuntrast, hu jitkellem dwar in-​nies umli bħallikieku huma wħud li tbiegħdu u li jinsabu mitlufin. Ġesù jgħid:

“Min minnkom, li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, ma jħallix warajh lid-​disgħa u disgħin fix-​xagħri u jmur ifittex il-​mitlufa sakemm isibha? U meta jsibha jpoġġiha fuq spallejh u jifraħ. U meta jasal id-​dar isejjaħ flimkien lil ħbiebu u lill-​ġirien tiegħu u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-​nagħġa li ntilfitli.’”—Luqa 15:4-​6.

Ġesù kif japplikaha din it-​tixbiha? Hu jispjega: “Ngħidilkom li, bl-​istess mod, ikun hemm iktar ferħ fis-​sema minħabba midneb wieħed li jindem milli minħabba disgħa u disgħin bniedem sewwa li m’għandhomx bżonn jindmu.”—Luqa 15:7.

Il-​fatt li Ġesù jsemmi l-​indiema żgur li jolqot lill-​Fariżej fil-​laħam il-​ħaj. Huma jqisu lilhom infushom bħala li huma ġusti u jħossu li m’għandhomx bżonn jindmu. Meta xi wħud minnhom ikkritikaw lil Ġesù ftit snin qabel minħabba li kien qed jiekol mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin, hu wieġeb: “Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin.” (Marku 2:15-​17) Il-​Fariżej li huma ġusti f’għajnejhom stess ma jarawx  il-​bżonn li jindmu, u għalhekk ma jġibux ferħ fis-​sema. Għall-​kuntrarju, meta l-​midinbin verament jindmu jkun hemm ferħ kbir.

Biex isaħħaħ il-​punt tiegħu li l-​indiema taʼ midinbin mitlufin iġġib ferħ kbir fis-​sema, Ġesù jirrakkonta tixbiha oħra: “Liema mara li jkollha għaxar muniti taʼ drakma u titlef waħda ma tixgħelx musbieħ, tiknes darha, u tfittex bir-​reqqa sakemm issibha? U meta ssibha, issejjaħ flimkien lin-​nisa ħbieb u ġirien tagħha u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-​drakma li tlift.’”—Luqa 15:8, 9.

Ġesù japplika din it-​tixbiha b’mod simili għal kif applika t-​tixbiha tan-​nagħġa l-​mitlufa. Issa jgħid: “Bl-​istess mod, ngħidilkom, ikun hemm ferħ fost l-​anġli t’Alla minħabba midneb wieħed li jindem.”—Luqa 15:10.

Immaġina ftit, l-​anġli t’Alla juru interess kbir fl-​indiema taʼ midinbin mitlufin! Dan hu sinifikanti ħafna għax il-​midinbin li jindmu u jiksbu post fis-​Saltna t’Alla fis-​smewwiet se jkollhom pożizzjoni iktar għolja minn dik tal-​anġli nfushom! (1 Korintin 6:2, 3) Imma l-​anġli mhumiex għajjurin. Allura, aħna kif għandna nħossuna meta xi midneb idur lejn Alla niedem għalkollox?