Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 80

Ir-Ragħaj mill-Aħjar u l-imqawel tan-nagħaġ

Ir-Ragħaj mill-Aħjar u l-imqawel tan-nagħaġ

ĠWANNI 10:1-​21

  • ĠESÙ JITKELLEM DWAR IR-​RAGĦAJ MILL-​AĦJAR U L-​IMQAWEL TAN-​NAGĦAĠ

Hekk kif Ġesù jkompli jgħallem fil-​Lhudija, issa jiġbed l-​attenzjoni tas-​semmiegħa tiegħu lejn xi ħaġa li jistgħu faċilment jimmaġinawha—in-​nagħaġ u l-​imqawel tagħhom. Imma hu qed jitkellem b’tixbiha. Il-​Lhud għandhom mnejn jiftakru fi kliem David: “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn. F’mergħat iħaddru jmiddni.” (Salm 23:1, 2) F’​Salm ieħor, David għamel din l-​istedina lill-​ġens: “Ħa ninżlu għarkopptejna quddiem Ġeħova, Dak li għamilna. Għax hu Alla tagħna, u aħna l-​poplu tal-​mergħa tiegħu.” (Salm 95:6, 7) Iva, l-​Iżraelin taħt il-​Liġi kienu ilhom jitqabblu maʼ merħla nagħaġ.

Dawn in-​“nagħaġ” huma f’“maqjel” fis-​sens li twieldu taħt il-​patt tal-​Liġi Mosajka. Il-​Liġi kienet bħal ċint li żammhom separati mill-​prattiki taʼ ħsara tan-​nies li ma kinux taħt dan l-​arranġament. Madankollu, xi Iżraelin ittrattawha ħażin lill-​merħla t’Alla. Ġesù jgħid: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Min ma jidħolx fil-​maqjel tan-​nagħaġ mill-​bieb imma jitlaʼ minn xi mkien ieħor, dan ikun ħalliel u ħattâf. Imma min jidħol mill-​bieb hu r-​ragħaj tan-​nagħaġ.”—Ġwanni 10:1, 2.

In-​nies għandhom mnejn jaħsbu fi rġiel li sostnew li huma l-​Messija, jew Kristu. Dawn huma bħal ħallelin u ħattafa. In-​nies m’għandhomx isegwu lil uħud qarriqin bħal dawn. Minflok, għandhom isegwu “r-​ragħaj tan-​nagħaġ,” li dwaru Ġesù jgħid:

“Min ikun mal-​bieb jiftaħlu lil dan, u n-​nagħaġ jisimgħu leħnu, u hu jsejjaħ lin-​nagħaġ tiegħu b’isimhom u joħroġhom barra. Meta jkun ħareġ in-​nagħaġ tiegħu kollha barra, imur quddiemhom, u dawn imorru warajh għax jagħrfu leħnu. Wara barrani żgur ma jmorrux imma jaħarbu minnu, għax leħen il-​barranin ma jagħrfuhx.”—Ġwanni 10:3-​5.

Qabel, Ġwanni l-​Battista, bħal xi ħadd li jkun mal-​bieb, identifika lil Ġesù bħala dak li n-​nagħaġ simboliċi taħt il-​Liġi għandhom isegwu. U xi nagħaġ, fil-​Galilija u hawnhekk fil-​Lhudija, għarfu leħen Ġesù. Fejn kien se “joħroġhom”? U x’kien se jkun ir-​riżultat taʼ li jsegwuh? Xi wħud li qed jisimgħu din it-​tixbiha għandhom mnejn jaħsbu dwar dawn il-​mistoqsijiet, għax ‘ma jafux xi jfisser dak li qed jgħidilhom.’—Ġwanni 10:6.

Ġesù jispjega: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Jien il-​bieb tan-​nagħaġ. Dawk kollha li ġew minfloki huma ħallelin u ħattafin; imma n-​nagħaġ ma semgħuhomx. Jien il-​bieb; kulmin jidħol minni jkun salvat, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa.”—Ġwanni 10:7-​9.

Jidher ċar li Ġesù qed jintroduċi xi ħaġa ġdida. Is-​semmiegħa tiegħu jafu li hu mhuwiex il-​bieb għall-​patt tal-​Liġi, li ilu jeżisti sekli sħaħ. Allura bilfors qed jgħid li n-​nagħaġ li hu ‘joħroġ barra’ se jidħlu f’maqjel ieħor. X’se jkun ir-​riżultat?

Ġesù jkompli jispjega l-​irwol tiegħu billi jgħid: “Jien ġejt biex ikollhom il-​ħajja, ħajja bl-​abbundanza. Jien ir-​ragħaj mill-​aħjar; ir-​ragħaj mill-​aħjar jagħti ruħu għan-​nagħaġ.” (Ġwanni 10:10, 11) Qabel Ġesù kien farraġ lid-​dixxipli tiegħu b’dan il-​kliem: “Tibżgħux, merħla żgħira, għax Missierkom approva li jagħtikom is-​saltna.” (Luqa 12:32) Tabilħaqq, dawk li jifformaw il-​‘merħla ż-​żgħira’ huma l-​uħud li Ġesù se jiħodhom f’maqjel ġdid, “biex ikollhom il-​ħajja, ħajja bl-​abbundanza.” X’barka li tkun parti minn din il-​merħla!

Imma Ġesù ma jiqafx hawnhekk. Hu josserva: “Għandi nagħaġ oħrajn, li m’humiex minn dan il-​maqjel; lil dawn ukoll irrid inġibhom, u jisimgħu leħni, u jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.”  (Ġwanni 10:16) Dawn in-​“nagħaġ oħrajn” “m’humiex minn dan il-​maqjel.” Għalhekk, dawn bilfors li huma minn maqjel ieħor, differenti mill-​‘merħla ż-​żgħira’ li se tiret is-​Saltna. Dawn iż-​żewġt imqawel tan-​nagħaġ għandhom tamiet differenti. Xorta waħda, in-​nagħaġ fiż-​żewġt imqawel se jibbenefikaw mill-​irwol taʼ Ġesù. Hu jgħid: “Għalhekk iħobbni l-​Missier, għax nagħti ruħi.”—Ġwanni 10:17.

Ħafna minn dawk fil-​folla jwieġbu: “Għandu demonju u hu miġnun.” Iżda oħrajn juru li qed jinteressaw ruħhom f’dak li qed jgħid u jixtiequ jsegwu lir-​Ragħaj mill-​Aħjar. Huma jgħidu: “Dan mhux il-​kliem taʼ raġel maħkum minn demonju. Demonju ma jistax jiftaħ għajnejn l-​għomja, hux hekk?” (Ġwanni 10:20, 21) Milli jidher qed jirreferu għal meta Ġesù fejjaq lir-​raġel li twieled agħma.