Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 69

Missierhom—Abraham jew ix-Xitan?

Missierhom—Abraham jew ix-Xitan?

ĠWANNI 8:37-​59

  • IL-​LHUD ISOSTNU LI ABRAHAM HU MISSIERHOM

  • ĠESÙ EŻISTA QABEL ABRAHAM

Ġesù għadu Ġerusalemm għall-​Festa tal-​Għerejjex (jew, tat-​Tabernakli) u qed ikompli jgħallem veritajiet vitali. Xi Lhud li kienu hemmhekk kienu għadhom kemm qalulu: “Aħna wlied Abraham u qatt ma konna lsiera.” Ġesù jwieġeb: “Naf li intom ulied Abraham; imma qed tipprovaw toqtluni, għax kelmti mhix ikollha suċċess fostkom. Jien ngħid dak li rajt maʼ Missieri; u intom, fil-​fatt, tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.”—Ġwanni 8:33, 37, 38.

Il-​punt taʼ Ġesù hu sempliċi: Missieru hu differenti minn tagħhom. Peress li ma jifhmux xi jrid ifisser Ġesù, il-​Lhud jirripetu l-​istqarrija tagħhom: “Missierna hu Abraham.” (Ġwanni 8:39; Isaija 41:8) Huma letteralment id-​dixxendenti tiegħu, u allura jħossu li għandhom l-​istess fidi li kellu l-​ħabib t’Alla, Abraham.

Madankollu, Ġesù jagħti tweġiba xokkanti: “Jekk intom ulied Abraham, agħmlu l-​għemejjel t’Abraham.” Tabilħaqq, iben taʼ veru jimita lil missieru. “Imma issa qed tipprovaw toqtluni lili,” ikompli Ġesù, “bniedem li għedtilkom il-​verità li smajt mingħand Alla. Abraham m’għamlux dan.” Imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa li tikkonfondihom: “Intom tagħmlu l-​għemejjel taʼ missierkom.”—Ġwanni 8:39-​41.

Il-​Lhud xorta ma jifhmux għal min qed jgħid Ġesù. Huma jsostnu li huma wlied leġittimi billi jgħidu: “Aħna ma twilidniex miż-​żína; Missier wieħed għandna, lil Alla.” Iżda huwa Alla verament Missierhom? “Kieku Alla kien Missierkom,” jgħid Ġesù “kontu tħobbuni, għax mingħand Alla ġejt u qiegħed hawnhekk. Lanqas ma ġejt minn rajja, imma kien Hu li bagħatni.” Ġesù jistaqsi mistoqsija u jwiġibha hu stess: “Għala ma tafux x’qed ngħid? Għax kelmti ma tistgħux tisimgħuha.”—Ġwanni 8:41-​43.

Ġesù pprova juri x’inhuma l-​konsegwenzi taʼ li jiċħduh. Imma issa jgħid ċar u tond: “Intom minn missierkom ix-​Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-​xewqat taʼ missierkom.” X’tip taʼ persuna hu missierhom? Ġesù jidentifikah b’mod ċar: “Dan kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-​verità.” Ġesù jżid jgħid: “Min hu minn Alla jismaʼ l-​kliem t’Alla. Huwa għalhekk li intom ma tisimgħux, għax m’intomx minn Alla.”—Ġwanni 8:44, 47.

Din il-​kundanna tirrabjahom lil-​Lhud u jgħidu: “Mhux sewwa ngħidulek, Int Samaritan u għandek demonju?” Billi lil Ġesù jsejħulu “Samaritan,” huma qed juru li jistmerruh. Imma Ġesù jinjora t-​tmaqdir tagħhom u jgħid: “Jien m’għandix demonju, imma nonora lil Missieri, u intom tiddiżonorawni.” Nistgħu naraw kemm din hi kwistjoni serja mill-​wegħda tal-​għaġeb li jagħmel Ġesù: “Jekk xi ħadd josserva kelmti, qatt ma jara l-​mewt.” Hu ma jfissirx li l-​appostli u oħrajn li jsegwuh letteralment qatt ma se jmutu. Minflok, huma qatt ma se jaraw qerda eterna, “it-​tieni mewt,” mingħajr tama taʼ rxoxt.—Ġwanni 8:48-​51; Rivelazzjoni 21:8.

Imma l-​Lhud jieħdu kliem Ġesù b’mod letterali u jgħidu: “Issa tassew nafu li għandek demonju. Abraham miet, il-​profeti wkoll; imma int tgħid, ‘Jekk xi ħadd josserva kelmti, qatt ma jduq il-​mewt.’ M’intix akbar minn missierna Abraham li miet, hux? . . . Min taħseb li int?”—Ġwanni 8:52, 53.

Jidher ċar li Ġesù qed jindika li hu l-​Messija. Imma minflok ma jwieġeb direttament il-​mistoqsija tagħhom dwar l-​identità tiegħu, hu jgħid: “Jekk nigglorifika lili nnifsi, il-​glorja tiegħi m’hi xejn. Hu Missieri li jigglorifikani, dak li tgħidu li hu Alla tagħkom, u madankollu ma sirtux tafuh. Imma jien nafu. U kieku għedt li ma nafux kont inkun giddieb bħalkom.”—Ġwanni 8:54, 55.

 Ġesù issa jerġaʼ jirreferi għall-​eżempju tal-​missier leali tagħhom: “Missierkom Abraham feraħ ħafna bil-​prospett li jara l-​jum tiegħi, u rah u feraħ.” Iva, Abraham emmen fil-​wegħda t’Alla u ħares ’il quddiem għall-​wasla tal-​Messija. Il-​Lhud ma jemmnuhx u jgħidu: “Lanqas għad għandek ħamsin sena, u rajt lil Abraham?” Ġesù jwiġibhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Qabel m’eżista Abraham, kont neżisti.” Hu qed jirreferi għall-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem meta kien anġlu setgħan fis-​sema.—Ġwanni 8:56-​58.

Il-​Lhud, li huma inkorlati minħabba li Ġesù stqarr li għex qabel Abraham, ilestu biex iħaġġruh. Imma Ġesù jirnexxilu jitlaq qawwi u sħiħ.