ĠWANNI 10:22-​42

  • “JIEN U L-​MISSIER ĦAĠA WAĦDA”

  • ĠESÙ JIĊĦAD L-​AKKUŻA LI HU ALLA

Ġesù ġie Ġerusalemm għall-​Festa tad-​Dedikazzjoni (jew, Ħanukkah). Din il-​festa tikkommemora d-​dedikazzjoni mill-​ġdid tat-​tempju. Iktar minn seklu qabel, is-​Sultan Sirjan Antijoku IV Epifani bena artal fuq l-​artal il-​kbir fit-​tempju t’Alla. Iktar tard, ulied qassis Lhudi reġgħu ħadu lil Ġerusalemm taħt idejhom u reġgħu ddedikaw it-​tempju lil Ġeħova. Minn dakinhar ’il quddiem, bdiet tinżamm ċelebrazzjoni darba fis-​sena fil-​25 taʼ Kislew, ix-​xahar li jaqbel mal-​aħħar parti taʼ Novembru u l-​ewwel parti taʼ Diċembru.

Hija x-​xitwa, żmien il-​kesħa. Ġesù qed jimxi fit-​tempju fil-​loġġa taʼ Salamun. Hawnhekk iduruh xi Lhud u jgħidulu: “Kemm se ddum taqlgħalna ruħna? Jekk int il-​Kristu, għidilna ċar u tond.” (Ġwanni 10:22-​24) Ġesù kif se jwiġibhom? Hu jgħid: “Għedtilkom, u madankollu ma temmnux.” Ġesù ma qalilhomx direttament li hu l-​Kristu, kif qal lill-​mara Samaritana ħdejn il-​bir. (Ġwanni 4:25, 26) Imma hu rrivela l-​identità tiegħu meta qal: “Qabel m’eżista Abraham, kont neżisti.”—Ġwanni 8:58.

Ġesù jrid li n-​nies jaslu għall-​konklużjoni li hu l-​Kristu waħedhom billi jqabblu l-​għemejjel tiegħu maʼ dak li kien imbassar li l-​Kristu kien se jagħmel. Huwa għalhekk li hu drabi oħra qal lid-​dixxipli tiegħu biex ma jgħidu lil ħadd li hu l-​Messija. Imma issa lil dawn il-​Lhud aggressivi jgħidilhom ċar u tond: “L-​għemejjel li qed nagħmel f’isem Missieri, dawn jixhdu dwari. Imma intom ma temmnux.”—Ġwanni 10:25, 26.

Għala ma jemmnux li Ġesù hu l-​Kristu? Hu jgħid: “Intom ma temmnux, għax ħadd minnkom m’hu min-​nagħaġ tiegħi. In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja. U nagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem, u żgur li qatt ma jinqerdu, u ħadd ma jaħtafhomli minn idi. Dak li tani Missieri hu xi ħaġa akbar minn kull ħaġa oħra.” Ġesù mbagħad jgħidilhom kemm hu qrib taʼ Missieru billi jgħid: “Jien u l-​Missier ħaġa waħda.” (Ġwanni 10:26-​30) Ġesù qiegħed hawnhekk fuq l-​art u Missieru qiegħed fis-​sema, allura ma jistax ikun li qed jgħid li hu u Missieru letteralment huma ħaġa waħda. Minflok, huma ħaġa waħda fis-​sens li għandhom l-​istess skop u huma magħqudin.

Kliem Ġesù tant jirrabja lil-​Lhud li huma jerġgħu jaqbdu l-​ġebel biex joqtluh. Dan ma jbeżżax lil Ġesù. Hu jgħid: “Urejtkom ħafna għemejjel tajbin mingħand il-​Missier. Għal liema minn dawn l-​għemejjel tridu tħaġġruni?” Huma jwieġbu: ‘Ma rridux inħaġġruk għal xi għemil tajjeb, imma għad-​dagħa, għax int tagħmel lilek innifsek alla.’ (Ġwanni 10:31-​33) Ġesù qatt ma sostna li hu alla, allura għala jakkużawh b’dan?

Ġesù qed jgħid li hu għandu l-​qawwa li jagħmel ċerti affarijiet li l-​Lhud jemmnu li Alla biss għandu l-​qawwa jagħmilhom. Pereżempju, rigward in-​“nagħaġ” hu qal: “Nagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem,” xi ħaġa li l-​bnedmin ma jistgħux jagħmluha. (Ġwanni 10:28) Il-​Lhud qed jinjoraw il-​fatt li Ġesù ammetta bil-​miftuħ li hu ngħata l-​awtorità mingħand Missieru.

Ġesù jiċħad l-​akkuża falza tagħhom billi jistaqsi: “Fil-​Liġi tagħkom [f’​Salm 82:6] m’huwiex miktub, ‘Jien għedt: “Intom allat”’? Jekk sejjaħ ‘allat’ lil dawk li l-​kelma t’Alla kienet kontrihom . . . lili, li tqaddist mill-​Missier u ntbgħatt fid-​dinja, tgħiduli ‘Qed tidgħi,’ għax għedt, Jien l-​Iben t’Alla?”—Ġwanni 10:34-​36.

Iva, l-​Iskrittura ssejjaħ saħansitra mħallfin umani li huma inġusti “allat.” Allura dawn il-​Lhud kif jistgħu jakkużaw lil Ġesù talli qal “Jien l-​Iben t’Alla”? Hu jiġbed l-​attenzjoni lejn xi ħaġa li għandha tikkonvinċihom: “Jekk m’iniex nagħmel l-​għemejjel taʼ Missieri, temmnunix. Imma  jekk qed nagħmilhom, avolja ma temmnux lili, emmnu l-​għemejjel, sabiex issiru tafu u tkomplu tkunu tafu li l-​Missier hu f’unjoni miegħi u jien f’unjoni mal-​Missier.”—Ġwanni 10:37, 38.

Xħin jisimgħu dan, il-​Lhud jipprovaw jaħtfu lil Ġesù, imma għal darb’oħra jirnexxilu jaħrab. Hu jitlaq minn Ġerusalemm, jaqsam ix-​Xmara Ġordan, u jmur fil-​post fejn Ġwanni beda jgħammed kważi erbaʼ snin qabel. Dan milli jidher hu viċin it-​tarf tan-​Nofsinhar tal-​Baħar tal-​Galilija.

Folol jiġu għand Ġesù u jgħidu: “Ġwanni ma wettaq ebda sinjal, imma kulma qal Ġwanni dwar dan ir-​raġel kollu kien veru.” (Ġwanni 10:41) B’hekk, ħafna Lhud ipoġġu l-​fidi f’Ġesù.