Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 74

Lezzjonijiet dwar l-ospitalità u t-talb

Lezzjonijiet dwar l-ospitalità u t-talb

LUQA 10:38–11:13

  • ĠESÙ JŻUR LIL MARTA U MARIJA

  • IL-​PERSISTENZA FIT-​TALB HI VITALI

Fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Muntanja taż-​Żebbuġ, xi 3 kilometri minn Ġerusalemm, hemm ir-​raħal taʼ Betanja. (Ġwanni 11:18) Ġesù jmur hemmhekk u jidħol fid-​dar taʼ żewġ aħwa, Marta u Marija. Huma u ħuhom, Lazzru, huma ħbieb taʼ Ġesù, u jilqgħuh mill-​qalb.

Huwa unur li jiġi jżurek il-​Messija. Marta trid tagħtih l-​aħjar lil Ġesù allura tibda tħejji ikla kbira ħafna. Hekk kif Marta tkun għaddejja bix-​xogħol, oħtha, Marija, toqgħod f’riġlejn Ġesù u tisimgħu jitkellem. Wara ftit, Marta tgħid lil Ġesù: “Mulej, ma jimpurtakx int li oħti ħallietni nieħu ħsieb kollox waħdi? Għalhekk, għidilha tiġi tgħinni.”—Luqa 10:40.

Minflok ma jikkritika lil Marija, Ġesù jagħti parir lil Marta biex ma tkunx konċernata żżejjed dwar provvedimenti materjali: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet. Iżda ftit affarijiet huma meħtieġa, jew sempliċement ħaġa waħda. Min-​naħa tagħha, Marija għażlet l-​aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” (Luqa 10:41, 42) Iva, Ġesù jgħid li m’hemmx bżonn tqattaʼ ħafna ħin tipprepara ħafna ikel. Ikla sempliċi hi biżżejjed.

L-​intenzjonijiet taʼ Marta huma tajbin. Hi trid tkun ospitabbli. Imma peress li moħħha fl-​ikla qed titlef tagħlim prezzjuż mingħand l-​Iben t’Alla nnifsu! Ġesù jenfasizza li Marija għamlet deċiżjoni tajba, waħda li se tibqaʼ tkun taʼ benefiċċju għaliha tul ħajjitha. Din hi lezzjoni li aħna lkoll għandna nżommu f’moħħna.

Darba oħra, Ġesù jgħallem lezzjoni differenti imma li hi wkoll importanti. Wieħed dixxiplu jistaqsih: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-​dixxipli tiegħu.” (Luqa 11:1) Ġesù diġà kien għallem dan xi sena u nofs qabel fil-​Prietka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja. (Mattew 6:9-​13) Madankollu, dan id-​dixxiplu forsi ma kienx preżenti, allura Ġesù jirripeti l-​punti prinċipali. Imbagħad jirrakkonta tixbiha biex jenfasizza l-​bżonn li nkunu persistenti fit-​talb.

“Min minnkom ikollu ħabib u jmur għandu f’nofsillejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax għadu kif ġie għandi ħabib tiegħi li qed jivvjaġġa u m’għandi xejn xi nqiegħed quddiemu’? U dak minn ġewwa jwieġbu, ‘Tibqax iddejjaqni. Il-​bieb diġà msakkar, u wliedi ż-​żgħar qegħdin fis-​sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom, Għalkemm ma jqumx jagħtih għax hu ħabibu, żgur li għax dan jippersisti bla mistħija, iqum u jagħtih dak li għandu bżonn.”—Luqa 11:5-​8.

Ġesù mhuwiex qed jgħid li Ġeħova ma jridx iwieġeb meta nitolbuh xi ħaġa, bħal dan il-​ħabib. Minflok, hu qed juri li jekk ħabib li ma jridx iwieġeb għat-​talba tagħna jċedi għax nippersistu, ċertament li Missierna tas-​sema kollu mħabba se jwieġeb għat-​talb sinċier tal-​qaddejja leali tiegħu! Ġesù jżid jgħid: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. Għax kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.”—Luqa 11:9, 10.

Ġesù mbagħad jenfasizza l-​punt tiegħu billi jagħmel xebh maʼ missirijiet umani: “Min hu dak il-​missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Jew jekk jitolbu wkoll bajda, jagħtih skorpjun? Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Luqa 11:11-​13) X’assiguranza mill-​isbaħ li Missierna hu lest li jagħtina widen u jwieġeb għall-​bżonnijiet tagħna!