Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 72

Ġesù jibgħat 70 dixxiplu biex jippritkaw

Ġesù jibgħat 70 dixxiplu biex jippritkaw

LUQA 10:1-​24

  • ĠESÙ JAGĦŻEL 70 DIXXIPLU U JIBGĦATHOM BIEX JIPPRITKAW

Issa hu viċin l-​aħħar tas-​sena 32 WK, madwar tliet snin minn mindu tgħammed Ġesù. Hu u d-​dixxipli tiegħu reċentement kienu Ġerusalemm għall-​Festa tal-​Għerejjex u x’aktarx li għadhom fil-​viċinanzi. (Luqa 10:38; Ġwanni 11:1) Infatti, Ġesù jqattaʼ l-​biċċa l-​kbira mill-​aħħar sitt xhur tal-​ministeru tiegħu fil-​Lhudija jew in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan fid-​distrett tal-​Perija. L-​ippritkar hu meħtieġ f’dawn l-​inħawi wkoll.

Iktar kmieni, wara l-​Qbiż tas-​sena 30 WK, Ġesù qattaʼ xi xhur jipprietka fil-​Lhudija u jivvjaġġa madwar is-​Samarija. Imbagħad madwar iż-​żmien tal-​Qbiż tas-​sena 31 WK, il-​Lhud f’Ġerusalemm ipprovaw joqtluh. Fis-​sena u nofs taʼ wara, Ġesù għallem l-​iktar fit-​Tramuntana, il-​Galilija. Matul dak iż-​żmien, ħafna saru segwaċi tiegħu. Fil-​Galilija, Ġesù ħarreġ lill-​appostli tiegħu u mbagħad bagħathom b’din l-​istruzzjoni: “Ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’” (Mattew 10:5-​7) Issa jorganizza kampanja taʼ ppritkar fil-​Lhudija.

Biex jibda din il-​kampanja, Ġesù jagħżel 70 dixxiplu u jibgħathom tnejn tnejn. B’hekk, hemm 35 par jippritkaw dwar is-​Saltna fit-​territorju, fejn “il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema ftit.” (Luqa 10:2) Huma għandhom imorru minn qabel f’postijiet fejn forsi ħa jmur Ġesù. Is-​70 għandhom ifejqu lill-​morda u jaqsmu l-​istess messaġġ li kien qed ixandar Ġesù.

Dawn id-​dixxipli m’għandhomx jiffokaw fuq li jgħallmu fis-​sinagogi. Ġesù jgħidilhom biex imorru fid-​djar tan-​nies. “Kulfejn tidħlu f’xi dar,” hu jgħidilhom, “l-​ewwel għidu, ‘Jalla jkollha l-​paċi din id-​dar!’ U jekk ikun hemm ħabib tal-​paċi, il-​paċi tagħkom tibqaʼ fuqu.” X’għandu jkun il-​messaġġ tagħhom? Ġesù jgħid: “Għidulhom, ‘Is-​saltna t’Alla qorbot lejkom.’”—Luqa 10:5-​9.

L-​istruzzjonijiet li Ġesù jagħti lis-​70 huma simili għal dawk li ta lit-​12-​il appostlu meta bagħathom jippritkaw madwar sena qabel. Hu jwissihom li mhux kulħadd se jilqagħhom tajjeb. Imma l-​isforzi tagħhom se jħejju lil dawk interessati biex meta jasal Ġesù ftit wara, ħafna jkunu ħerqanin biex jiltaqgħu mas-​Sid u jitgħallmu minnu.

Il-​35 par ma jdumux ma jirritornaw lura għand Ġesù. Dawn il-​predikaturi tas-​Saltna b’ferħ jgħidulu: “Mulej, anki d-​demonji jintgħamlu sottomessi lejna f’ismek.” Dan ir-​rapport tajjeb żgur li jferrħu ħafna lil Ġesù, għax jgħid: “Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-​sema. Ara! Tajtkom l-​awtorità li tgħaffġu taħt saqajkom sriep u skorpjuni.”—Luqa 10:17-​19.

B’hekk, Ġesù jaċċerta lis-​segwaċi tiegħu li  se jkunu jistgħu jegħlbu affarijiet li jagħmlu l-​ħsara, billi b’mod simboliku jgħaffġu taħt saqajhom sriep u skorpjuni. Barra minn hekk, jistgħu jkunu ċerti li fil-​futur Satana se jaqaʼ mis-​sema. Ukoll, Ġesù jgħin lis-​70 biex jaraw x’inhu verament importanti. Hu jgħid: “Tifirħux b’dan, li l-​ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-​smewwiet.”—Luqa 10:20.

Ġesù tgħidx kemm jifraħ u jfaħħar lil Missieru pubblikament talli juża lil dawn il-​qaddejja umli tiegħu b’mod tant setgħan. Hu jdur lejn id-​dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Henjin l-​għajnejn li jaraw dak li qed taraw intom. Għax ngħidilkom, Ħafna profeti u slaten xtaqu jaraw dak li qed taraw intom imma ma rawhx, u jisimgħu dak li qed tisimgħu intom imma ma semgħuhx.”—Luqa 10:23, 24.