Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 66

F’Ġerusalemm għall-Festa tal-Għerejjex

F’Ġerusalemm għall-Festa tal-Għerejjex

ĠWANNI 7:11-​32

  • ĠESÙ JGĦALLEM FIT-​TEMPJU

Ġesù sar magħruf sew matul is-​snin minn mindu tgħammed. Eluf taʼ Lhud raw il-​mirakli tiegħu, u rapporti dwar l-​għemejjel li għamel inxterdu mal-​art kollha. Issa, fil-​Festa tal-​Għerejjex (jew, tat-​Tabernakli) f’Ġerusalemm, ħafna qed ifittxuh.

Hemm diversi opinjonijiet dwar Ġesù. Xi wħud jgħidu: “Hu raġel tajjeb.” Oħrajn jgħidu: “M’huwiex, imma qed iqarraq bil-​folla.” (Ġwanni 7:12) Ħafna minn dan id-​diskors minn taħt iseħħ waqt l-​ewwel ftit jiem tal-​festa. Iżda ħadd m’għandu l-​kuraġġ jiddefendi lil Ġesù fil-​beraħ għax ilkoll jibżgħu mir-​reazzjoni tal-​mexxejja Lhud.

F’nofs il-​festa, Ġesù jmur fit-​tempju. Ħafna min-​nies jibqgħu mbellhin bl-​abbiltà meraviljuża li għandu biex jgħallem. Hu qatt ma mar fi skejjel reliġjużi, allura l-​Lhud jistaqsu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan ir-​raġel kif għandu dan l-​għarfien u t-​tagħlim kollu, meta ma studjax fl-​iskejjel?”—Ġwanni 7:15.

“Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi,” jispjega Ġesù, “imma taʼ dak li bagħatni. Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel ir-​rieda Tiegħu, ikun jaf jekk it-​tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex nitkellem minni nnifsi.” (Ġwanni 7:16, 17) It-​tagħlim taʼ Ġesù hu fi qbil mal-​Liġi t’Alla, allura għandu jkun ovvju li qed ifittex il-​glorja t’Alla, u mhux tiegħu nnifsu.

Imbagħad Ġesù jgħid: “Mhux Mosè takom il-​Liġi? Imma ħadd minnkom ma jobdiha l-​Liġi. Għala qed tipprovaw toqtluni?” Xi wħud fil-​folla, x’aktarx viżitaturi minn barra l-​belt, ma jafux li qed isiru dawn l-​attentati. Huma ma jistgħux jemmnu li xi ħadd jixtieq joqtol għalliem bħal dan. Għalhekk, huma jikkonkludu li Ġesù bilfors għandu xi ħaġa ħażina biex qed jgħid hekk. Huma jgħidu: “Int għandek demonju. Min qed jipprova joqtlok?”—Ġwanni 7:19, 20.

Fil-​fatt, sena u nofs qabel, il-​mexxejja Lhud riedu joqtlu lil Ġesù wara li kien fejjaq lil wieħed raġel fis-​Sabat. Ġesù issa juża rraġunar li jqanqal il-​ħsieb u li jikxef kemm dawn mhumiex raġunevoli. Hu jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li skont il-​Liġi, tarbija tifel għandu jiġi ċirkonċiż fit-​tmien jum, anki jekk dan ikun is-​Sabat. Imbagħad jistaqsi: “Jekk raġel issirlu ċ-​ċirkonċiżjoni fis-​Sabat sabiex ma tinkisirx il-​liġi taʼ Mosè, għala intom irrabjati bl-​aħrax għalija għax fejjaqt għalkollox lil wieħed raġel fis-​Sabat? Tibqgħux tiġġudikaw fuq dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’ġudizzju ġust.”—Ġwanni 7:23, 24.

Residenti taʼ Ġerusalemm li jafu bis-​sitwazzjoni jgħidu: “Dan m’huwiex ir-​raġel li [l-​ħakkiema] qed ifittxuh biex joqtluh? Iżda, ara! Qed jitkellem fil-​pubbliku, u m’huma jgħidulu xejn. Il-​ħakkiema ma sarux jafu fiċ-​ċert li dan hu l-​Kristu, hux hekk?” Allura, in-​nies għala ma jemmnux li Ġesù hu l-​Kristu? “Aħna nafu minfejn hu dan ir-​raġel; iżda meta jiġi l-​Kristu, ħadd m’għandu jkun jaf minfejn hu,” jgħidu huma.—Ġwanni 7:25-​27.

Hemmhekk stess fit-​tempju, Ġesù jwieġeb: “Intom tafu kemm lili u kemm minfejn jien. Ukoll, jien ma ġejtx minn rajja, imma dak li bagħatni jeżisti tassew, u intom ma tafuhx. Jien nafu, għax jien rappreżentant tiegħu, u Hu bagħatni.” (Ġwanni 7:28, 29) Bħala reazzjoni għal din l-​istqarrija ċara, ikun hemm attentat biex jaqbdu lil Ġesù, biex jew jitfgħuh il-​ħabs jew inkella joqtluh. Madankollu, l-​attentat ma jirnexxix għax għadu mhuwiex il-​waqt biex Ġesù jmut.

Iżda ħafna xorta jpoġġu fidi f’Ġesù, kif fuq kollox għandu jkun. Hu mexa fuq l-​ilma, ikkalma  l-​irwiefen, b’mod mirakoluż temaʼ lil eluf bi ftit ħobż u ħut, fejjaq lill-​morda, għamel iz-​zopop jimxu, fetaħ għajnejn l-​għomja, fejjaq lill-​imġiddmin, u saħansitra qajjem lill-​mejtin. Iva, mhux taʼ b’xejn jistaqsu: “Meta jasal il-​Kristu mhux se jwettaq iktar sinjali milli wettaq dan ir-​raġel, hux hekk?”—Ġwanni 7:31.

Meta l-​Fariżej jisimgħu lill-​folla tgħid dawn l-​affarijiet, huma u l-​qassisin ewlenin jibagħtu lil xi uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù.