Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 43

Tixbihat dwar is-Saltna

Tixbihat dwar is-Saltna

MATTEW 13:1-​53 MARKU 4:1-​34 LUQA 8:4-​18

  • ĠESÙ JAGĦTI TIXBIHAT DWAR IS-​SALTNA

Milli jidher Ġesù qiegħed Kafarnahum meta jċanfar lill-​Fariżej. Iktar tard dakinhar, hu jitlaq mid-​dar u jimxi sa ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija li qiegħed fil-​viċin, u hemmhekk jinġabru l-​folol. Ġesù jitlaʼ f’dgħajsa, jaqlaʼ ftit ’il barra mix-​xatt, u jibda jgħallem lin-​nies dwar is-​Saltna tas-​smewwiet. Dan jagħmlu permezz taʼ għadd taʼ tixbihat, jew parabboli. Is-​semmiegħa tiegħu huma familjari maʼ ħafna mill-​affarijiet li jsemmi Ġesù, u għalhekk hu iktar faċli għalihom biex jifhmu diversi aspetti tas-​Saltna.

L-​ewwel, Ġesù jitkellem dwar wieħed li jiżraʼ ż-​żerriegħa. Xi żrieragħ jaqgħu fil-​ġenb tat-​triq u jittieklu mill-​għasafar. Żrieragħ oħrajn jaqgħu fuq il-​blat fejn ma tantx hemm ħamrija. L-​għeruq ma jistgħux jinżlu fil-​fond, u l-​pjanti li jikbru jinħarqu bix-​xemx u jidbielu. Jerġaʼ żrieragħ oħrajn jaqgħu qalb ix-​xewk, li joħnoq il-​pjanti meta jinbtu. Fl-​aħħar, xi żrieragħ jaqgħu f’ħamrija tajba. Dawn iż-​żrieragħ jipproduċu frott, min mitt darba, min sittin, u min tletin.—Mattew 13:8.

F’tixbiha oħra, Ġesù jqabbel is-​Saltna maʼ raġel li jiżraʼ ż-​żerriegħa. F’dan il-​każ, kemm jekk ir-​raġel ikun rieqed u kemm jekk ikun imqajjem, iż-​żrieragħ jikbru. U dan “bla ma jaf kif.” (Marku 4:27) Jikbru waħedhom u jipproduċu qamħ, li hu jistaʼ jaħsad.

Ġesù mbagħad jirrakkonta tixbiha oħra dwar iż-​żrigħ. Wieħed raġel jiżraʼ żerriegħa tajba, imma “waqt li n-​nies kienu reqdin,” għadu tiegħu jiżraʼ s-​sikrana qalb il-​qamħ. L-​ilsiera tar-​raġel jistaqsu jekk għandhomx jaqilgħu s-​sikrana. Hu jwieġeb: “Le; li ma tmorrux, waqt li  qegħdin tiġbru s-​sikrana, taqilgħu l-​qamħ ukoll. Ħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad; u fi żmien il-​ħsad ngħid lill-​ħassada, Iġbru l-​ewwel is-​sikrana u orbtuha f’qatet biex taħarquha, imbagħad morru iġbru l-​qamħ fil-​maħżen tiegħi.”—Mattew 13:24-​30.

Ħafna minn dawk li qed jisimgħu lil Ġesù jifhmu fil-​biedja. Hu jsemmi wkoll xi ħaġa oħra li hi komuni, iż-​żerriegħa ċkejkna tal-​mustarda. Din tikber u ssir siġra tant kbira li l-​għasafar jistgħu joqogħdu fil-​friegħi tagħha. Dwar din iż-​żerriegħa, hu jgħid: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal żerriegħa tal-​mustarda li wieħed raġel ħa u żeraʼ fl-​għalqa tiegħu.” (Mattew 13:31) Madankollu, Ġesù mhuwiex qed jgħallem dwar il-​pjanti u s-​siġar. Hu qed jagħti tixbiha dwar tkabbir tal-​għaġeb, kif xi ħaġa żgħira ferm tistaʼ tikber jew tespandi u ssir xi ħaġa kbira ħafna.

Imbagħad Ġesù juża proċess li hu familjari maʼ ħafna mis-​semmiegħa tiegħu. Hu jxebbah is-​Saltna tas-​smewwiet maʼ “ħmira li waħda mara ħadet u ħalltet maʼ tliet seat dqiq.” (Mattew 13:33) Għalkemm din il-​ħmira ma tidhirx, hi tinfirex mal-​għaġna kollha u ġġegħelha togħla. Din tipproduċi tkabbir u bidliet kbar li ma jidhrux mill-​ewwel.

Wara li jgħid dawn it-​tixbihat, Ġesù jgħid lill-​folol biex jitilqu u hu jmur lura d-​dar fejn qed joqgħod. Id-​dixxipli tiegħu ma jdumux ma jmorru għandu għax iridu jifhmu xi jfissru t-​tixbihat li qal.

JIBBENEFIKAW MIT-​TIXBIHAT TAʼ ĠESÙ

Id-​dixxipli ġieli semgħu lil Ġesù juża t-​tixbihat, imma qatt ma semgħuh juża daqstant fl-​istess ħin. Huma jistaqsuh: “Għala tkellimhom bit-​tixbihat?”—Mattew 13:10.

Raġuni waħda għala jagħmel hekk hi biex iwettaq il-​profezija tal-​Bibbja. Ir-​rakkont taʼ Mattew jgħid: “Ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha; sabiex iseħħ dak li ntqal permezz tal-​profeta: ‘Se niftaħ fommi bit-​tixbihat, inxandar affarijiet moħbijin sa mit-​tisjis [jiġifieri, mill-​bidu] tad-​dinja.’”—Mattew 13:34, 35; Salm 78:2.

Imma Ġesù ma jużax it-​tixbihat għalhekk biss. Dawn jikxfu l-​attitudni tan-​nies. Ħafna minnhom juru interess f’Ġesù sempliċement għax iqisuh bħala wieħed li jaf jgħid stejjer sbieħ u jagħmel il-​mirakli. Ma jarawhx bħala xi ħadd li għandhom jobduh bħala l-​Mulej u li għandhom isegwuh bla egoiżmu. (Luqa 6:46, 47) Huma ma jridux ibiddlu l-​opinjonijiet jew il-​prattiki tagħhom. Le, ma jridux li l-​messaġġ jinżel f’qalbhom.

Ġesù jwieġeb il-​mistoqsija tad-​dixxipli billi jgħid: “Huwa għalhekk li nkellimhom bit-​tixbihat, għax, meta jħarsu, iħarsu għalxejn, u meta jisimgħu, jisimgħu għalxejn, u lanqas jifhmu; u dwarhom qed titwettaq il-​profezija taʼ Isaija li tgħid, ‘. . . Qalb dan il-​poplu ma tqanqlitx.’”—Mattew 13:13-​15; Isaija 6:9, 10.

Iżda dan ma japplikax għal dawk kollha li qed jisimgħu lil Ġesù. Hu jispjega: “Henjin għajnejkom għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu. Għax tassew ngħidilkom, Ħafna profeti u nies sewwa xtaqu jaraw l-​affarijiet li qed taraw intom u ma rawhomx, u jisimgħu l-​affarijiet li qed tisimgħu intom u ma semgħuhomx.”—Mattew 13:16, 17.

Iva, it-​12-​il appostlu u dixxipli leali oħrajn għandhom qlub lesti li jaċċettaw il-​messaġġ. Għaldaqstant, Ġesù jgħid: “Lilkom hu mogħti li tifhmu s-​sigrieti sagri tas-​saltna tas-​smewwiet,  imma lilhom le.” (Mattew 13:11) Minħabba x-​xewqa sinċiera tagħhom biex jifhmu, Ġesù jagħti lid-​dixxipli tiegħu spjegazzjoni tat-​tixbiha taʼ dak li jiżraʼ.

“Iż-​żerriegħa hi l-​kelma t’Alla,” jgħid Ġesù. (Luqa 8:11) U l-​ħamrija hi l-​qalb. Dan hu importanti biex dak li jkun jifhem it-​tixbiha tiegħu.

Dwar iż-​żerriegħa miżrugħa fil-​ħamrija fil-​ġenb tat-​triq, hu jispjega: “Jiġi x-​Xitan u jiħdilhom il-​kelma minn qlubhom biex ma jemmnux u jiġu salvati.” (Luqa 8:12) Rigward iż-​żerriegħa miżrugħa fuq il-​blat, Ġesù qed jirreferi għall-​qlub tan-​nies li jilqgħu l-​kelma bil-​ferħ imma l-​kelma ma tniżżilx l-​għeruq fil-​fond taʼ qalbhom. “Meta tqum xi tribulazzjoni jew xi persekuzzjoni minħabba l-​kelma,” huma jitfixklu. Iva, meta jiġi “żmien taʼ prova,” forsi xi oppożizzjoni minn membri tal-​familja jew oħrajn, huma jaqgħu.—Mattew 13:21; Luqa 8:13.

Xi ngħidu għaż-​żerriegħa li taqaʼ qalb ix-​xewk? Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu li dan jirreferi għan-​nies li semgħu l-​kelma. Madankollu, dawn jiġu megħlubin mill-​“ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi.” (Mattew 13:22) Huma kellhom il-​kelma f’qalbhom, imma issa nħonqot u ma tagħmilx frott.

L-​aħħar tip taʼ ħamrija li Ġesù jitkellem dwaru hu l-​ħamrija t-​tajba. Din tirreferi għal dawk li jisimgħu l-​kelma u jaċċettawha f’qalbhom, billi verament jifhmu s-​sens tagħha. X’inhu r-​riżultat? Huma “jagħtu l-​frott.” Minħabba ċ-​ċirkustanzi tagħhom, bħall-​età u s-​saħħa, mhux kulħadd jistaʼ jagħmel l-​istess; wieħed jipproduċi 100 darba, ieħor 60 darba, u ieħor 30 darba. Iva, “dawk li, wara li jisimgħu l-​kelma b’qalb nobbli u tajba, iżommuha u jagħtu l-​frott bis-​sabar,” igawdu l-​barkiet hekk kif jaqdu lil Alla.—Luqa 8:15.

 Dan il-​kliem żgur jimpressjona b’mod partikulari lid-​dixxipli li marru għand Ġesù biex jispjegalhom it-​tagħlim tiegħu. Issa huma m’għandhomx biss fehma taʼ fuq fuq tat-​tixbihat. Ġesù jridhom jifhmu t-​tixbihat tiegħu ħalli huma, min-​naħa tagħhom, ikunu jistgħu jaqsmu l-​verità m’oħrajn. “Il-​musbieħ ma jġibuhx biex iqegħduh taħt qoffa jew taħt sodda, hux hekk?” hu jistaqsi. “Iġibuh biex iqegħduh fuq gandlier, mhux hekk?” B’hekk, Ġesù jagħti dan il-​parir: “Kulmin għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ.”—Marku 4:21-​23.

IMBERKIN B’IKTAR TAGĦLIM

Wara li jisimgħu l-​ispjegazzjoni taʼ Ġesù tat-​tixbiha taʼ dak li jiżraʼ, id-​dixxipli jridu jitgħallmu iktar. “Fissrilna,” jitolbuh huma, “it-​tixbiha tas-​sikrana fl-​għalqa.”—Mattew 13:36.

Billi jagħmlu din it-​talba, huma juru attitudni differenti mhux ħażin minn dik tal-​kumplament tal-​folla max-​xatt. Milli jidher, dawk in-​nies jisimgħu imma m’għandhomx ix-​xewqa li jitgħallmu xi jfissru t-​tixbihat u kif għandhom jiġu applikati. Huma sodisfatti li sempliċement jisimgħu r-​rakkonti tat-​tixbihat. Ġesù jagħmel kuntrast bejn l-​udjenza max-​xatt u bejn id-​dixxipli kurjużi tiegħu li ġew għandu biex jitgħallmu iktar billi jgħid:

“Oqogħdu attenti x’qed tisimgħu. Bil-​kejl li qed tkejlu intom, se jitkejlilkom, iva, iktar se jiżdidilkom.” (Marku 4:24) Id-​dixxipli qed joqogħdu attenti għal dak li qed jgħidilhom. Huma qed juru interess f’Ġesù u jagħtuh attenzjoni, allura qed jiġu mberkin b’iktar tagħlim u iktar informazzjoni. B’hekk, Ġesù jwieġeb it-​talba tad-​dixxipli tiegħu dwar it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana billi jispjega:

“Dak li żeraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba hu Bin il-​bniedem; l-​għalqa hi d-​dinja; iż-​żerriegħa t-​tajba hi wlied is-​saltna; imma s-​sikrana hi wlied il-​Ħażin, u l-​għadu li żeragħha hu x-​Xitan. Il-​ħsad hu l-​konklużjoni taʼ sistema, u l-​ħassada huma l-​anġli.”—Mattew 13:37-​39.

Wara li jidentifika kull aspett tat-​tixbiha tiegħu, Ġesù jiddeskrivi r-​riżultat. Hu jgħid li fil-​konklużjoni tas-​sistema, il-​ħassada, jew l-​anġli, se jifirdu lil dawk it-​taparsi Kristjani li huma bħas-​sikrana mill-​ulied veri tas-​Saltna. “In-​nies sewwa” se jinġabru u eventwalment se jiddu “fis-​saltna taʼ Missierhom.” U xi ngħidu għal “ulied il-​Ħażin”? It-​tmiem għalihom se jkun qerda, mhux taʼ b’xejn li “se jibku u jgħażżu snienhom.”—Mattew 13:41-​43.

Ġesù mbagħad ibierek lid-​dixxipli tiegħu bi tliet tixbihat oħra. L-​ewwel, hu jgħid: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa li sabu wieħed raġel u ħbieh; u tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-​għalqa.”—Mattew 13:44.

 Hu jkompli: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal merkant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​isbaħ. Meta sab perla waħda taʼ valur kbir telaq u minnufih biegħ kulma kellu u xtraha.”—Mattew 13:45, 46.

F’dawn iż-​żewġ tixbihat, Ġesù jenfasizza l-​fatt li individwu jkun lest li jagħmel sagrifiċċji għal dak li verament hu taʼ valur. Il-​merkant mill-​ewwel ibigħ ‘kulma għandu’ biex jixtri perla waħda taʼ valur kbir. Id-​dixxipli taʼ Ġesù jistgħu jifhmu dan l-​eżempju rigward perla prezzjuża. U r-​raġel li jsib teżor moħbi f’għalqa “jbigħ kulma għandu” biex jixtri l-​għalqa. Fiż-​żewġ każijiet, hemm xi ħaġa taʼ valur, xi ħaġa li jistgħu jakkwistawha u jgħożżuha. Dan jistaʼ jitqabbel mas-​sagrifiċċji li wieħed jagħmel biex jissodisfa l-​bżonn spiritwali tiegħu. (Mattew 5:3) Xi wħud minn dawk li qed jisimgħu lil Ġesù jgħid dawn it-​tixbihat diġà wrew li huma lesti jagħmlu sforzi kbar biex jissodisfaw il-​bżonn spiritwali tagħhom u biex ikunu s-​segwaċi veri tiegħu.—Mattew 4:19, 20; 19:27.

Fl-​aħħar, Ġesù jxebbah is-​Saltna tas-​smewwiet maʼ xibka kbira li tiġbor fiha ħut taʼ kull xorta. (Mattew 13:47) Meta l-​ħut jiġi separat, it-​tajbin jinżammu f’kannestri imma l-​ħżiena jintremew. Ġesù jgħid li se jkun l-​istess fi tmiem is-​sistema dinjija—l-​anġli se jisseparaw lil dawk mill-​agħar minn dawk sewwa.

Ġesù nnifsu kien qed jagħmel tip taʼ sajd spiritwali meta sejjaħ lill-​ewwel dixxipli tiegħu biex ikunu “sajjieda tal-​bnedmin.” (Marku 1:17) Madankollu, hu jgħid li t-​tixbiha tiegħu dwar ix-​xibka l-​kbira tapplika għall-​futur, “fil-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mattew 13:49) Allura l-​appostli u d-​dixxipli l-​oħrajn li qed jisimgħu lil Ġesù jistgħu jifhmu li għad iridu jiżvolġu affarijiet interessanti ħafna.

Dawk li semgħu t-​tixbihat li qal minn fuq id-​dgħajsa jiġu msaħħin iktar. Ġesù qed juri li hu lest “jispjegalhom kollox” lid-​dixxipli tiegħu meta jkun waħdu magħhom. (Marku 4:34) Hu “bħal raġel, sid taʼ dar, li joħroġ mit-​teżor maħżun tiegħu affarijiet ġodda u qodma.” (Mattew 13:52) Billi jirrakkonta dawn it-​tixbihat, Ġesù mhuwiex qed jiffanfra b’kemm jaf jgħallem. Minflok, qed jaqsam mad-​dixxipli tiegħu veritajiet li huma bħal teżori prezzjużi. Tabilħaqq, ħadd ma jaf “jgħallem fil-​pubbliku” daqsu.