Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 26

“Dnubietek maħfurin”

“Dnubietek maħfurin”

MATTEW 9:1-​8 MARKU 2:1-​12 LUQA 5:17-​26

  • ĠESÙ JAĦFER ID-​DNUBIET TAʼ RAĠEL PARALIZZAT U JFEJQU

Issa anki nies minn postijiet imbegħdin semgħu b’Ġesù. Ħafna jivvjaġġaw saħansitra sa postijiet imwarrbin biex jisimgħuh jgħallem u biex jaraw l-​għemejjel setgħanin tiegħu. Madankollu, wara ftit jiem hu jmur lura Kafarnahum, iċ-​ċentru tal-​attività tiegħu. L-​aħbar li rritorna ma ddumx ma tinfirex maʼ din il-​belt kollha, li qiegħda ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Minħabba f’hekk, ħafna jmorru fid-​dar fejn qiegħed Ġesù. Xi wħud huma Fariżej u għalliema tal-​Liġi li ġew minn madwar il-​Galilija u l-​Lhudija kollha, inkluż minn Ġerusalemm.

‘Jinġabru ħafna, tant li m’hemmx iżjed wisaʼ, lanqas ħdejn il-​bieb, u jibda jxandrilhom il-​kelma.’ (Marku 2:2) Ix-​xena tinsab lesta għal xi ħaġa tassew tal-​għaġeb. Hi ġrajja li tistaʼ tgħinna napprezzaw il-​fatt li Ġesù għandu l-​qawwa li jneħħi l-​kaġun tat-​tbatija umana u li jerġaʼ jagħti s-​saħħa lil dawk kollha li jrid.

Waqt li Ġesù qed jgħallem fil-​kamra mimlija nies, erbat irġiel iġibu raġel paralizzat fuq sodda. Huma jridu lil Ġesù jfejjaq lill-​ħabib tagħhom. Imma, minħabba l-​folla, huma ma jistgħux “iressquh ħdejn Ġesù.” (Marku 2:4) Immaġina x’diżappunt! Huma jitilgħu fuq il-​bejt tad-​dar u jagħmlu fetħa bejn ix-​xorok. Imbagħad is-​sodda li fuqha hemm ir-​raġel paralizzat iniżżluha fid-​dar.

Jirrabja Ġesù minħabba li tellfuh? Le, lanqas xejn! Hu jibqaʼ impressjonat għall-​aħħar bil-​fidi li juru u jgħid lir-​raġel paralizzat: “Dnubietek maħfurin.” (Mattew 9:2) Imma jistaʼ Ġesù verament jaħfer id-​dnubiet? L-​iskribi u l-​Fariżej ma jaqblux maʼ dan u jibdew jirraġunaw f’qalbhom: “Dan ir-​raġel għala qed jitkellem hekk? Qed jidgħi. Min jistaʼ jaħfer id-​dnubiet ħlief Alla biss?”—Marku 2:7.

Billi jaf x’qed jaħsbu, Ġesù jgħidilhom: “Għala qed tirraġunaw hekk fi qlubkom? X’inhu l-​eħfef, li tgħid lill-​paralitiku, ‘Dnubietek maħfurin,’ jew li tgħidlu, ‘Qum, erfaʼ soddtok, u imxi’?” (Marku 2:8, 9) Iva, minħabba s-​sagrifiċċju li Ġesù kien se jagħmel, hu jistaʼ jaħfer id-​dnubiet tar-​raġel.

Imbagħad, Ġesù juri lill-​folla, inkluż lil dawk li jikkritikawh, li hu għandu l-​awtorità li jaħfer id-​dnubiet fuq l-​art. Hu jdur lejn il-​paralitiku u jikkmandah: “Jien ngħidlek, Qum, erfaʼ soddtok, u mur id-​dar.” U r-​raġel minnufih jagħmel dan, iqum, jerfaʼ soddtu, u joħroġ ’il barra quddiem dawk kollha preżenti. In-​nies jibqgħu mbellhin! Huma jfaħħru lil Alla u jgħidu: “Qatt ma rajna ħaġa bħal din”!—Marku 2:11, 12.

Taʼ min jinnota li Ġesù jsemmi d-​dnubiet b’konnessjoni mal-​mard u li l-​maħfra tad-​dnubiet tistaʼ tkun marbuta mas-​saħħa fiżika. Il-​Bibbja tgħallem li l-​ewwel ġenitur tagħna, Adam, dineb u li lkoll kemm aħna writna l-​konsegwenzi tad-​dnub, jiġifieri, il-​mard u l-​mewt. Imma taħt ir-​renju tas-​Saltna t’Alla, Ġesù se jaħfer id-​dnubiet taʼ dawk kollha li jħobbu u jaqdu lil Alla. Imbagħad il-​mard se jitneħħa għal dejjem.—Rumani 5:12, 18, 19.