Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 59

Min hu Bin il-bniedem?

Min hu Bin il-bniedem?

MATTEW 16:13-​27 MARKU 8:22-​38 LUQA 9:18-​26

  • ĠESÙ JFEJJAQ LIL RAĠEL AGĦMA

  • PIETRU SE JINGĦATA L-​IMFIETAĦ TAS-​SALTNA

  • ĠESÙ JBASSAR IL-​MEWT U L-​IRXOXT TIEGĦU

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jaslu Betsajda. In-​nies imbagħad iġibulu raġel agħma u jitolbu lil Ġesù bil-​ħrara biex imiss lir-​raġel ħalli jfejqu.

Ġesù jaqbad lir-​raġel minn idu u joħorġu ’l barra mir-​raħal. Wara li jobżoq fuq għajnejn ir-​raġel, Ġesù jistaqsih: “Qed tara xi ħaġa?” Ir-​raġel iwieġeb: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hemm u ’l hawn.” (Marku 8:23, 24) Ġesù jpoġġi jdejh fuq għajnejn ir-​raġel u jagħtih lura l-​vista. Imbagħad lir-​raġel li issa jistaʼ jara ċar jibagħtu lejn daru u jgħidlu biex ma jidħolx fir-​raħal.

Imbagħad, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jivvjaġġaw lejn ir-​reġjun taʼ Ċesarija Filippi fit-​Tramuntana. Għandhom telgħa twila taʼ xi 40 kilometru. Ir-​raħal hu xi 350 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar, u lejn il-​Grigal hemm il-​Muntanja Ħermon miksija silġ. Il-​vjaġġ x’aktarx jiħdilhom ftit jiem.

F’xi ħin waqt il-​vjaġġ, Ġesù jinqataʼ ftit waħdu biex jitlob. Fadal biss disaʼ jew għaxar xhur qabel mewtu, u Ġesù hu konċernat dwar id-​dixxipli tiegħu. Dan l-​aħħar, ħafna ma baqgħux isegwuh, u oħrajn milli jidher iħossuhom imħawdin jew diżappuntati. Forsi qed jaħsbu dwar għala rrifjuta l-​isforzi tan-​nies biex jagħmluh sultan jew għala ma riedx jagħti sinjal biex juri b’mod ċar min hu.

Meta d-​dixxipli jmorru ħdejn il-​post fejn qed jitlob, Ġesù jistaqsihom: “In-​nies min qed jgħidu li hu Bin il-​bniedem?” Huma jwieġbu: “Xi wħud jgħidu Ġwanni l-​Battista, oħrajn Elija, jerġaʼ oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-​profeti.” Iva, in-​nies jaħsbu li Ġesù jistaʼ jkun wieħed minn dawn l-​irġiel imqajmin mill-​mewt. Biex ikun jaf x’qed jaħsbu d-​dixxipli tiegħu, Ġesù jistaqsi: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru bla tlaqliq jgħidlu: “Int il-​Kristu, Bin l-​Alla l-​ħaj.”—Mattew 16:13-​16.

Ġesù jgħid li Pietru jistaʼ jkun hieni li Alla rrivelalu dan, u jżid jgħid: “Ngħidlek ukoll, Int Pietru, u fuq din il-​blata nibni l-​kongregazzjoni tiegħi, u l-​bibien tal-​Qabar ma jegħlbuhiex.” Ġesù jrid ifisser li hu nnifsu se jibni kongregazzjoni u li anki jekk il-​membri tagħha jmutu mhux se jibqgħu taħt il-​jasar tal-​mewt jekk jibqgħu leali tul ħajjithom fuq l-​art. Hu jwiegħed lil Pietru: “Nagħtik l-​imfietaħ tas-​saltna tas-​smewwiet.”—Mattew 16:18, 19.

Hawnhekk Ġesù mhux qed jagħti lil Pietru l-​ewwel post fost l-​appostli, lanqas mhu qed jagħmlu l-​pedament tal-​kongregazzjoni. Ġesù nnifsu hu l-​Blata li fuqha se tinbena l-​kongregazzjoni tiegħu. (1 Korintin 3:11; Efesin 2:20) Imma Pietru se jingħata tliet imfietaħ. Se jkollu l-​privileġġ li jiftaħ, biex ngħidu hekk, l-​opportunità biex gruppi taʼ nies jidħlu fis-​Saltna tas-​smewwiet.

 Pietru kien se juża l-​ewwel muftieħ f’Pentekoste tas-​sena 33 WK, billi juri lil-​Lhud u lill-​proseliti nedmin xi jridu jagħmlu biex isalvaw. Kien se juża t-​tieni muftieħ biex jagħti lis-​Samaritani li jemmnu l-​opportunità biex jidħlu fis-​Saltna t’Alla. Imbagħad, fis-​sena 36 WK, Pietru kien se juża t-​tielet muftieħ biex jagħti din l-​opportunità lill-​Ġentili mhux ċirkonċiżi, fosthom Kornelju u oħrajn.—Atti 2:37, 38; 8:14-​17; 10:44-​48.

F’din id-​diskussjoni, l-​appostli taʼ Ġesù jħossuhom inkwetati meta hu jbassar it-​tbatija u l-​mewt li dalwaqt se jiffaċċja f’Ġerusalemm. Peress li ma jifhimx li Ġesù se jiġi rxoxtat għall-​ħajja fis-​sema, Pietru jiġbdu lejh u jċanfru billi jgħidlu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Imma Ġesù jagħtih dahru u jwieġbu: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.”—Mattew 16:22, 23.

Ġesù issa jsejjaħ ħdejh lil oħrajn flimkien mal-​appostli u jispjega li mhux se jkun faċli li jsegwuh. Hu jgħid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja. Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-​aħbar tajba jsalvaha.”—Marku 8:34, 35.

Iva, biex juru li jistħoqqilhom l-​approvazzjoni taʼ Ġesù, is-​segwaċi tiegħu jeħtieġ ikunu kuraġġużi u lesti li jagħmlu sagrifiċċji. Ġesù jgħid: “Kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-​ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-​bniedem ukoll jistħi minħabba fih meta jasal fil-​glorja taʼ Missieru maʼ l-​anġli mqaddsa.” (Marku 8:38) Iva, meta Ġesù jiġi, se “jħallas lil kull wieħed skond għemilu.”—Mattew 16:27.