Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 27

Mattew jiġi msejjaħ

Mattew jiġi msejjaħ

MATTEW 9:9-​13 MARKU 2:13-​17 LUQA 5:27-​32

  • ĠESÙ JSEJJAĦ LIL MATTEW, IL-​KOLLETTUR TAT-​TAXXI

  • KRISTU JASSOĊJA MAL-​MIDINBIN BIEX JGĦINHOM

Wara li jfejjaq lill-​paralitiku, Ġesù jibqaʼ ftit żmien fl-​inħawi taʼ Kafarnahum ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija. Għal darb’oħra jduru miegħu folol taʼ nies, u hu jibda jgħallimhom. Hekk kif ikun għaddej, hu jara lil Mattew, li jismu wkoll Levi, bilqiegħda fl-​uffiċċju tat-​taxxi. Ġesù jagħmillu din l-​istedina mill-​isbaħ: “Kun segwaċi tiegħi.”—Mattew 9:9.

Mattew x’aktarx li diġà hu familjari xi ftit mat-​tagħlim taʼ Ġesù u mal-​għemejjel li wettaq f’dawn l-​inħawi, kif kienu wkoll Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. L-​istess bħal dawn, Mattew jaġixxi mill-​ewwel. Mattew jiddeskrivi dan fl-​Evanġelju tiegħu billi jgħid: “Dak il-​ħin stess [Mattew innifsu] qam u mar warajh,” jiġifieri, wara Ġesù. (Mattew 9:9) Għalhekk, Mattew iħalli r-​responsabbiltajiet tiegħu bħala kollettur tat-​taxxi warajh u jsir dixxiplu taʼ Ġesù.

Iktar tard, forsi biex juri li japprezza din is-​sejħa speċjali mingħand Ġesù, Mattew jagħmel festa kbira f’daru. Lil min jistieden minbarra Ġesù u d-​dixxipli tiegħu? Hemm preżenti ħafna kolletturi tat-​taxxi oħrajn, uħud li Mattew kien jaħdem magħhom qabel. Dawn xogħolhom hu li jiġbru t-​taxxi għall-​awtoritajiet Rumani tant mibgħudin, inkluż taxxi fuq vapuri li jidħlu fil-​port, taxxi mingħand merkanti li jivvjaġġaw flimkien fit-​toroq prinċipali, u dazji fuq affarijiet importati. Il-​Lhud inġenerali kif iħarsu lejn dawn il-​kolletturi tat-​taxxi? In-​nies jistmerruhom għax spiss b’diżonestà jitolbu iktar flus mir-​rata tat-​taxxa normali. Hemm ukoll ‘midinbin’ fil-​festa, individwi li huma magħrufin għall-​ħażen li jagħmlu.—Luqa 7:37-​39.

Preżenti għall-​festa hemm ukoll xi Fariżej li huma ġusti f’għajnejhom stess. Hekk kif dawn josservaw lil Ġesù maʼ nies taʼ din il-​kwalità, huma jistaqsu lid-​dixxipli tiegħu: “L-​għalliem tagħkom għala jiekol mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin?” (Mattew 9:11) Ġesù jismaʼ x’qed jgħidu u jwiġibhom: “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-​morda iva. Morru, mela, u tgħallmu xi jfisser dan, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.’ Għax jien ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin.” (Mattew 9:12, 13; Ħosea 6:6) Il-​Fariżej mhumiex sinċieri meta jirreferu għal Ġesù bħala “għalliem,” imma xorta setgħu tgħallmu xi ħaġa minnu dwar x’inhu tajjeb.

Milli jidher, Mattew stieden lil kolletturi tat-​taxxi u midinbin fid-​dar tiegħu ħalli jkunu jistgħu jisimgħu lil Ġesù u jirċievu fejqan spiritwali, “għax kien hemm ħafna minnhom [li] bdew imorru warajh.” (Marku 2:15) Ġesù jrid jgħinhom jibnu relazzjoni tajba m’Alla. Kuntrarju għall-​Fariżej li huma ġusti f’għajnejhom stess, Ġesù ma jistmerrhomx lil dawn l-​uħud. Hu mqanqal mill-​mogħdrija u l-​ħniena; jistaʼ jkun tabib spiritwali għal dawk kollha li huma morda spiritwalment.

Ġesù ma jurix ħniena mal-​kolletturi tat-​taxxi u l-​midinbin billi jagħlaq għajnejh għad-​dnubiet tagħhom, imma billi jurihom l-​istess sentimenti teneri li wera maʼ dawk morda fiżikament. Pereżempju, ftakar meta b’mogħdrija mess lir-​raġel bil-​ġdiem u qallu: “Irrid. Indaf.” (Mattew 8:3) M’għandniex aħna nikkultivaw l-​istess ħarsa u ngħinu lil dawk fil-​bżonn, speċjalment billi ngħinuhom b’mod spiritwali?