Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 52

Jitmaʼ lil eluf bi ftit ħobż u ħut

Jitmaʼ lil eluf bi ftit ħobż u ħut

It-​12-​il appostlu tgħidx kemm ħadu gost bil-​vjaġġ taʼ ppritkar li għamlu madwar il-​Galilija, u lil Ġesù jirrakkontawlu “kulma kienu għamlu u għallmu.” Nistgħu nifhmu li qed iħossuhom għajjenin. Però, lanqas biss għandhom ċans jieklu għax hemm ħafna nies ġejjin u sejrin. Allura Ġesù jgħid: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—Marku 6:30, 31.

Huma jitilgħu f’dgħajsa, x’aktarx ħdejn Kafarnahum, u jerħulha lejn post maqtugħ ftit għalih lejn il-​Lvant tax-​Xmara Ġordan lil hinn minn Betsajda. Madankollu, ħafna nies jarawhom sejrin, u oħrajn jisimgħu b’dan. Flimkien jiġru max-​xatt u jkunu qed jistennewhom xħin tasal id-​dgħajsa.

Xħin jinżel mid-​dgħajsa, Ġesù jara l-​folla u jħossu mqanqal u jitħassarhom, għax huma bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Għalhekk, hu jibda “jgħallimhom ħafna affarijiet” dwar is-​Saltna. (Marku 6:34) Ukoll, ifejjaq ‘lil dawk li għandhom bżonn xi fejqan.’ (Luqa 9:11) Hekk kif isir il-​ħin, id-​dixxipli jgħidulu: “Il-​post hu mwarrab u diġà sar ħafna ħin; ibgħathom il-​folol biex imorru fl-​irħula jixtru x’jieklu.”—Mattew 14:15.

Ġesù jwieġeb: “M’għandhomx għalfejn jitilqu: agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” (Mattew 14:16) Għalkemm Ġesù diġà jaf x’se jagħmel, hu jrid jara x’ħa jgħid Filippu billi jistaqsih: “Minfejn se nixtru l-​ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” Hu jistaqsi lil Filippu peress li hu minn Betsajda, post fil-​qrib. Xorta waħda, mhux se jsolvu l-​problema billi jixtru l-​ħobż. Hemm madwar 5,000 raġel. U bin-​nisa u t-​tfal forsi hemm id-​doppju! Filippu jwieġbu: “Lanqas mitejn dinar [dinar hu paga taʼ ġurnata] ħobż m’huma biżżejjed għalihom biex kulħadd jieħu ftit.”—Ġwanni 6:5-​7.

Forsi biex juri li hu impossibbli li jitimgħuhom kollha, Indrì jgħid: “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-​xgħir u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn x’inhuma għal dawn in-​nies kollha?”—Ġwanni 6:9.

Hu żmien ir-​rebbiegħa, eżatt qabel il-​Qbiż tas-​sena 32 WK, u l-​għolja hi miksija ħaxix aħdar. Ġesù jqabbad lid-​dixxipli tiegħu biex jgħidu lin-​nies joqogħdu fuq il-​ħaxix fi gruppi taʼ 50 u taʼ 100. Hu jieħu l-​ħames ħobżiet u ż-​żewġ ħutiet u jirringrazzja lil Alla. Imbagħad jaqsam il-​ħobż u l-​ħut. Ġesù jagħti dawn lid-​dixxipli biex iqassmuhom lin-​nies. Ħaġa tal-​għaġeb, in-​nies kollha jieklu sa ma jixbgħu!

Imbagħad, Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Iġbru l-​bċejjeċ li fadal biex ma jinħela xejn.” (Ġwanni 6:12) Huma jirnexxilhom jimlew 12-​il qoffa bl-​ikel li kien fadal!