Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 50

Imħejjijin biex jippritkaw minkejja l-persekuzzjoni

Imħejjijin biex jippritkaw minkejja l-persekuzzjoni

MATTEW 10:16–11:1 MARKU 6:12, 13 LUQA 9:6

  • ĠESÙ JĦARREĠ U JIBGĦAT LILL-​APPOSTLI JIPPRITKAW

Ġesù jagħti lill-​appostli tiegħu istruzzjonijiet eċċellenti dwar kif jagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar hekk kif joħorġu tnejn tnejn. Madankollu, ma jiqafx hemm. Hu b’qalb tajba jwissihom dwar uħud li jopponu: “Ara! Qed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-​ilpup . . . Oqogħdu attenti mill-​bnedmin; għax għad jagħtukom f’idejn il-​qrati tal-​post, u jsawtukom fis-​sinagogi tagħhom. Tabilħaqq, iressqukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija.”—Mattew 10:16-​18.

Iva, is-​segwaċi taʼ Ġesù għandhom mnejn jiffaċċjaw persekuzzjoni ħarxa, però hu jagħmlilhom din il-​wegħda li sserrħilhom moħħhom: “Meta jerħukom f’idejhom, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu jew kif se tgħiduh; għax dak li għandkom tgħidu se jingħatalkom dak il-​ħin; għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-​ispirtu taʼ Missierkom ikun qed jitkellem permezz tagħkom.” Ġesù jżid jgħid: “L-​aħwa jagħtu lil xulxin għall-​mewt, u missier lil ibnu, u l-​ulied iqumu kontra l-​ġenituri u jagħtuhom għall-​mewt. U intom tkunu mibgħudin minn kulħadd minħabba ismi; imma min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.”—Mattew 10:19-​22.

Peress li l-​ippritkar hu tal-​akbar importanza, Ġesù jenfasizza l-​bżonn li s-​segwaċi tiegħu juru l-​għaqal ħalli jkunu jistgħu jkomplu jwettqu dan ix-​xogħol. Hu jgħid: “Meta jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra; għax tassew ngħidilkom, Bl-​ebda mod ma tkunu dortu l-​bliet kollha taʼ Israel sa ma jasal Bin il-​bniedem.”—Mattew 10:23.

X’istruzzjonijiet, twissijiet, u inkuraġġiment tal-​għaġeb jagħti Ġesù lit-​12-​il appostlu tiegħu! Iżda żgur li tistaʼ tara li dan il-​kliem japplika wkoll għal dawk li se jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù. Dan jidher ċar meta jgħid lid-​dixxipli tiegħu li se jkunu “mibgħudin minn kulħadd,” u mhux biss minn dawk li l-​appostli se jmorru jippritkawlhom. Barra minn hekk, imkien ma naqraw li l-​appostli tressqu quddiem gvernaturi u slaten waqt din il-​kampanja taʼ ppritkar qasira fil-​Galilija, lanqas ma naqraw li ngħataw għall-​mewt mill-​membri tal-​familja tagħhom.

Jidher ċar li Ġesù qed jaħseb dwar il-​futur meta jgħid dawn l-​affarijiet lill-​appostli. Ikkunsidra l-​istqarrija tiegħu li d-​dixxipli mhux se jlestu l-​ippritkar tagħhom “sa ma jasal Bin il-​bniedem.” Ġesù qed jindika li d-​dixxipli tiegħu mhux se jlestu l-​ippritkar dwar is-​Saltna t’Alla qabel ma jasal is-​Sultan Ġesù Kristu glorifikat bħala l-​imħallef t’Alla.

Hekk kif jagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar, l-​appostli għandhom jistennew li jiffaċċjaw  l-​oppożizzjoni, għax Ġesù jgħid: “Dixxiplu m’huwiex fuq l-​għalliem tiegħu, lanqas ilsir m’hu fuq sidu.” Il-​punt taʼ Ġesù hu ċar. Hu jiġi trattat ħażin u persegwitat minħabba li jipprietka dwar is-​Saltna t’Alla, u huma se jġarrbu l-​istess trattament. Iżda Ġesù jħeġġeġ: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-​ruħ; imma minflok ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-​ruħ u kemm il-​ġisem f’Geħenna.”—Mattew 10:24, 28.

Ġesù ħalla l-​eżempju f’dan. Hu bla biżaʼ ġarrab il-​mewt u m’għamel ebda kompromess, minflok baqaʼ leali lejn il-​wieħed li għandu l-​qawwa kollha, Ġeħova. Huwa Alla li Jista’ Kollox li jistaʼ jeqred “ir-​ruħ” taʼ dak li jkun (il-​prospetti tiegħu li jgħix fil-​futur) jew li jistaʼ jirxoxtah biex igawdi l-​ħajja taʼ dejjem. Min jaf kemm dan isaħħaħhom lill-​appostli!

Ġesù juri kif Alla jieħu ħsieb is-​segwaċi tiegħu bl-​imħabba permezz taʼ din it-​tixbiha: “Ma jinbigħux żewġ għasafar tal-​bejt għal munita taʼ valur żgħir? Iżda lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-​art mingħajr ma jkun jaf Missierkom. . . . Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt.”—Mattew 10:29, 31.

Il-​messaġġ li d-​dixxipli taʼ Ġesù jippritkaw se jifred lill-​familji, għax xi membri tal-​familja se jaċċettawh u oħrajn le. Ġesù jispjega: “Taħsbux li ġejt inġib il-​paċi fuq l-​art.” Iva, jeħtieġ il-​kuraġġ biex membru tal-​familja jaċċetta l-​verità tal-​Bibbja. Ġesù jgħid: “Min għandu affezzjoni lejn missieru jew lejn ommu iktar milli għandu lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi; u min għandu affezzjoni lejn ibnu jew lejn bintu iktar milli għandu lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.”—Mattew 10:34, 37.

Però, xi wħud se jilqgħu lid-​dixxipli tiegħu b’mod tajjeb. Hu jgħid: “Kulmin jagħti lil wieħed minn dawn iċ-​ċkejknin imqar tazza ilma kiesaħ x’jixrob għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, żgur li ma jitlifx il-​premju tiegħu.”—Mattew 10:42.

Armati sew bl-​istruzzjonijiet, it-​twissijiet, u l-​inkuraġġiment taʼ Ġesù, l-​appostli ‘jibdew il-​vjaġġ u jduru t-​territorju, minn raħal għal raħal, ixandru l-​aħbar tajba u jwettqu fejqan kullimkien.’—Luqa 9:6.