Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 24

Ġesù jkabbar il-ministeru tiegħu fil-Galilija

Ġesù jkabbar il-ministeru tiegħu fil-Galilija

MATTEW 4:23-​25 MARKU 1:35-​39 LUQA 4:42, 43

  • ĠESÙ JDUR IL-​GALILIJA M’ERBAʼ DIXXIPLI

  • L-​IPPRITKAR U L-​GĦEMEJJEL TIEGĦU JSIRU MAGĦRUFIN MAʼ KULLIMKIEN

Ġesù u l-​erbaʼ dixxipli tiegħu kellhom ġurnata mimlija daqs bajda Kafarnahum. Filgħaxija, in-​nies taʼ Kafarnahum ġabulu l-​morda tagħhom biex ifejjaqhom. Ġesù kellu ftit li xejn ħin għalih innifsu.

Issa, kmieni l-​għada filgħodu waqt li għadu d-​dlam, Ġesù jqum u joħroġ barra waħdu. Hu jsib post għall-​kwiet fejn jistaʼ jitlob lil Missieru fil-​privat. Imma l-​privatezza taʼ Ġesù għomorha qasir. Meta jindunaw li mhuwiex hemm, “Xmun u dawk taʼ miegħu” jmorru jfittxu lil Ġesù. Pietru x’aktarx li jieħu t-​tmexxija għax Ġesù kien qed joqgħod għandu.—Marku 1:36; Luqa 4:38.

Meta jsibu lil Ġesù, Pietru jgħid: “Kulħadd qed ifittxek.” (Marku 1:37) Għal raġunijiet li nistgħu nifhmuhom, in-​nies taʼ Kafarnahum iridu lil Ġesù jibqaʼ magħhom. Huma verament japprezzaw dak li għamel, u allura jipprovaw “iżommuh biex ma jitilqilhomx.” (Luqa 4:42) Madankollu, ġie Ġesù fuq l-​art primarjament biex ifejjaq lin-​nies b’mod mirakoluż? U l-​attivitajiet tiegħu se jagħmilhom biss f’dan il-​post? Hu x’jgħid dwar dan?

Ġesù jwieġeb lid-​dixxipli tiegħu: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-​irħula fil-​qrib, sabiex inkun nistaʼ nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” Infatti, Ġesù saħansitra jgħid lin-​nies li jriduh jibqaʼ magħhom: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Marku 1:38; Luqa 4:43.

Iva, raġuni importanti għala Ġesù ġie fuq l-​art hi biex jipprietka dwar is-​Saltna t’Alla. Din is-​Saltna se tqaddes l-​isem taʼ Missieru u tirranġa l-​problemi kollha tal-​bnedmin darba għal dejjem. Ġesù jagħti prova li hu ntbagħat minn Alla billi jwettaq fejqan mirakoluż. B’mod simili, sekli qabel, Mosè wettaq għemejjel meraviljużi biex jagħti prova li hu kien mibgħut minn Alla.—Eżodu 4:1-​9, 30, 31.

Għalhekk, Ġesù jitlaq minn Kafarnahum biex jipprietka fi bliet oħrajn, u l-​erbaʼ dixxipli tiegħu jmorru miegħu. Dawn l-​erbgħa huma Pietru u ħuh Indrì kif ukoll Ġwanni u ħuh Ġakbu. Ġimgħa qabel, Ġesù kien stidinhom biex ikunu l-​ewwel uħud li jaħdmu u jivvjaġġaw miegħu.

L-​ippritkar taʼ Ġesù madwar il-​Galilija maʼ dawn l-​erbaʼ dixxipli hu taʼ suċċess kbir! Infatti, dak li qed jagħmel Ġesù qed isir jaf bih kulħadd. “L-​aħbar dwaru xterdet mas-​Sirja kollha,” fir-​reġjun tal-​għaxart ibliet imsejħin id-​Dekapoli, u san-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan. (Mattew 4:24, 25) Folol kbar minn dawn l-​inħawi, kif ukoll mil-​Lhudija, isegwu lil Ġesù u lid-​dixxipli tiegħu. Ħafna jġibulu lil dawk li għandhom bżonn fejqan. Ġesù ma jiddiżappuntahomx—hu jfejjaq lill-​morda u jkeċċi l-​ispirti mill-​agħar minn dawk maħkumin mid-​demonji.