Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 53

Mexxej li jistaʼ jikkontrolla l-elementi

Mexxej li jistaʼ jikkontrolla l-elementi

MATTEW 14:22-​36 MARKU 6:45-​56 ĠWANNI 6:14-​25

  • IN-​NIES IRIDU JAGĦMLU LIL ĠESÙ SULTAN

  • ĠESÙ JIMXI FUQ L-​ILMA U JIKKALMA R-​RIĦ

L-​abbiltà mirakoluża taʼ Ġesù li jitmaʼ lil eluf tħalli impatt kbir fuq in-​nies. Huma jaslu għall-​konklużjoni li “dan żgur li hu l-​profeta li kellu jiġi fid-​dinja,” il-​Messija, u li ċertament hu mexxej taʼ min jixtiequ. (Ġwanni 6:14; Dewteronomju 18:18) Allura n-​nies jippjanaw li jaħtfu lil Ġesù u jagħmluh sultan.

Madankollu, Ġesù jinduna x’qed jippjanaw in-​nies. Hu jgħid lill-​folol biex jitilqu u lid-​dixxipli tiegħu jgħidilhom biex jerġgħu jitilgħu fid-​dgħajsa tagħhom. Fejn se jmorru? Ħa jmorru lejn Betsajda u mbagħad lejn Kafarnahum. Iżda Ġesù jitlaʼ fuq il-​muntanja biex jitlob waħdu matul il-​lejl.

Fid-​dawl tal-​qamar ftit qabel ma jisbaħ, Ġesù jara d-​dgħajsa mill-​bogħod. Il-​baħar jibda jitqawwa minħabba li jqum riħ qawwi, u l-​appostli qed ‘jitħabtu biex jaqdfu, għax ir-​riħ qiegħed kontrihom.’ (Marku 6:48) Ġesù jinżel minn fuq il-​muntanja u jaqbad miexi lejhom fuq il-​mewġ. S’issa “kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri.” (Ġwanni 6:19) Id-​dixxipli jaraw lil Ġesù donnu għaddej minn ħdejhom, u bil-​biżaʼ jgħajtu: “Din xi dehra!”—Marku 6:49.

Ġesù biex iserrħilhom moħħhom jgħid: “Agħmlu kuraġġ, hu jien; tibżgħux.” Imma Pietru jgħid: “Mulej, jekk inhu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-​ilma.” Ġesù jwieġeb: “Ejja!” Fil-​pront, Pietru jinżel mid-​dgħajsa u jimxi fuq l-​ilma lejn Ġesù. Imma meta jħares lejn ir-​riefnu, Pietru jinħakem mill-​biżaʼ u jibda jegħreq. Hu jgħajjat: “Mulej, salvani!” Ġesù joħroġ idu biex jaqbad lil Pietru u jgħidlu: “Int taʼ fidi żgħira, għala ddubitajt?”—Mattew 14:27-​31.

Pietru u Ġesù jitilgħu fid-​dgħajsa, u r-​riħ ibatti. Id-​dixxipli jibqgħu mbellhin, imma għandhom għalfejn? Li kieku kienu fehmu “t-​tifsira tal-​ħobż,” il-​miraklu li kien għamel Ġesù ftit sigħat qabel meta temaʼ lil eluf, ma kinux se jistagħġbu li setaʼ jimxi fuq il-​baħar u jikkalma r-​riħ. Issa jitqanqlu jmilu quddiemu u jgħidu: “Int tassew l-​Iben t’Alla.”—Marku 6:52; Mattew 14:33.

Ma jdumux ma jaslu fil-​pjanura mill-​isbaħ taʼ Ġennesaret, lejn in-​Nofsinhar taʼ Kafarnahum. Huma jankraw id-​dgħajsa u jinżlu l-​art. In-​nies jagħrfu lil Ġesù, u flimkien m’oħrajn mill-​inħawi tal-​madwar, iġibulu l-​morda. Meta dawn sempliċement imissu t-​tarf tal-​libsa taʼ Ġesù, huma jfiqu għalkollox.

Sadanittant, il-​folla li kienu raw il-​miraklu taʼ Ġesù meta temaʼ lil eluf jiskopru li hu kien telaq. Allura meta jaslu dgħajjes żgħar minn Tiberija, in-​nies jitilgħu fuqhom u jmorru lejn Kafarnahum biex ifittxu lil Ġesù. Meta jsibuh, jistaqsu: “Rabbi, meta ġejt hawnhekk?” (Ġwanni 6:25) Kif se naraw, Ġesù bir-​raġun iċanfarhom.