Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 44

Ġesù jsikket tempesta fuq il-baħar

Ġesù jsikket tempesta fuq il-baħar

MATTEW 8:18, 23-​27 MARKU 4:35–41 LUQA 8:22-​25

  • ĠESÙ JIKKALMA TEMPESTA FUQ IL-​BAĦAR TAL-​GALILIJA

Ġesù hu għajjien wara ġurnata twila. Xħin isir filgħaxija, hu jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Ejja naqsmu għax-​xatt l-​ieħor,” li hu n-​naħa l-​oħra taʼ Kafarnahum.—Marku 4:35.

Fuq ix-​xatt tal-​Lvant tal-​Baħar tal-​Galilija hemm ir-​reġjun tal-​Gerasin. Dawn l-​inħawi huma magħrufin ukoll bħala d-​Dekapoli. Il-​bliet tad-​Dekapoli huma ċentru tal-​kultura Griega, għalkemm hemm ħafna Lhud ukoll li jgħixu hemmhekk.

In-​nies jinnotaw lil Ġesù jitlaq minn Kafarnahum, u għalhekk xi dgħajjes oħrajn jibdew jaqsmu l-​baħar ukoll. (Marku 4:36) Fil-​fatt, m’hemmx daqshekk bogħod. Il-​Baħar tal-​Galilija hu bħal għadira kbira tal-​ilma ħelu, hu twil 21 kilometru u l-​iktar parti wiesgħa tiegħu hi xi 12-​il kilometru. Imma mhuwiex baxx.

Għalkemm Ġesù hu raġel perfett, hu bir-​raġun qed iħossu għajjien wara li ħadem iebes fil-​ministeru. Allura wara li jitilqu, hu jimtedd fin-​naħa taʼ wara tad-​dgħajsa, jitfaʼ rasu fuq imħadda, u jorqod.

Diversi wħud mill-​appostli jafu tajjeb kif għandhom ibaħħru, imma dan mhux se jkun vjaġġ faċli. Hemm il-​muntanji mad-​dawra, u l-​wiċċ tal-​Baħar tal-​Galilija spiss ikun sħun mhux ħażin. Kultant, arja kiesħa mill-​muntanji tinżel b’ħeffa u tiltaqaʼ mal-​ilma sħun f’wiċċ il-​baħar, u b’hekk iqumu rwiefen qawwijin ferm fuq il-​baħar f’ħakka t’għajn. Dan hu preċiż dak li jiġri issa. F’kemm ilna ngħidu, il-​mewġ jibda jħabbat mad-​dgħajsa. Jibda jidħlilhom ħafna ilma u jsibu ruħhom fil-​periklu. (Luqa 8:23) Imma Ġesù rieqed kien u rieqed jibqaʼ!

Il-​baħħara jaħdmu bla nifs biex jipprovaw jidderieġu d-​dgħajsa, billi jużaw l-​esperjenza tagħhom tal-​passat li jbaħħru fit-​tempesti. Imma din id-​darba l-​affarijiet huma differenti. Peress li qed jibżgħu għal ħajjithom, iqajmu lil Ġesù u jgħidulu: “Mulej, salvana, għax se nintilfu!” (Mattew 8:25) Id-​dixxipli issa qed jibżgħu li se jegħrqu!

Meta Ġesù jqum, jgħid lill-​appostli: “Għalfejn qed tibżgħu, intom taʼ fidi żgħira?” (Mattew 8:26) Imbagħad Ġesù jikkmanda r-​riħ u l-​baħar: ‘Isktu! Oqogħdu kwieti!’ (Marku 4:39) Ir-​riħ qawwi jieqaf u l-​baħar jikkalma. (Marku u Luqa jirrakkontaw din il-​ġrajja impressjonanti, billi l-​ewwel jenfasizzaw li Ġesù b’mod mirakoluż jikkalma t-​tempesta, u mbagħad isemmu n-​nuqqas taʼ fidi tad-​dixxipli.)

Immaġina dan x’effett iħalli fuq id-​dixxipli! Filli l-​baħar irid jiblaʼ l-​art u filli jsir żejt. Għalhekk, jaħkimhom biżaʼ mhux tas-​soltu u jgħidu wieħed lill-​ieħor: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-​riħ u l-​baħar jobduh?” Huma jaslu n-​naħa l-​oħra tal-​baħar qawwijin u sħaħ. (Marku 4:41–5:1) Forsi d-​dgħajjes l-​oħra li kienu fuq il-​baħar irnexxielhom imorru lura lejn ix-​xatt tal-​Punent.

Kemm iserrħilna moħħna l-​fatt li nafu li l-​Iben t’Alla għandu l-​qawwa fuq it-​temp! Meta jdawwar l-​attenzjoni sħiħa tiegħu lejn l-​art matul ir-​renju tiegħu tas-​Saltna, in-​nies kollha se jgħixu fis-​sigurtà, għax mhux se jkun hemm diżastri naturali tat-​tkexkix!