Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 65

Jgħallem waqt vjaġġ lejn Ġerusalemm

Jgħallem waqt vjaġġ lejn Ġerusalemm

MATTEW 8:19-​22 LUQA 9:51-​62 ĠWANNI 7:2-​10

  • KIF ĦUT ĠESÙ JQISUH

  • KEMM HU IMPORTANTI S-​SERVIZZ TAS-​SALTNA?

Għal xi żmien, Ġesù żamm l-​attività tiegħu l-​aktar fil-​Galilija, għax hemm ġie milqugħ aħjar milli fil-​Lhudija. Barra minn hekk, meta kien Ġerusalemm u fejjaq lil wieħed raġel fis-​Sabat, “il-​Lhud kienu qed ifittxu opportunità biex joqtluh.”—Ġwanni 5:18; 7:1.

Issa hi l-​ħarifa tas-​sena 32 WK, u qed toqrob il-​Festa tal-​Għerejjex (jew, tat-​Tabernakli). Din il-​festa tiġi ċelebrata għal sebat ijiem, u wara jkun hemm assemblea fit-​tmien jum. Il-​festa timmarka t-​tmiem tas-​sena tal-​agrikultura u hu żmien taʼ ferħ kbir u taʼ radd il-​ħajr.

Ħut Ġesù mill-​omm—Ġakbu, Xmun, Ġużeppi, u Ġuda—iħeġġuh: “Itlaq minn hawnhekk u mur il-​Lhudija.” Ġerusalemm hi ċ-​ċentru reliġjuż tal-​pajjiż. Matul it-​tliet festi annwali, il-​belt tkun miżgħuda bin-​nies. Ħut Ġesù jirraġunaw: “Ħadd ma jagħmel xejn bil-​moħbi jekk ikun qed jipprova jsir magħruf pubblikament. La qed tagħmel dawn l-​affarijiet, uri ruħek lid-​dinja.”—Ġwanni 7:3, 4.

Fil-​fatt, dawn l-​erbaʼ aħwa mhumiex “qed jeżerċitaw il-​fidi fih” bħala l-​Messija. Però, huma jridu li dawk miġburin għall-​festa jarawh iwettaq xi għemejjel setgħanin. Ġesù, konxju tal-​periklu, jgħidilhom: “Id-​dinja m’għandhiex għalfejn tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax nixhed dwarha li l-​għemejjel tagħha huma mill-​agħar. Itilgħu intom għall-​festa; jien għadni m’iniex tielaʼ għal din il-​festa, għax il-​waqt tiegħi għadu ma wasalx għalkollox.”—Ġwanni 7:5-​8.

Xi jiem wara li ħut Ġesù jitilqu mal-​grupp prinċipali taʼ vjaġġaturi, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jitilqu bil-​moħbi, ħalli ma jagħtux fil-​għajn. Huma jieħdu t-​triq l-​iktar diretta li tgħaddi mis-​Samarija, minflok dik l-​iktar komuni taʼ ħdejn ix-​Xmara Ġordan. Ġesù u d-​dixxipli tiegħu se jkollhom bżonn fejn joqogħdu fis-​Samarija, allura jibgħat lil xi messaġġiera qabilhom biex jagħmlu l-​preparamenti. In-​nies f’post minnhom jirrifjutaw li jilqgħuhom jew li juruhom l-​ospitalità tas-​soltu għax Ġesù sejjer Ġerusalemm għall-​festa tal-​Lhud. Ġakbu u Ġwanni b’rabja jistaqsu: “Mulej, tridna ngħidu lin-​nar jinżel mis-​sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54) Ġesù jċanfarhom talli saħansitra jissuġġerixxu dan, u jkomplu bil-​vjaġġ tagħhom.

Waqt li qed jivvjaġġaw, wieħed skriba jgħid lil Ġesù: “Għalliem, jien niġi warajk kulfejn tmur.” Ġesù jwieġbu: “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mattew 8:19, 20) Hu qed jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li l-​iskriba se jiffaċċja ċerti diffikultajiet  jekk isir segwaċi taʼ Ġesù. U jidher li l-​iskriba hu kburi wisq biex jaċċetta dan il-​mod taʼ ħajja. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna jistaʼ jistaqsi, ‘Kemm jien lest li nsegwi lil Ġesù?’

Ġesù jgħid lil raġel ieħor: “Kun segwaċi tiegħi.” Ir-​raġel iwieġbu: “Ħallini l-​ewwel immur nidfen lil missieri.” Billi jaf x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tar-​raġel, Ġesù jgħid: “Ħalli l-​mejtin jidfnu l-​mejtin tagħhom, imma int mur u xandar is-​saltna t’Alla maʼ kullimkien.” (Luqa 9:59, 60) Milli jidher, il-​missier għadu ma mietx. Li kieku kien miet, x’aktarx li ibnu ma kienx se jkun hawnhekk jitkellem maʼ Ġesù. L-​iben mhuwiex lest li jpoġġi s-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajtu.

Hekk kif ikomplu fi triqithom lejn Ġerusalemm, raġel ieħor jgħid lil Ġesù: “Jien niġi warajk, Mulej; imma l-​ewwel ħallini nsellem lil dawk taʼ dari.” Ġesù jwieġeb: “Ebda bniedem li jkun poġġa idu fuq il-​moħriet u jħares lejn dak li hemm warajh m’hu xieraq għas-​saltna t’Alla.”—Luqa 9:61, 62.

Dawk li jridu jkunu dixxipli veri taʼ Ġesù jrid ikollhom għajnejhom iffokati fuq is-​servizz tas-​Saltna. Jekk xi ħadd li jkun qed jaħrat ma jibqax iħares fiss quddiemu, x’aktarx li mhux se jaħrat dritt. Jekk iniżżel il-​moħriet sabiex jara dak li hemm warajh, ix-​xogħol fl-​għalqa se jmur minn taħt. B’mod simili, kull min jibqaʼ jħares lura lejn din is-​sistema qadima jistaʼ jitfixkel u ma jibqax fit-​triq li twassal għall-​ħajja eterna.