Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 29

Jistaʼ dak li jkun jagħmel xogħlijiet tajbin fis-Sabat?

Jistaʼ dak li jkun jagħmel xogħlijiet tajbin fis-Sabat?

ĠWANNI 5:1-​16

  • ĠESÙ JIPPRIETKA FIL-​LHUDIJA

  • IFEJJAQ RAĠEL MARID ĦDEJN GĦADIRA

Ġesù wettaq ħafna affarijiet matul il-​ministeru kbir tiegħu fil-​Galilija. Madankollu, billi jgħid, “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll,” Ġesù juri li m’għandux biss il-​Galilija f’moħħu. Għalhekk, hu jmur “jippriedka fis-​sinagogi tal-​Lhudija.” (Luqa 4:43, 44) Dan jagħmel sens għax issa hi r-​rebbiegħa u dalwaqt irid imur Ġerusalemm għal festa.

Imqabbel maʼ dak li naqraw dwar il-​ministeru taʼ Ġesù fil-​Galilija, fl-​Evanġelji ma tantx insibu informazzjoni dwar l-​attività tiegħu fil-​Lhudija. Anki jekk in-​nies fil-​Lhudija ġeneralment huma indifferenti, dan ma jwaqqafx lil Ġesù milli jipprietka b’ħeġġa u milli jagħmel xogħlijiet tajbin kull fejn ikun.

Ġesù ma jdumx ma jerħilha lejn il-​belt prinċipali tal-​Lhudija, Ġerusalemm, għall-​Qbiż tas-​sena 31 WK. Ħdejn Bieb in-​Nagħaġ, post fejn ikun hemm ħafna attività, hemm għadira kbira bil-​kolonni jisimha Betzata. Bosta wħud morda, għomja, u zopop jiġu f’din l-​għadira. Għala? Għax ħafna jemmnu li n-​nies jistgħu jfiqu jekk jinżlu fl-​għadira meta l-​ilma jkun qed jiċċaqlaq.

Issa huwa s-​Sabat, u Ġesù jara raġel ħdejn din l-​għadira li ilu marid 38 sena. Ġesù jistaqsih: “Trid tfiq?” Ir-​raġel iwieġbu: “Sinjur, m’għandix min iniżżilni fl-​għadira meta l-​ilma jiċċaqlaq; u x’ħin inkun nieżel jien, xi ħadd ieħor jinżel qabli.”—Ġwanni 5:6, 7.

Ġesù jgħid xi ħaġa li żgur taħsad lir-​raġel u lil kull min jisimgħu: “Qum, erfaʼ soddtok, u imxi.” (Ġwanni 5:8) U hu jagħmel preċiż hekk. Minnufih ir-​raġel ifiq, jerfaʼ soddtu, u jaqbad jimxi!

Minflok ma jifirħu għax ġrat xi ħaġa tal-​għaġeb, il-​Lhud jaraw lir-​raġel u bi tmaqdir jgħidu: “Illum is-​Sabat; skond il-​liġi ma tistax iġġorr soddtok.” Ir-​raġel iwiġibhom: “Kien dak li fejjaqni li qalli, ‘Erfaʼ soddtok u imxi.’” (Ġwanni 5:10, 11) Dawn il-​Lhud qed jikkritikaw lil xi ħadd li qed ifejjaq fis-​Sabat.

“Min hu r-​raġel li qallek, ‘Erfaʼ soddtok u imxi’?” huma jridu jkunu jafu. Għala jistaqsuh hekk lir-​raġel? Għax Ġesù “warrab minħabba li l-​post kien iffollat,” u r-​raġel imfejjaq ma jafx x’jismu Ġesù. (Ġwanni 5:12, 13) Imma dan ir-​raġel se jerġaʼ jiltaqaʼ maʼ Ġesù. Iktar tard, fit-​tempju, ir-​raġel jara lil Ġesù u jsir jaf x’jismu dak li fejqu ħdejn l-​għadira.

Ir-​raġel li ġie mfejjaq isib lil-​Lhud li kienu staqsewh min kien fejqu u jgħidilhom li kien Ġesù. Hekk kif jisimgħu dan, il-​Lhud imorru jsibu lil Ġesù. Iridu huma jsiru jafu kif Ġesù jistaʼ jwettaq affarijiet meraviljużi bħal dawn? Le. Minflok, huma jridu jakkużaw lil Ġesù minħabba li għamel affarijiet tajbin fis-​Sabat. U saħansitra jibdew jippersegwitawh!