MATTEW 8:14-​17 MARKU 1:21-​34 LUQA 4:31-​41

  • ĠESÙ JKEĊĊI DEMONJU

  • IL-​KUNJATA TAʼ PIETRU TIĠI MFEJQA

Ġesù stieden erbaʼ dixxipli—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni—biex ikunu sajjieda tal-​bnedmin. Issa, fis-​Sabat, kollha jmorru f’sinagoga lokali f’Kafarnahum. Ġesù jgħallem fis-​sinagoga, u għal darb’oħra n-​nies jistagħġbu bil-​mod kif jgħallem. Hu jagħmel dan bħal wieħed li għandu l-​awtorità u mhux bħall-​iskribi.

F’dan is-​Sabat, hemm preżenti raġel maħkum minn demonju. Fis-​sinagoga stess, ir-​raġel jgħajjat b’leħen għoli: “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-​Nazzarenu? Ġejt biex teqridna? Jien naf eżatt min int, il-​Qaddis t’Alla.” Ġesù jċanfar lid-​demonju li qed jikkontrolla lir-​raġel billi jgħidlu: “Iskot, u oħroġ minnu!”—Marku 1:24, 25.

Għal dan, l-​ispirtu mill-​agħar jitfaʼ lir-​raġel mal-​art, iqabbdu aċċessjoni, u jibda jgħajjat kemm jiflaħ. Imma d-​demonju joħroġ mir-​raġel ‘bla ma jweġġgħu.’ (Luqa 4:35) In-​nies imdawrin miegħu fis-​sinagoga ma jistgħux jemmnu lil għajnejhom! “Dan x’inhu?” jistaqsu huma. “Hu jordna b’awtorità saħansitra lill-​ispirti mhux nodfa, u dawn jobduh.” (Marku 1:27) Kif nistgħu nobsru, l-​aħbar dwar din il-​ġrajja impressjonanti tinfirex mal-​Galilija kollha.

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jitilqu mis-​sinagoga u jmorru d-​dar taʼ Xmun, jew Pietru. Hemmhekk, il-​kunjata taʼ Pietru hi marida ħafna b’deni qawwi. Huma jitolbu lil Ġesù biex jgħinha. Allura Ġesù jersaq lejha, jaqbdilha idha, u jqajjimha. Hi mill-​ewwel tfiq u tibda taqdi lil Ġesù u lid-​dixxipli li hemm miegħu, forsi billi tħejjilhom xi ikla.

Xħin tkun nieżla x-​xemx jiġu nies minn kullimkien id-​dar taʼ Pietru bil-​morda tagħhom. F’kemm ilna ngħidu donnu hemm il-​belt kollha miġbura quddiem il-​bieb. Għala? Għax qed ifittxu fejqan. Infatti, ‘dawk kollha li għandhom nies morda b’mard differenti jġibuhomlu. U hu jfejjaqhom billi jqiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom.’ (Luqa 4:40) Iva, hi x’inhi l-​marda tagħhom, Ġesù jgħinhom, sewwasew kif kien imbassar. (Isaija 53:4) Saħansitra jeħles lil dawk li huma maħkumin mid-​demonji. Hekk kif joħorġu l-​ispirti mill-​agħar, huma jgħajtu: “Int l-​Iben t’Alla.” (Luqa 4:41) Imma Ġesù jċanfarhom u ma jħallihomx jitkellmu iktar. Huma jafu li Ġesù hu l-​Kristu, u hu ma jridx li jagħmlu tabirruħhom li qed jaqdu lill-​Alla l-​veru.