Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 58

Ikattar il-ħobż u jwissi dwar il-ħmira

Ikattar il-ħobż u jwissi dwar il-ħmira

MATTEW 15:32–16:12 MARKU 8:1-​21

  • ĠESÙ JITMAʼ LIL 4,000 RAĠEL

  • IWISSI DWAR IL-​ĦMIRA TAL-​FARIŻEJ

Folol kbar inġabru ħdejn Ġesù fir-​reġjun tad-​Dekapoli, fuq in-​naħa tal-​Lvant tal-​Baħar tal-​Galilija. Huma ġew biex jisimgħuh jitkellem u biex jiġu mfejqin; magħhom ġabu qfief kbar bil-​provvisti.

Madankollu, wara ftit jiem, Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Nitħassarhom lil dawn in-​nies, għax diġà ilhom tlett ijiem ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; u li kieku kelli nibgħathom lejn darhom sajmin, iħosshom ħażin fit-​triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom ġew mill-​bogħod.” Id-​dixxipli jistaqsu: “F’dan il-​post imwarrab minfejn jistaʼ xi ħadd ixebbaʼ lil dawn in-​nies bil-​ħobż?”—Marku 8:2-​4.

Ġesù jwiġibhom billi jgħid: “Kemm għandkom ħobż?” Id-​dixxipli jgħidu: “Sebgħa, u ftit ħut żgħir.” (Mattew 15:34) Imbagħad Ġesù jqabbad lin-​nies joqogħdu bilqiegħda mal-​art. Hu jieħu l-​ħobż u l-​ħut, jitlob lil Alla, u jagħtihom lid-​dixxipli tiegħu biex iqassmuhom. Ħaġa tal-​għaġeb hi li lkoll jieklu sa ma jixbgħu. Il-​fdalijiet li jinġabru jimlew sebat iqfief kbar tal-​provvisti, avolja kielu madwar 4,000 raġel, minbarra n-​nisa u t-​tfal!

Wara li Ġesù jibgħat lill-​folol, hu u d-​dixxipli jitilgħu f’dgħajsa u jaqsmu sa Magadan, fuq ix-​xatt tal-​Punent tal-​Baħar tal-​Galilija. Hawnhekk, xi Fariżej flimkien maʼ xi wħud mis-​setta tas-​Sadduċej jipprovaw jgħaddu lil Ġesù minn prova, billi jitolbuh jurihom xi sinjal mis-​sema.

Peress li jirrikonoxxi x’inhuma l-​motivi tagħhom, Ġesù jwieġeb: “Meta jasal fil-​għaxija intom imdorrijin tgħidu, ‘Se jkun temp sabiħ, għax is-​sema aħmar nar’; u fil-​għodu, ‘Se jkun temp ikrah u bix-​xita llum, għax is-​sema aħmar nar, imma mdallam.’ Intom tafu tinterpretaw id-​dehra tas-​sema imma ma tafux tinterpretaw is-​sinjali taż-​żminijiet.” (Mattew 16:2, 3) Imbagħad Ġesù jgħid lill-​Fariżej u s-​Sadduċej li mhu se jingħatalhom ebda sinjal ħlief dak taʼ Ġona.

Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jitilgħu f’dgħajsa u jerħulha lejn Betsajda li qiegħda n-​naħa tal-​Grigal tal-​baħar. Huma u sejrin, id-​dixxipli jindunaw li nsew iġibu biżżejjed ħobż magħhom. Għandhom biss ħobża waħda. Ġesù għad għandu f’moħħu l-​aħħar darba li kellem lill-​Fariżej u s-​Sadduċej, li jappoġġaw lil Erodi. Għalhekk, Ġesù jwissi: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej u mill-​ħmira t’Erodi.” Id-​dixxipli b’mod żbaljat jaħsbu li qed isemmi l-​ħmira għax insew iġibu l-​ħobż. Ġesù jinduna bil-​ħsieb żbaljat tagħhom u jgħid: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż?”—Marku 8:15-​17.

Ġesù lanqas ilu xejn li pprovda ħobż għal eluf taʼ nies. Allura d-​dixxipli jmisshom jafu li hu mhuwiex inkwetat dwar in-​nuqqas taʼ ħobż letterali. “Ma tiftakrux,” hu jistaqsi, “meta qsamt il-​ħames ħobżiet għall-​ħamest elef raġel, kemm-​il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Huma  jwieġbu: “Tnax.” Ġesù jkompli: “Meta qsamt is-​sebgħa għall-​erbat elef raġel, kemm-​il qoffa mimlija bċejjeċ ġbartu?” Huma jwiġbuh: “Sebgħa.”—Marku 8:18-​20.

Ġesù jistaqsi: “Kif m’intomx qed tindunaw li ma kellimtkomx dwar il-​ħobż?” Hu jżid jgħid: “Oqogħdu attenti mill-​ħmira tal-​Fariżej u s-​Sadduċej.”—Mattew 16:11.

Sa fl-​aħħar, id-​dixxipli jifhmu l-​punt tiegħu. Il-​ħmira tintuża biex xi ħaġa tiffermenta u biex il-​ħobż jogħla. Ġesù hawnhekk qed juża l-​ħmira bħala simbolu taʼ korruzzjoni. Hu qed iwissi lid-​dixxipli biex joqogħdu b’sebaʼ għajnejn għat-​“tagħlim tal-​Fariżej u s-​Sadduċej,” li hu taʼ ħsara.—Mattew 16:12.