Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 57

Ġesù jfejjaq lil tifla u lil raġel trux

Ġesù jfejjaq lil tifla u lil raġel trux

MATTEW 15:21-​31 MARKU 7:24-​37

  • ĠESÙ JFEJJAQ LIL BINT MARA MILL-​FENIĊJA

  • IFEJJAQ LIL RAĠEL TRUX U MUTU

Wara li kkundanna lill-​Fariżej għat-​tradizzjonijiet egoistiċi tagħhom, Ġesù jitlaq mad-​dixxipli tiegħu. Hu jerħilha lejn ir-​reġjun taʼ Tir u Sidon fil-​Feniċja, ħafna kilometri lejn il-​Majjistral.

Ġesù jsib dar fejn joqgħod imma ma jridx li n-​nies ikunu jafu li qiegħed hemm. Però, lanqas hawnhekk ma jistaʼ jaħrab l-​attenzjoni tan-​nies. Mara taʼ dixxendenza Griega li twieldet f’dawn l-​inħawi ssib lil Ġesù u tibda titolbu bil-​ħrara: “Ikollok ħniena minni, Mulej, Bin David. Binti maħkuma bl-​ikrah minn demonju.”—Mattew 15:22; Marku 7:26.

Wara ftit, id-​dixxipli taʼ Ġesù jħeġġuh: “Ibgħatha ’l hemm; għax se tibqaʼ tgħajjat warajna.” Bħala tweġiba, Ġesù jispjega għala qed jinjoraha: “Kont mibgħut biss għan-​nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel.” Iżda l-​mara ma taqtax qalbha. Hi tersaq lejn Ġesù, tmil quddiemu, u bil-​ħniena titolbu: “Mulej, għinni!”—Mattew 15:23-​25.

Milli jidher biex jgħaddi l-​fidi tagħha minn prova, Ġesù jirreferi għall-​ħarsa negattiva li għandhom il-​Lhud lejn nies taʼ nazzjonalitajiet oħrajn: “Mhux sewwa li tieħu l-​ħobż tat-​tfal u titfgħu lill-​ġriewi.” (Mattew 15:26) Billi jsemmi “l-​ġriewi,” Ġesù juri s-​sentimenti teneri tiegħu lejn dawk li mhumiex Lhud. L-​espressjoni taʼ wiċċu u t-​ton ħelu taʼ leħnu żgur li juru dawn is-​sentimenti wkoll.

Minflok ma tieħu għaliha, il-​mara tinduna li qed jirreferi għall-​preġudizzji tal-​Lhud u b’umiltà tgħid: “Iva, Mulej; imma fil-​fatt il-​ġriewi wkoll jieklu mill-​frak li jaqaʼ mill-​mejda tas-​sidien tagħhom.” Ġesù jirrikonoxxi l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbha u jgħid: “O mara, kbira hi l-​fidi tiegħek; ħa jkunlek kif tixtieq.” (Mattew 15:27, 28) U hekk jiġri, avolja t-​tifla mhijiex hemmhekk magħhom! Meta l-​mara tasal lura d-​dar, hi ssib lil bintha mimduda fuq is-​sodda, imfejqa għalkollox—“id-​demonju kien ħareġ minnha”!—Marku 7:30.

Mir-​reġjun tal-​Feniċja, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu jerħulha lejn in-​naħa taʼ fuq tax-​Xmara Ġordan. Milli jidher jaqsmu l-​Ġordan xi mkien lejn it-​Tramuntana tal-​Baħar tal-​Galilija u jidħlu fir-​reġjun tad-​Dekapoli. Hemmhekk, huma jitilgħu fuq muntanja, imma l-​folol isibuhom. In-​nies iġibu z-​zopop, l-​immankati, l-​għomja, u l-​muti għand Ġesù. Huma jqiegħdu lil dawn il-​morda f’riġlejn Ġesù u hu jfejjaqhom. Mistagħġbin, in-​nies jigglorifikaw lill-​Alla t’Iżrael.

Ġesù jagħti attenzjoni speċjali lil wieħed raġel li hu trux u li għandu problema biex jitkellem. Tistaʼ timmaġina kif żgur iħossu f’folla kbira! Forsi peress li jinnota kemm hu ansjuż dan ir-​raġel, Ġesù jressqu lil hinn mill-​folla. Meta jkunu waħedhom, Ġesù jurih x’se jagħmillu. Idaħħal subgħajh f’widnejn ir-​raġel u, wara li jobżoq, imisslu lsienu. Imbagħad waqt li jħares lejn is-​sema, Ġesù jlissen espressjoni Semitika li tfisser “Infetaħ.” Wara dan, ir-​raġel jibda jismaʼ, u jistaʼ jitkellem normali. Ġesù ma jridx li dak li għamel jixxandar maʼ kullimkien, hu jippreferi li n-​nies jemmnu fih minħabba dak li jaraw u jisimgħu personalment.—Marku 7:32-​36.

Il-​qawwa li għandu Ġesù biex iwettaq fejqan bħal dan tħalli effett kbir fuq dawk li josservawh, u dawn ‘jibqgħu mibluhin u mgħaġġbin għall-​aħħar.’ Huma jgħidu: “Kollox għamel sew. Saħansitra lit-​torox iġibhom jisimgħu u lill-​muti jitkellmu.”—Marku 7:37.