MATTEW 8:1-​4 MARKU 1:40-​45 LUQA 5:12-​16

  • ĠESÙ JFEJJAQ LIL RAĠEL BIL-​ĠDIEM

Hekk kif Ġesù u l-​erbaʼ dixxipli tiegħu jmorru jippritkaw “fis-​sinagogi . . . fil-​Galilija kollha,” l-​aħbar dwar l-​affarijiet tal-​għaġeb li qed jagħmel Ġesù tinfirex mal-​erbat irjieħ. (Marku 1:39) L-​għemil tiegħu jsir magħruf f’belt fejn hemm raġel marid bil-​ġdiem. It-​tabib Luqa jiddeskrivih bħala li hu “mimli ġdiem.” (Luqa 5:12) Meta din il-​marda kiefra tiggrava, hi bil-​mod il-​mod tibda tisfigura diversi partijiet tal-​ġisem.

Għalhekk, dan ir-​raġel bil-​ġdiem jinsab f’qagħda serja u jkollu jgħix ’il bogħod minn nies oħra. Barra minn hekk, hu suppost jgħajjat “Mhux nadif, mhux nadif!” meta n-​nies ikunu qribu, u b’hekk jipproteġihom milli jersqu viċin wisq tiegħu u jissograw li jittieħdu. (Levitiku 13:45, 46) Imma dan ir-​raġel bil-​ġdiem x’jagħmel issa? Hu jersaq lejn Ġesù, jinxteħet fl-​art quddiemu, u jitolbu bil-​ħniena: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”—Mattew 8:2.

X’fidi għandu dan ir-​raġel f’Ġesù! U min jaf kemm iġib ħniena lil min jarah! Ġesù kif se jirreaġixxi? Int x’kont tagħmel kieku kont hemm? Imqanqal mill-​mogħdrija, Ġesù joħroġ idu u saħansitra jmiss lir-​raġel. Ġesù jgħidlu: “Irrid. Indaf.” (Mattew 8:3) Għalkemm xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jemmnu dan, il-​ġdiem tar-​raġel marid jisparixxi f’ħakka t’għajn.

Tixtieq li jkollok sultan li jagħder u li hu kapaċi daqs Ġesù? Il-​mod kif jittratta lil dan ir-​raġel bil-​ġdiem jaċċertana li meta Ġesù jsir Sultan fuq l-​art kollha, se titwettaq din il-​profezija tal-​Bibbja: “Se jiddispjaċih għall-​batut u għall-​fqir, u jsalva ħajjet il-​foqra.” (Salm 72:13) Iva, Ġesù mbagħad se jwettaq ix-​xewqa taʼ qalbu, jiġifieri, li jgħin lil dawk kollha li qed ibatu.

Ftakar li anki qabel ma fejjaq lil dan ir-​raġel bil-​ġdiem, il-​ministeru taʼ Ġesù kien qed iqanqal eċċitament kbir fost in-​nies. Issa n-​nies se jisimgħu dwar din il-​ħaġa meraviljuża li għamel. Iżda Ġesù ma jridx li n-​nies ipoġġu fidi fih sempliċement minħabba dak li jisimgħu dwaru. Hu jaf il-​profezija li tgħid li hu ma kienx se ‘jsemmaʼ leħnu fit-​triq,’ jiġifieri, b’xi mod drammatiku. (Isaija 42:1, 2) Fi qbil maʼ dan, Ġesù lir-​raġel imfejjaq jagħtih dan il-​kmand: “Ara li ma tgħid lil ħadd, imma mur, uri ruħek lill-​qassis, u offri l-​għotja li ordna Mosè.”—Mattew 8:4.

Però, kif tistaʼ timmaġina, ir-​raġel tant jifraħ li ġie mfejjaq li ma jistax iżomm dak li ġara għalih waħdu. Hu jmur ixerred l-​aħbar maʼ kullimkien. Dan iqanqal iktar interess u kurżità fost in-​nies, tant li Ġesù ma jistax jidħol f’belt minħabba l-​ġenn taʼ nies. Allura għal xi żmien joqgħod f’postijiet imwarrbin fejn ma joqgħod ħadd. Imma xorta waħda, jiġu nies minn kullimkien biex jiġu mgħallmin u mfejqin minnu.