Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 46

Tfiq billi tmiss il-libsa taʼ Ġesù

Tfiq billi tmiss il-libsa taʼ Ġesù

MATTEW 9:18-​22 MARKU 5:21-​34 LUQA 8:40-​48

  • MARA TFIQ BILLI TMISS IL-​LIBSA TAʼ ĠESÙ

L-​aħbar li Ġesù ġie lura mid-​Dekapoli tinfirex fost il-​Lhud li jgħixu max-​xatt tal-​Majjistral tal-​Baħar tal-​Galilija. X’aktarx li ħafna semgħu li waqt tempesta reċenti, Ġesù kkalma r-​riħ u l-​baħar, u xi wħud forsi jafu li fejjaq lill-​irġiel maħkumin mid-​demonji. Għalhekk, inġabret “folla kbira” ħdejn il-​baħar, x’aktarx viċin Kafarnahum, biex jilqgħu lura lil Ġesù. (Marku 5:21) Hekk kif jinżel mid-​dgħajsa, huma qed jistennewh fuq ix-​xwiek.

Wieħed minn dawk li għandhom sebaʼ mitt sena biex jaraw lil Ġesù hu Ġajru, uffiċjal li jippresiedi fis-​sinagoga, forsi dik f’Kafarnahum. Hu jinxteħet f’riġlejn Ġesù u bil-​ħrara jitolbu bosta drabi: “Binti ż-​żgħira qiegħda ħażin ħafna. Jekk jogħġbok, ejja poġġi idejk fuqha biex hi tfiq u tgħix.” (Marku 5:23) Ġesù kif se jwieġeb għat-​talba mill-​qalb taʼ Ġajru biex jgħin lill-​unika tifla tiegħu, li għandha biss 12-​il sena u li hi għażiża ferm għalih?—Luqa 8:42.

Fi triqtu lejn id-​dar taʼ Ġajru, Ġesù jiffaċċja sitwazzjoni oħra emozzjonali ħafna. Ħafna min-​nies li hemm maʼ Ġesù huma eċċitati, billi qed jaħsbu jekk hux se jkunu jistgħu jarawh iwettaq miraklu ieħor. Madankollu, hemm mara fil-​folla li hi ffokata fuq il-​problema serja taʼ saħħa li għandha hi stess.

Din il-​mara Lhudija ilha 12-​il sena tbati bi tnixxija taʼ demm. Hi marret għand diversi tobba għall-​għajnuna u użat il-​flus kollha tagħha fuq kuri li huma rrikkmandawlha. Imma kien kollu għal xejn. Infatti, il-​problema tagħha “marret għall-​agħar.”—Marku 5:26.

X’aktarx li int tistaʼ tifhem li l-​marda tagħha, minbarra li tħalliha bla saħħa, hi imbarazzanti u umiljanti. Ġeneralment dak li jkun ma jitkellimx fil-​beraħ dwar problema bħal din. Barra minn hekk, fil-​Liġi Mosajka, mara li jkollha tnixxija taʼ demm ma kinitx tkun nadifa ċerimonjalment. Kull min kien imiss lilha jew l-​ilbiesi tagħha mċappsin bid-​demm kien ikollu jinħasel u jitqies bħala li mhuwiex nadif sa filgħaxija.—Levitiku 15:25-​27.

Din il-​mara “semgħet dwar Ġesù,” u issa tmur tfittxu. Minħabba li mhijiex nadifa, hi u tgħaddi mill-​folla tipprova kemm jistaʼ jkun ma tagħtix fl-​għajn. Bejnha u bejn ruħha tgħid: “Jekk imqar immisslu ħwejġu nfiq.” Meta jirnexxilha tmiss it-​tarf tal-​libsa tiegħu, hi minnufih tħoss li t-​tnixxija tad-​demm waqfet! Hi “fieqet minn din il-​marda kiefra.”—Marku 5:27-​29.

Ġesù mbagħad jgħid: “Min messni?” Kif taħseb li tħossha l-​mara xħin tismaʼ dan il-​kliem? Pietru kważi kważi jċanfar lil Ġesù billi jgħidlu: “Il-​folol qed jagħfsu fuqek u jrossuk.” Allura Ġesù għala staqsa, “Min messni?” Ġesù jispjega: “Xi ħadd messni, għax ħassejt li ħarġet qawwa minni.” (Luqa 8:45, 46) Iva, il-​fejqan li seħħ ħa mill-​enerġija taʼ Ġesù.

Billi tirrealizza li ma rnexxilhiex ma tagħtix fl-​għajn, il-​mara tinxteħet quddiem Ġesù tirtogħod bil-​biżaʼ. Quddiem kulħadd, hi tgħid il-​verità dwar il-​marda tagħha u li għadha kemm fieqet. Ġesù bil-​ħlewwa jfarraġha billi jgħidilha: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi, u kun imfejqa mill-​marda kiefra tiegħek.”—Marku 5:34.

Jidher ċar li l-​Wieħed li Alla għażel biex isaltan fuq l-​art hu xi ħadd li jħobb u jagħder. Hu mhux biss jimpurtah min-​nies imma għandu wkoll il-​qawwa biex jgħinhom!