Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 38

Ġwanni jrid jismaʼ mingħand Ġesù

Ġwanni jrid jismaʼ mingħand Ġesù

MATTEW 11:2-​15 LUQA 7:18-​30

  • ĠWANNI L-​BATTISTA JISTAQSI DWAR L-​IRWOL TAʼ ĠESÙ

  • ĠESÙ JFAĦĦAR LIL ĠWANNI

Għalkemm ilu l-​ħabs madwar sena, Ġwanni l-​Battista xorta waħda jismaʼ bl-​għemejjel meraviljużi taʼ Ġesù. Immaġina kif iħossu Ġwanni meta d-​dixxipli tiegħu jgħidulu li Ġesù rxoxta lill-​iben tal-​armla fil-​belt taʼ Najn. Madankollu, Ġwanni jrid jismaʼ direttament mingħand Ġesù dwar xi jfisser dan kollu. Allura Ġwanni jsejjaħ għandu tnejn mid-​dixxipli tiegħu. Xi jridhom jagħmlu? Hu jitlobhom imorru għand Ġesù u jistaqsuh: “Int Dak li għandu jiġi jew għandna nistennew lil ħaddieħor?”—Luqa 7:19.

Tinstemaʼ din il-​mistoqsija xi ftit stramba? Ġwanni hu raġel devot li, meta għammed lil Ġesù kważi sentejn qabel, ra l-​ispirtu t’Alla nieżel fuq Ġesù u semaʼ lil Alla japprovah. M’għandniex għalfejn naħsbu li l-​fidi taʼ Ġwanni ddgħajfet. Li kieku kien hekk, Ġesù ma kienx jitkellem daqstant tajjeb dwar Ġwanni, kif jagħmel f’din l-​okkażjoni. Imma jekk Ġwanni mhux qed ikollu d-​dubji, għala jagħmillu din il-​mistoqsija lil Ġesù?

Ġwanni forsi sempliċement irid li Ġesù jikkonfermalu direttament li hu l-​Messija. Dan kieku kien se jsaħħaħ lil Ġwanni hekk kif kien qed jinfena fil-​ħabs. U l-​mistoqsija taʼ Ġwanni milli jidher tfisser iktar minn hekk. Hu midħla tal-​profeziji tal-​Bibbja li juru li l-​Midluk t’Alla se jkun sultan u ħellies. Però, ħafna xhur wara li Ġesù ġie mgħammed, Ġwanni qiegħed il-​ħabs. Allura Ġwanni qed jistaqsi jekk hux ġej xi ħadd ieħor, xi ħadd li se jilħaq flok Ġesù, biex ngħidu hekk, u li se jwettaq bis-​sħiħ dak kollu li kien imbassar dwar il-​Messija.

Minflok ma sempliċement jgħid lid-​dixxipli taʼ Ġwanni, ‘Dażgur li jien il-​Wieħed li għandu jiġi,’ Ġesù juri li għandu l-​appoġġ t’Alla billi jfejjaq lil bosta nies minn kull tip taʼ mard u wġigħ. Imbagħad jgħid lid-​dixxipli: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li qed tisimgħu u taraw: L-​għomja qed jaraw, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin, u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu, u lill-​foqra qed tixxandrilhom l-​aħbar tajba.”—Mattew 11:4, 5.

Il-​mistoqsija taʼ Ġwanni forsi tindika li qed jistenna li Ġesù se jagħmel iktar milli qed jagħmel issa u forsi se jeħles lil Ġwanni mill-​ħabs. Madankollu, Ġesù qed jgħid lil Ġwanni biex ma jistenniex mirakli oħrajn minbarra dawk li diġà qed iwettaq.

Meta jitilqu d-​dixxipli taʼ Ġwanni, Ġesù jaċċerta lill-​folla li Ġwanni huwa iktar minn profeta. Hu “l-​messaġġier” taʼ Ġeħova li kien ipprofetizzat dwaru f’​Malakija 3:1. Hu wkoll il-​profeta Elija, kif kien imbassar f’​Malakija 4:5, 6. Ġesù jispjega: “Tassew ngħidilkom, Fost dawk li twieldu min-​nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-​Battista; imma min hu fost l-​iżgħar fis-​saltna tas-​smewwiet hu akbar minnu.”—Mattew 11:11.

Billi jgħid li l-​iżgħar wieħed fis-​Saltna tas-​smewwiet hu akbar minn Ġwanni, Ġesù qed juri li Ġwanni mhuwiex se jkun fis-​Saltna tas-​smewwiet. Ġwanni ħejja t-​triq għal Ġesù imma jmut qabel ma Kristu jiftaħ it-​triq għas-​sema. (Ebrej 10:19, 20) Iżda Ġwanni hu profeta leali t’Alla u se jgħix fuq l-​art bħala sudditu tas-​Saltna t’Alla.